Navigation path

Left navigation

Additional tools

50 sena ta’ effett dirett tad-dritt tal-Unjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-impriżi

Court of Justice - CJE/13/56   07/05/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stampa u Informazzjoni

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

STQARRIJA GĦALL-ISAMPA Nru 56/13

Il-Lussemburgu, 7 ta’ Mejju 2013

50 sena ta’ effett dirett tad-dritt tal-Unjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-impriżi

Mis-sentenza Van Gend & Loos tal-1963, l-individwi jistgħu jinvokaw direttament id-dritt tal-Unjoni quddiem l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali

Fil-5 ta’ Frar 1963, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Van Gend & Loos 1, b’risposta għal domanda preliminari magħmula minn qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi, it-Tariefcommissie. Din il-qorti kellha tiddeċiedi tilwima bejn l-impriża tat-traspost stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, Van Gend & Loos, u l-amministrazzjoni fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar id-dazji doganali li din l-impriża kellha tħallas sabiex tkun tista’ timporta merkanzija mill-Ġermanja fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-impriża tat-trasport kienet qiegħda ssostni li r-rata applikata kienet tmur kontra r-regola tat-Trattat KEE li kienet tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jżidu d-dazji doganali fir-relazzjonijiet kummerċjali reċiproċi tagħhom. Min-naħa tagħha, l-amministrazzjoni fiskali kienet tal-fehma li l-impriża ma setgħetx tinvoka din ir-regola minħabba li din kienet toħloq obbligu biss fil-konfront tal-Istati Membri l-oħra.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet wieħed mill-prinċipji fundaturi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea: l-effett dirett. Dan il-prinċipju jistabbilixxi li d-dritt tal-Unjoni ma joħloqx biss obbligi reċiproċi bejn l-Istati Membri iżda joħloq ukoll, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-impriżi, effetti immedjati billi jagħtihom drittijiet individwali li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.

Sabiex jitfakkar l-għoti ta’ din is-sentenza, ser tinżamm konferenza fit-13 ta’ Mejju 2013 fil-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ din il-konferenza, li kienet miftuħa għar-rappreżentanti tal-professjonijiet legali kollha u tad-dinja akkademika permezz ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni fuq l-internet, il-parteċipanti ser jiddiskutu l-kontenut tas-sentenza, ir-riperkussjonijiet tagħha u l-perspettivi ta’ din il-ġurisprudenza 2. Id-dibattiti f’din il-konferenza ser jiġu introdotti permezz ta’ diversi interventi minn personalitajiet esterni għall-Qorti tal-Ġustizzja, bl-istess spirtu ta’ kollaborazzjoni mad-dinja legali esterna li reċentement intwera fil-ktieb ippubblikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tagħha f’Diċembru 2012.

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Istituzzjoni, il-pubbliku ġenerali ser ikun jista’ jsegwi d-dibattiti permezz ta’ trażmissjoni diretta fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja (www.curia.europa.eu), possibbiltà din li hija xhieda tan-natura unika ta’ dan l-avveniment u tal-importanza li għandu l-prinċipju ta’ effett dirett għal kull ċittadin u impriża tal-Unjoni.

Il-programm tal-konferenza jista’ jiġi kkonsultat billi tagħfas fuq din l-istampa:

Dokument mhux uffiċjali għall-użu tal-mezzi tal-komunikazzjoni li ma jorbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Kuntatt għall-istampa: Christopher Fretwell (+352) 4303 3355

1 :

Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, 26/62.

2 :

Għall-avviż ta’ din il-konferenza u iktar dettalji ara l-Istqarrija għall-Istampa Nru 10/13.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website