Navigation path

Left navigation

Additional tools

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/10/35

Brussell, 15 ta’ April 2010

Tkabbir: ir-realtà tal-fatti tgħodd u mhux il-wegħdiet, jgħid il-KtR

Il-proċess tas-sħubija fl-UE tal-Kroazja, it-Turkija u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kien lejn il-quċċata tal-aġenda tal-KtR nhar l-Erbgħa 14 ta’ April. Wara li sema’ d-diskors tas-Sur Štefan Füle (il-Kummissarju Ewropew għall-Politika tat-Tkabbir u tal-Viċinat), il-KtR adotta l-opinjoni tiegħu dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin tal-pajjiżi kandidati li tressqet mir-relatur Georgios Papastergiou, il-Prefett ta’ Pieria (EL/PPE). Id-dibattitu fost il-membri tal-KtR ikkonċentra b’mod partikolari fuq il-progress li sar mit-Turkija u fuq ir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Greċja.

L-opinjoni tevalwa l-progress li sar minn kull pajjiż kandidat li jinsab fi triqtu lejn l-adeżjoni u tesprimi t-tħassib kbir li għandu l-KtR li ħafna mill-impenji politiċi li ħadu l-pajjiżi kandidati mhumiex qed jiġu trasposti biżżejjed f’azzjoni konkreta fil-prattika. “Id-deċiżjoni dwar is-sħubija ta’ pajjiż fl-UE tista’ tittieħed biss fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tajba tar-realtà fil-pajjiż u mhux biss billi jsir monitoraġġ tat-traspożizzjoni tal-liġijiet tal-UE fil-liġijiet nazzjonali” enfasizza r-relatur tal-KtR is-Sur Georgios Papastergiou. L-opinjoni tal-KtR tisħaq li l-pajjiżi kandidati jridu jkomplu jsaħħu l-kwalità tal-amministrazzjoni u l-governanza lokali u reġjonali tagħhom, għax jekk pajjiż ikunx lest jew le biex jissieħeb fl-UE jiddependi wkoll mill-kapaċità amministrattiva lokali u reġjonali tiegħu.

Il-Kummissarju Füle, li kien qed jitkellem għall-ewwel darba quddiem l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti lokali u reġjonali, tenna t-talbiet tal-Kummissjoni: “Il-fatt li jiġu stabbiliti s-sussidjarjetà u amministrazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja fil-livelli kollha huwa prerekwiżit ċentrali għas-sħubija fl-UE. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jkunu ppreparati tajjeb biex jirrispettaw l-obbligi li ġġib magħha s-sħubija fl-UE. Dan hu l-uniku mod kif Stat Membru ġdid jista’ jgawdi bis-sħiħ mill-opportunitajiet li toffri s-sħubija fl-UE.” Füle spjega fil-qosor il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal dak li għandu x’jaqsam mal-pajjiżi kandidati. “Bħala l-Kummissarju responsabbli għat-tkabbir, huwa xogħli li niżgura li l-pajjiżi jkunu ppreparati sew għall-adeżjoni meta jissieħbu. Il-pajjiżi ser jissieħbu meta jkunu lesti, skont il-merti individwali tagħhom. Ħadd mhu se japprofitta mis-sitwazzjoni ta’ ħaddieħor u se nagħmlu dak kollu li hemm bżonn isir mingħajr ma naqtgħu fil-qasir.” Huwa żied jgħid: “L-aktar ħaġa li tinteressana hija l-kwalità tal-proċess tas-sħubija, sabiex ma’ kull adeżjoni ġdida l-Unjoni mhux biss tikber fid-daqs iżda ssir ukoll aktar b’saħħitha.”

Filwaqt li esprima l-pożizzjoni tal-Grupp PSE, il-President tiegħu s-Sur Karl-Heinz Klär, li hu s-Segretarju tal-Istat tal-Land Federali Ġermaniż tar-Rhineland-Pfalz, tenna l-appoġġ qawwi tal-Grupp għall-Istrateġija tat-Tkabbir tal-UE 2009-2010 u laqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar f’kull wieħed mill-pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-UE: dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kroazja u t-Turkija.

“Il-kriterji ta’ Kopenħagen huma l-punti ta’ referenza ewlenin għall-proċess ta’ tkabbir tal-UE” fakkar is-Sur Klär filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ djalogu kostruttiv u li jħares ’il quddiem fi ħdan l-istrutturi internazzjonali eżistenti li jimmira għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha.

L-opinjoni tevalwa b’mod onest il-progress li sar minn kull pajjiż kandidat. Pereżempju, fir-rigward tat-Turkija l-KtR “ifaħħar lill-gvern Tork għall-imġiba kostruttiva tiegħu”, iżda “jiddispjaċih li minkejja li l-pajjiż adotta leġislazzjoni li tikkonforma mal-kriterji ta’ Kopenħagen, l-implimentazzjoni tagħha għadha lura ħafna, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tan-nisa, in-nondiskriminazzjoni, il-libertà tar-reliġjon u dik tal-espressjoni, l-ebda tolleranza fir-rigward tat-tortura, u r-ripressjoni tal-korruzzjoni” u jgħid li “mhuwiex sodisfatt bil-fatt li kien hemm nuqqas totali ta’ progress fit-trasferiment tal-kompetenzi lill-awtoritajiet lokali.” Fir-rigward tal-Kroazja, l-opinjoni tfaħħar il-progress li għamel dan il-pajjiż biex jilħaq il-kriterji għas-sħubija fl-Unjoni, iżda jirrakkomanda li jsiru aktar sforzi, pereżempju li “iżżid il-kapaċitajiet amministrattivi tal-atturi inkarigati mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni” peress li l-korruzzjoni “għadha teżisti f’bosta setturi”. Il-membri tal-KtR jinnutaw ukoll “li l-istrateġija ta’ deċentralizzazzjoni għadha ma ġietx adottata minħabba n-nuqqas ta’ impenn fil-livell politiku”. Dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-opinjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċerti muniċipalitajiet “għad għandhom biss kapaċitajiet amministrattivi limitati” u jiddispjaċih bin-“nuqqasijiet li għadhom qed jaffettwaw lill-awtoritajiet lokali fil-qasam tat-trasparenza u tar-responsabbiltà”, iżda jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqaf kumitat ġdid għall-gvern lokali.

Aqra d-diskors li ta l-Kummissarju Füle

Analiżi dettaljata għal kull pajjiż flimkien mat-talbiet politiċi tal-KtR lill-pajjiżi kandidati jistgħu jinstabu fl-abbozz ta’ opinjoni u l-emendi mressqa.

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffetwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Athénais Cazalis de Fondouce

Kumitat tar-Reġjuni tal-UE

Tel. +32 (0)2 546 2447

Athenais.cazalisdefondouce@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website