Navigation path

Left navigation

Additional tools

Stqarrija għall-Istampa

L-Assemblea tal-UE tar-Rappreżentanti Reġjonali u Lokali

COR/10/32

Brussell, 13 ta’ April 2010

Fil-Kumitat tar-Reġjuni d-dibattitu dwar il-“makroreġjuni” tal-UE jgħaddi għall-istadju li jmiss

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED
L-istrateġiji makroreġjonali tal-UE jiddefinixxu l-proġetti prijoritarji għal gruppi ta’ reġjuni jew pajjiżi, bħar-reġjun tal-Baħar Baltiku jew iż-żona tad-Danubju. Il-konferenza ta’ livell għoli li organizza llum il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) fi Brussell kienet l-ewwel opportunità biex jintrabtu flimkien dawn id-dibattiti ġeografiċi separati u jiġi eżaminat il-kunċett b’mod globali. Il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali Johannes Hahn ingħaqad ma’ aktar minn 300 politiku u espert sabiex jiddibattu dwar il-potenzjal u l-limitazzjonijiet tal-istrateġiji makroreġjonali li jeżistu u li qed jiġu żviluppati.

Wara l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku f’Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea mistennija tipproponi abbozz ta’ “strateġija għad-Danubju” sal-aħħar ta’ din is-sena, kif issuġġerixxa l-Kumitat tar-Reġjuni. Dawn l-istrateġiji huma meqjusa bħala l-ewwel żewġ testijiet tal-approċċ makroreġjonali, li l-għan tiegħu hu li jistabbilixxi l-prijoritajiet għal reġjuni Ewropej kbar fil-livell tal-UE u li jiddefinixxi azzjonijiet konkreti għall-kooperazzjoni transkonfinali. L-objettiv huwa li r-riżorsi eżistenti jintużaw b’mod aktar effettiv sabiex jittejbu, pereżempju, in-netwerks tat-trasport u tal-enerġija, jew sabiex jiġu indirizzati t-tniġġis, l-iżvilupp soċjali, il-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni u l-politika tas-sigurtà. L-avveniment tal-Kumitat tar-Reġjuni li sar illum kien l-ewwel okkażjoni biex jiġi diskuss il-valur miżjud tal-qafas makroreġjonali fir-reġjuni differenti tal-Ewropa.

Ramón Luis Valcárcel Siso (ES/PPE), l-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni u President tal-Komunità Awtonoma ta’ Murcia, laqa’ l-“valur miżjud” tal-approċċ territorjali filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet reġjonali jiġu involuti fl-iżvilupp ta’ makroreġjun sa mill-bidu nett. Sejjaħ ukoll għal dibattitu usa’ biex tiġi evitata Ewropa li timxi b’żewġ ritmi differenti, fejn partijiet mill-kontinent jibbenefikaw mill-approċċi makroreġjonali u oħrajn le, u jagħmel referenza b’mod partikolari għall-baċir tal-Mediterran.

Johannes Hahn, Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali, ikkumenta li: “Approċċ integrat, bil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet fl-oqsma ta’ politika differenti, jikseb riżultati aħjar mill-inizjattivi individwali. Jekk gruppi ta’ pajjiżi u reġjuni jagħżlu li jingħaqdu flimkien biex jiksbu objettivi komuni, dan isaħħaħ ukoll il-koeżjoni tal-UE.”

L-adozzjoni tar-rapport dwar l-Istrateġija għall-Baħar Baltiku fis-sessjoni plenarja ta’ April

Fis-sessjoni plenarja tal-14 u l-15 ta’ April, il-Kumitat tar-Reġjuni ser jadotta wkoll rapport dwar l-Istrateġija għall-Baħar Baltiku mħejji minn Pauliina Haijanen (FI/PPE). Fl-abbozz ta’ opinjoni tagħha, il-Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Belt ta’ Laitila tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi r-rwol ċentrali u l-kapaċitajiet tal-atturi fil-livell reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. Fil-fehma tagħha, il-livelli reġjonali u lokali għandhom jingħataw pożizzjoni prinċipali fl-identifikazzjoni u l-għażla tal-korpi ta’ koordinazzjoni fil-livell ta’ oqsma prijoritarji u tal-imsieħba ewlenin għall-proġetti gwida.

Il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni wrew l-impenn politiku tagħhom billi fformaw “intergruppi” bil-għan li jiffaċilitaw id-diskussjonijiet dwar strateġiji makroreġjonali speċifiċi. Sabiex jiġu żviluppati b’mod ikkoordinat madwar l-Ewropa kollha, il-KtR ser jgħaddi d-dibattitu ġenerali dwar l-istrateġiji makroreġjonali lill-Kummissjoni għall-Koeżjoni Territorjali (COTER).

Għal aktar informazzjoni dwar il-konferenza, jekk jogħġbok żur dan is-sit: www.cor.europa.eu/macroregions

Żur is-sit tal-KtR: www.cor.europa.eu

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa l-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Il-missjoni tat-344 membru tiegħu minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE hija li jinvolvu lill-awtoritajiet u lill-komunitajiet reġjonali u lokali li jirrappreżentaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u li jinfurmawhom dwar il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma obbligati li jikkonsultaw lill-Kumitat fl-oqsma ta’ politika li jaffettwaw lir-reġjuni u l-bliet. Jekk jinkisru drittijietu jew jekk jemmen li liġi tal-UE tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà jew tonqos li tirrispetta s-setgħat reġjonali u lokali, il-Kumitat jista’ jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Michael Alfons

Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-UE

Tel. +32 (0)2 546 8559

Michael.Alfons@cor.europa.eu

Biex taqra l-istqarrijiet għall-istampa preċedenti, agħfas hawn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website