Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-KtR jivvota dwar il-prijoritajiet politiċi u jibda dibattitu dwar kwistjonijiet ċentrali mal-Kummissarji Hahn, Füle u Cioloş

Committee of the Regions - COR/10/34   09/04/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stqarrija għall-istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/10/34

Brussell, 9 ta April 2010

Il-KtR jivvota dwar il-prijoritajiet politiċi u jibda dibattitu dwar kwistjonijiet ċentrali mal-Kummissarji Hahn, Füle u Cioloş

Wara li l-Kummissjoni Ewropea adottat il-programm ta’ ħidma tagħha għall-2010, il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni ser jiltaqgħu għal din is-sessjoni plenarja biex jagħżlu l-prijoritajiet li ser imexxu ħidmiethom tul din is-sena. Fuq il-bażi tal-arkitettura l-ġdida tal-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, huma ser jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet dwar il-politiki li għandhom impatt qawwi fil-livell lokali, bħalma huma r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni u dik tal-Politika ta’ Koeżjoni, kif ukoll id-direzzjoni li l-UE ser tagħżel għall-ġejjieni tagħha − b’mod speċjali fil-qasam ekonomiku u ambjentali.

Permezz tal-aġenda ta’ din is-sessjoni plenarja, il-membri tal-KtR ser ikunu jistgħu jindirizzaw għadd kbir minn dawn il-kwistjonijiet, permezz ta’ djalogu ma’ dawk li jfasslu dawn il-politiki.

Il-KtR iwaqqaf l-aġenda ta’ żewġ dibattiti ewlenin dwar il-politika reġjonali

Il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni u t-triq li ser jieħdu l-‘makroreġjuni’ tal-Ewropa, bħal dak tal-Baħar Baltiku jew iż-żona tad-Danubju, ser ikunu l-qofol tas-sessjoni plenarja ta’ April. Johannes Hahn, il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali, ser jingħaqad mal-membri tal-KtR għal dawn id-dibattiti u se jressaq il-prijoritajiet tiegħu għall-ħames snin li ġejjin (aqra l-intervista mal-Kummissarju fuq il-websajt tal-KtR).

Fit-13 ta’ April, il-Forum dwar il-‘makroreġjuni’ tal-Ewropa tal-KtR ser tkun l-ewwel opportunità biex jinstabu rabtiet bejn il-kunċetti ġeografiċi differenti li jippruvaw jiddefinixxu l-proġetti prijoritarji tal-UE għal gruppi ta’ reġjuni jew pajjiżi. L-Istrateġija għall-Baħar Baltiku kienet l-ewwel eżempju ta’ dan l-approċċ ġdid u diġà qed tiġi implimentata. Pauliina Haijanen (FI/PPE) eżaminat l-istrateġija bir-reqqa u ħejjiet abbozz ta’ opinjoni li għandu jiġi adottat fl-14 ta’ April.

Fil-15 ta’ April, il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni ser jiddiskutu u jadottaw abbozz ta’ opinjoni dwar il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni, imħejjija minn Michael Schneider (DE/PPE), li hu s-segretarju tal-istat għall-affarijiet Ewropej tal-Land ta’ Sachsen-Inhalt. Permezz ta’ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni ser ikun l-ewwel korp tal-UE li fassal pożizzjoni uffiċjali dwar il-futur tal-għajnuniet reġjonali tal-UE għal wara l-2013.

Dacian Cioloş, Stefan Füle u Michel Platini jindirizzaw il-plenarja tal-KtR

Nhar l-Erbgħa ser tkun l-ewwel opportunità għall-Kummissarju Ewropew il-ġdid għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, is-Sur Dacian Cioloş, biex jindirizza lill-membri tal-KtR. Ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE ta’ din is-sena mistennija tħalli impatt qawwi fuq il-fondi għall-bdiewa, li huma s-sinsla tal-ekonomija rurali f’ħafna reġjuni tal-Ewropa, u l-KtR huwa ħerqan biex jibda d-dibattitu malajr kemm jista’ jkun. Il-Kumitat ser jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni minn René Souchon (FR/PSE), li hu l-president tal-kunsill reġjonali ta’ Auvergne. L-opinjoni hija mistennija tiġi adottata f’Ġunju, ħafna qabel ma toħroġ il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-PAK għal wara l-2013, li mistennija toħroġ lejn l-aħħar tas-sena.

Fl-istess jum, il-Kummissarju inkarigat mill-politika ta’ tkabbir u tal-viċinat is-Sur Štefan Füle, ser jindirizza lill-membri tal-KtR għall-okkażjoni tal-evalwazzjoni tal-opinjoni dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi prinċipali għall-2009 u l-2010 għall-pajjiżi kandidati, li tħejjiet mis-Sur Georgios Papastergiou, prefett ta’ Pieria (EL/PPE). L-abbozz ta’ opinjoni janalizza b’mod konċiż il-progress li sar minn kull pajjiż kandidat fi triqtu lejn is-sħubija. Iżda l-iktar aspett importanti tiegħu jinsab fl-evalwazzjoni ta’ kif il-pajjiżi kandidati qed jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija għas-sħubija.

Nhar l-Erbgħa 14 ta’ April, Michel Platini, il-President tal-UEFA, ukoll ser ikun il-mistieden tal-Kumitat tar-Reġjuni. Flimkien mal-membri tal-assemblea, huwa ser jiddiskuti r-rwol tal-futbol fl-integrazzjoni soċjali u l-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-bliet u r-reġjuni tal-Unjoni Ewropea. Fl-2007 il-KtR diġà adotta opinjoni dwar l-opportunitajiet ugwali u l-isport, iżda l-miġja ta’ Michel Platini fi Brussell ħabtet fil-bidu tal-perjodu ta’ twettiq tat-Trattat ta’ Lisbona li jiddefinixxi bażi legali għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam sportiv.

Għal aktar tagħrif dwar l-aġenda tas-sessjoni plenarja, iżda wkoll dwar l-opinjonijiet li ser jiġu adottati u l-konferenzi stampa organizzati matul is-sessjoni plenarja, jekk jogħġbok seġwi l-links.

Id-dibattiti ser jixxandru fuq il-web minn fuq il-paġna www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffetwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Athénais Cazalis de Fondouce

Tel. +32 2 282 2447

Athenais.cazalisdefondouce@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website