Navigation path

Left navigation

Additional tools

Stampa u Informazzjoni

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 8/13

il-Lussemburgu, 31 ta’ Jannar 2013

Sentenza fil-Kawża C‑12/11

Denise McDonagh vs Ryanair Ltd

It-trasportatur tal-ajru għandu jassisti lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata minħabba ċirkustanzi straordinarji bħalma huma l-għeluq tal-ispazju tal-ajru wara l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix limitu temporali jew monetarju għal dan l-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri (akkomodazzjoni f’lukanda, ikel, xorb)

Fil-każ tal-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, it-trasportatur tal-ajru huwa obbligat, skont id-dritt tal-Unjoni 1, jassisti lill-passiġġieri u jagħtihom kumpens. Fir-rigward tal-obbligu ta’ assistenza, it-trasportatur tal-ajru għandu jipprovdi b’xejn, fid-dawl tat-tul tad-dewmien, xorb, ikel u, jekk meħtieġ, akkomodazzjoni f’lukanda, trasport mill-ajruport għall-post tal-akkomodazzjoni kif ukoll mezzi ta’ komunikazzjoni ma’ terzi. It-trasportatur tal-ajru huwa marbut jissodisfa dan l-obbligu anki meta l-kanċellazzjoni tat-titjira sseħħ minħabba ċirkustanzi straordinarji, jiġifieri dawk li ma jkunux jistgħu jiġu evitati, anki jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens, it-trasportatur jista’ jevita dan l-obbligu jekk ikun f’pożizzjoni li juri li l-kanċellazzjoni tkun saret minħabba ċirkustanzi bħal dawn.

Wara l-eruzzjoni tal-vulkan Islandiż Eyjafjallajökull, l-ispazju tal-ajru ta’ diversi Stati Membri – inkluż l-ispazju Irlandiż –, ingħalaq, bejn il-15 u t-22 ta’ April 2010, minħabba riskji inkorsi mill-inġenji tal-ajru.

D. McDonagh kienet waħda mill-passiġġieri tat-titjira Faro-Dublin, prevista għas-17 ta’ April 2010, li ġiet ikkanċellata wara l-eruzzjoni tal-vulkan. Kien biss fit-22 ta’ April 2010 li t-titjiriet bejn l-Irlanda u l-Ewropa kontinentali reġgħu bdew joperaw u D. McDonagh setgħet tmur lura l-Irlanda biss fl-24 ta’ April 2010. Matul dan il-perijodu, Ryanair ma pprovditilha ebda assistenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tqis li din il-kumpannija tal-ajru hija obbligata tħallasha kumpens ta’ madwar EUR 1 130, somma li tikkorrispondi għall-ispejjeż tagħha ta’ ikel, xorb, akkomodazzjoni u trasport, inkorsi bejn is-17 u l-24 ta’ April 2010.

Id-Dublin Metropolitan District Court (l-Irlanda), adita bit-tilwima, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-għeluq tal-ispazju tal-ajru kkawżat minn eruzzjoni ta’ vulkan jaqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, li jobbligaw lit-trasportatur tal-ajru jassisti lill-passiġġieri, jew jekk, għall-kuntrarju, dan jaqax taħt ċirkustanzi li jmorru lil hinn minn “ċirkostanzi straordinarji” u jeżentaw lil dan tal-aħħar mill-obbligu tiegħu li jassisti lill-passiġġieri. Barra minn hekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li tali ċirkustanzi jaqgħu fil-fatt taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, hija mistiedna tiddeċiedi wkoll il-kwistjoni dwar jekk, f’tali sitwazzjoni, l-obbligu ta’ assistenza għandux jiġi limitat b’mod temporali u/jew monetarju.

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxix, lil hinn minn “ċirkostanzi straordinarji”, kategorija distinta ta’ avvenimenti “partikolarment straordinarji” li jkollhom il-konsegwenza li jeżentaw lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligi kollha tiegħu taħt ir-Regolament, inkluż dak tal-assistenza. Fil-fatt, jekk ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-każ ineżami kellhom joħorġu, minħabba l-oriġini u l-kobor tagħhom, mill-ambitu tal-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, dan ikollu l-konsegwenza li t-trasportaturi tal-ajru jkunu marbuta jipprovdu l-assistenza prevista mir-Regolament biss lill-passiġġieri tal-ajru li jkunu, minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, f’sitwazzjoni ta’ inkonvenjenza limitata. Min-naħa l-oħra, il-passiġġieri li jkunu fi stat ta’ vulnerabbiltà partikolari minħabba li dawn ikollhom jgħaddu diversi jiem f’ajruport, ikunu mċaħħda minn din il-protezzjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq ta’ parti mill-ispazju Ewropew wara eruzzjoni ta’ vulkan bħalma hija dik tal-Eyjafjallajökull jikkostitwixxu “ċirkostanzi straordinarji” li ma jeżentawx lit-trasportaturi tal-ajru mill-obbligu tagħhom ta’ assistenza.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li r-Regolament ma jipprevedi ebda limitu, temporali jew monetarju, għall-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri, vittmi ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira minħabba ċirkustanzi straordinarji. Għalhekk, l-obbligi kollha ta’ assistenza lill-passiġġieri jorbtu lit-trasportatur tal-ajru għall-perijodu kollu li matulu l-passiġġieri kkonċernati jkollhom jistennew sakemm jingħataw titjira oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-assistenza lill-passiġġieri tkun partikolarment importanti meta jirrikorru “ċirkostanzi straordinarji” li jieħdu ż-żmien u li huwa proprju fil-każijiet fejn l-istennija kkawżata mill-kanċellazzjoni ta’ titjira tkun partikolarment twila li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-passiġġier tal-ajru jkun jista’ jaċċedi għall-prodotti u għas-servizzi tal-ewwel ħtieġa, u dan matul iż-żmien kollu tal-istennija.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, jekk l-obbligu ta’ assistenza jinvolvi ċirkustanzi finanzjarji għat-trasportaturi tal-ajru, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma sproporzjonati fil-kuntest tal-għan ta’ protezzjoni ta’ livell għoli tal-passiġġieri. Fil-fatt, l-importanza li dan l-għan għandu tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, it-trasportaturi tal-ajru, bħala operaturi avżati, għandhom jipprevedu l-ispejjeż marbuta mat-twettiq tal-obbligu tagħhom ta’ assistenza. Huma jistgħu wkoll jinkludu l-ispejjeż ikkawżati minn dan l-obbligu fil-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li meta t-trasportatur tal-ajru ma jkunx osserva l-obbligu tiegħu ta’ assistenza lil passiġġier tal-ajru, dan tal-aħħar jista’ jikseb biss, bħala kumpens, ir-rimbors tal-ammonti li jirriżultaw neċessarji, xierqa u raġonevoli sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru, u dan huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa.

AVVIŻ: Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jippermetti lill-qrati tal-Istati Membri, fil-kuntest ta’ tilwima li jkollhom quddiemhom, li jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix it-tilwima nazzjonali. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddeċidi l-kawża konformement mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-deċiżjoni torbot, bl-istess mod, lill-qrati nazzjonali l-oħra li jkollhom quddiemhom problema simili.

Dokument mhux uffiċjali għall-użu tal-mezzi tal-komunikazzjoni li ma jorbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja.

It-test sħiħ tas-sentenza jinsab fuq is-sit CURIA mill-jum li fiha tingħata s-sentenza.

Kuntatt għall-istampa: Christopher Fretwell (+352) 4303 3355

Xeni tal-għoti tas-sentenza jinsabu fuq “Europe by Satellite” (+32) 2 2964106

1 :

Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website