Navigation path

Left navigation

Additional tools

Stampa u Informazzjoni

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru154/12

Il-Lussemburgu, is-27 ta' Novembru 2012

Sentenza fil-Kawża C‑370/12

Thomas Pringle vs Government of Ireland, Ireland, The Attorney General

Il-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizza l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà (MES)

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix il-konklużjoni u r-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi l-MES mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni 2011/1991 li tipprevedi ż-żieda fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ta’ dispożizzjoni ġdida2 li tipprovdi li l-Istati Membri, li l-munita tagħhom hija l-euro, jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà li għandu jiġi attivat jekk dan ikun indispensabbli sabiex tinżamm l-istabbiltà taż-żona euro kollha. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ġdida tipprovdi li l-għoti ta’ kull assistenza finanzjarja neċessarja skont dan il-mekkaniżmu għandu jkun suġġett għal kundizzjonalità stretta. Din l-emenda tat-Trattat għandha jkollha effett mill-1 ta’ Jannar 2013, bil-kundizzjoni li tkun ġiet approvata mill-Istati Membri skont ir-regoli kostituzzjonali tagħhom.

Sussegwentement, l-Istati taż-żona euro3 kkonkludew, fit-2 ta’ Frar 2012, it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), li għandu personalità ġuridika. Dan huwa intiż li jimmobilizza riżorsi finanzjarji u li jipprovdi, taħt kundizzjonalità stretta adattata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, sostenn għall-istabbiltà tal-membri tiegħu li jkunu għaddejjin jew ikollhom riskju li jgħaddu minn problemi serji ta’ finanzjament. Dan is-sostenn jista’ jingħata biss jekk ikun indispensabbli sabiex tinżamm l-istabbiltà taż-żona euro kollha u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES huwa awtorizzat iżid il-fondi billi joħroġ strumenti finanzjarji jew billi jikkonkludi ftehim jew arranġamenti finanzjarji jew ftehim u arranġamenti oħra mal-membri tiegħu, ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew ma’ terzi oħra. Il-kapaċita massima ta’ self tiegħu għandha tkun inizjalment stabbilita għal EUR 500 biljun. Il-kundizzjonalità stretta li għandu jkun suġġett għaliha kull sostenn tista’ tieħu l-forma, b’mod partikolari, ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku jew tal-obbligu li jkun hemm osservanza kontinwa tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà prestabbiliti.

Quddiem il-qrati Irlandiżi, T. Pringle, Membru Parlamentari Irlandiż, isostni li l-emenda tat-TFUE b’deċiżjoni tal-Kunsill – u għalhekk bil-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata – hija illegali. Fil-fatt, huwa jsostni li din l-emenda tkun timplika modifika tal-kompetenzi tal-Unjoni u tkun inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea4, dwar l-Unjoni ekonomika u monetarja, kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, T. Pringle jsostni li, billi tirratifika, tapprova jew taċċetta t-Trattat MES, l-Irlanda ser tkun qiegħda tassumi obbligi inkompatibbli mal-imsemmija trattati.

Huwa għalhekk li s-Supreme Court (l-Irlanda) iddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199 u dwar il-kompatibbiltà tal-MES mad-dritt tal-Unjoni. Sabiex tiġi eliminata, mill-iktar fis possibbli, l-inċertezza li jqajmu dawn id-domandi, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jilqa’ t-talba tas-Supreme Court, imressqa fit-3 ta’ Awwissu 2012, sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa5. Barra minn hekk, peress li qieset li din il-kawża hija partikolarment importanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li teżaminaha f’seduta plenarja, magħmula mis-27 Imħallef kollha. L-Avukat Ġenerali J. Kokott ippreżentat l-Opinjoni tagħha fis-26 ta’ Ottubru 2012.

Permezz tas-sentenza tal-lum tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-eżami tagħha ma rrivela ebda fattur li jista’ jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/199.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-dispożizzjonijiet tat-TUE u tat-TFUE kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva la jipprekludu l-konklużjoni u lanqas ir-ratifika tat-Trattat MES.

Barra minn hekk, id-dritt ta’ Stat Membru li jikkonkludi u jirratifika dan it-trattat ma huwiex suġġett għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2011/199.

Fuq id-Deċiżjoni 2011/199

Permezz tad-Deċiżjoni 2011/199, il-Kunsill irrikorra għall-possibbiltà li jemenda t-TFUE permezz ta’ proċedura ssemplifikata (jiġifieri mingħajr konvokazzjoni ta’ Konvenzjoni komposta minn rappreżentanti ta’ parlamenti nazzjonali, ta’ kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvernijiet tal-Istati Membri, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni). Din il-proċedura tapplika biss għall-politiki u għall-azzjonijiet interni tal-Unjoni (It-Tielet Parti tat-TFUE) u ma tistax iżżid il-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni bit-Trattati.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-emenda kkontestata tikkonċerna – kemm proċeduralment kif ukoll sostanzjalment – il-politiki u l-azzjonijiet interni tal-Unjoni, b’tali mod li l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta.

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-emenda inkwistjoni ma tinterferixxix mal-kompetenza esklużiva rikonoxxuta lill-Unjoni (L-Ewwel Parti tat-TFUE) fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Filwaqt li l-għan prinċipali tal-politika monetarja tal-Unjoni huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet, il-MES għandu għan tabilħaqq differenti, li huwa l-istabbiltà taż-żona euro kollha. Is-sempliċi fatt li din il-miżura ta’ politika ekonomika jista’ jkollha effetti indiretti fuq l-istabbiltà tal-euro ma jippermettix li tali miżura tiġi ekwiparata ma’ miżura ta’ politika monetarja. Barra minn hekk, il-mezzi previsti sabiex jintlaħaq l-għan tal-MES, li huwa li tiġi żgurata assistenza finanzjarja lil Stat Membru, manifestament ma jaqgħux taħt il-politika monetarja.

Il-MES jikkostitwixxi pjuttost parti supplimentari għall-qafas regolamentari ġdid għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-Unjoni. Dan il-qafas jistabbilixxi koordinazzjoni u sorveljanza iktar stretti tal-politiki ekonomiċi u baġitarji mħaddna mill-Istati Membri u huwa intiż li jikkonsolida l-istabbiltà makroekonomika u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Filwaqt li dan il-qafas huwa ta’ natura kawtelatorja, inkwantu huwa intiż li jnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ kriżijiet ta’ dejn sovran, l-istabbiliment tal-MES huwa intiż li jamministra l-kriżijiet finanzjarji li, minkejja l-azzjonijiet kawtelatorji li jkunu ttieħdu, jistgħu madankollu jinħolqu. Konsegwentement, il-MES jaqa’ taħt il-qasam tal-politika ekonomika.

It-tieni nett, l-emenda inkwistjoni lanqas ma taffettwa l-kompetenza rikonoxxuta lill-Unjoni (L-Ewwel Parti tat-TFUE) fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri.

Fil-fatt, peress li d-dispożizzjonijiet tat-TUE u tat-TFUE ma jikkonferixxux kompetenza speċifika lill-Unjoni sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħal dak previst mid-Deċiżjoni 2011/199, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma awtorizzati jikkonkludu, bejniethom, ftehim dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà. Barra minn hekk, il-kundizzjonalità stretta li, skont l-emenda inkwistjoni tat-TFUE, għandu jkun suġġett għaliha l-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-MES, hija intiża li tiżgura, li, fil-funzjonament tiegħu, dan il-mekkaniżmu josserva d-dritt tal-Unjoni, inklużi l-miżuri meħuda mill-Unjoni fil-kuntest tal-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri.

It-tieni kundizzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata, jiġifieri li l-emenda tat-TFUE ma żżidx il-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni fit-Trattati, hija wkoll issodisfatta.

Fil-fatt, l-emenda inkwistjoni ma toħloq ebda bażi legali bil-għan li tippermetti lill-Unjoni twettaq azzjoni li ma kinitx possibbli preċedentement. Minkejja li l-MES jirrikorri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari, għall-Kummissjoni u għall-BĊE, dan il-fatt, fi kwalunkwe każ, ma jistax jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/199, li, min-naħa tagħha, tipprevedi biss l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà mill-Istati Membri u ma tipprovdi xejn dwar l-irwol eventwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

Fuq it-Trattat MES

Il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk ċerti dispożizzjonijiet tat-TUE u tat-TFUE kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jipprekludux il-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, domanda li tirrispondi fin-negattiv. Huwa involuti, speċifikament, dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja6 u dwar il-kompetenza tagħha li tikkonkludi ftehim internazzjonali7, sussegwentement, dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-politika ekonomika tal-Unjoni8, u finalment, dispożizzjonijiet tat-TUE li jobbligaw lill-Istati Membri b’kooperazzjoni leali9 u li jipprovdu li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-attribuzzjonijiet li jingħatawlha bit-Trattati10.

Fir-rigward tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro11, il-Qorti tal-Ġustizzja ttenni li din il-politika hija intiża għaż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. L-attivitajiet tal-MES ma jaqgħux taħt din il-politika.

Fil-fatt, il-MES ma għandux bħala għan iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet, iżda huwa intiż li jissodisfa l-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-membri tal-MES. Għal dan il-għan, il-MES la huwa awtorizzat jistabbilixxi r-rati ta’ interess prinċipali għaż-żona euro u lanqas li joħroġ euros: l-assistenza finanzjarja li huwa jagħti għandha tkun iffinanzjata kollha mill-kapital disponibbli jew mill-emissjoni ta’ strumenti finanzjarji. Anki jekk jitqies li l-attivitajiet tal-MES jistgħu jinfluwenzaw il-livell ta’ inflazzjoni, tali influwenza tkun biss il-konsegwenza indiretta tal-miżuri ta’ politika ekonomika meħuda.

Fir-rigward tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta tali konklużjoni tista’ taffettwa r-regoli komuni jew tibdel il-portata tagħhom12, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li ebda argument imqajjem f’dan il-kuntest ma rrileva li ftehim bħall-MES ikollu tali effetti.

Fir-rigward tal-kompetenza tal-Unjoni li tikkoordina l-politika ekonomika13, il-Qorti tal-Ġustizzja ttenni li l-Istati Membri huma awtorizzati jikkonkludu, bejniethom, ftehim li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħat-Trattat MES, sa fejn l-impenji meħuda mill-Istati Membri kontraenti fil-kuntest ta’ tali ftehim josservaw id-dritt tal-Unjoni. Il-MES ma għandux bħala għan il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, iżda jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ finanzjament. Barra minn hekk, il-kundizzjonalità stretta li għandu jkun suġġett għaliha kull sostenn u li tista’ tieħu l-forma ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku, ma tikkostitwixxix strument ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istat Membri, iżda hija intiża li tiżgura l-kompatibbiltà tal-attivitajiet tal-MES, b’mod partikolari, mal-klawżola ta’ “non salvataġġ” tat-TFUE14 u mal-miżuri ta’ koordinazzjoni meħuda mill-Unjoni. Barra minn hekk, it-Trattat MES lanqas ma jaffettwa l-kompetenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li joħroġ rakkomandazzjonijiet15 fir-rigward ta’ Stat Membru li għandu defiċit eċċessiv.

B’mod partikolari, il-kompetenza tal-Kunsill li jagħti assistenza finanzjarja tal-Unjoni lil Stat Membru li jkun għaddej minn diffikultajiet jew ikollu riskju serju li jgħaddi minn diffikultajiet gravi minħabba katastrofi naturali jew avvenimenti eċċezzjonali li ma għandux kontroll fuqhom16 ma tipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħall-MES, sa fejn, fil-funzjonament tiegħu, dan il-mekkaniżmu josserva d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-miżuri meħuda mill-Unjoni fil-qasam tal-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. It-Trattat MES jinkludi dispożizzjonijiet17 li huma speċifikament intiżi li jiżguraw li kull assistenza finanzjarja mogħtija mill-MES tkun kompatibbli ma’ tali miżuri ta’ koordinazzjoni.

Il-projbizzjoni lill-BĊE u lill-banek ċentrali tal-Istati Membri li jagħtu self kurrenti jew kwalunkwe tip ieħor ta’ kreditu lill-awtoritajiet u korpi pubbliċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri u kif ukoll li jiksbu direttament mingħandhom strumenti tad-dejn tagħhom18 ma hijiex evitata bil-MES. Fil-fatt, din il-projbizzjoni hija speċifikament indirizzata lill-BĊE u lill-banek ċentrali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja minn Stat Membru jew mill-Istati Membri kollha lil Stat Membru ieħor, direttament jew permezz tal-MES, ma jaqax taħt l-imsemmija projbizzjoni.

Il-klawżola ta’ “non salvataġġ”19, li tipprovdi li l-Unjoni jew Stat Membru ma humiex responsabbli għall-impenji ta’ Stat Membru ieħor u ma jassumux responsabbiltà għalihom, ma hijiex intiża li tipprojbixxi lill-Unjoni jew lill-Istati Membri milli jagħtu kwalunkwe forma ta’ assistenza finanzjarja lil Stat Membru ieħor. Din il-klawżola hija pjuttost intiża li tiżgura li l-Istati Membri josservaw politika baġitarja għaqlija, filwaqt li tiggarantixxi li huma jibqgħu suġġetti għal-loġika tas-suq meta jidħlu f’dejn. Għalhekk, hija ma tipprojbixxix l-għoti ta’ assistenza finanzjarja minn Stat Membru jew iktar lil Stat Membru li jibqa’ responsabbli lejn il-kredituri tiegħu u bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti marbuta ma’ tali assistenza jistgħu jħeġġu lil dan tal-aħħar jimplementa politika baġitarja għaqlija. Il-MES u l-Istati Membri li jipparteċipaw fih, ma humiex responsabbli għall-impenji ta’ Stat Membru benefiċjarju ta’ sostenn għall-istabbiltà u lanqas ma jassumu responsabbiltà fis-sens tal-klawżola ta’ “non salvataġġ”.

Peress li l-MES ma jiksirx id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-politika ekonomika u monetarja u peress li jipprovdi garanziji li, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-MES ser josserva d-dritt tal-Unjoni, huwa lanqas ma jikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali20, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jonqsu milli jieħdu kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni.

Barra minn hekk, il-Qortit tal-Ġustizzja tikkonstata li l-attribuzzjoni, mit-Trattat MES, ta’ funzjonijiet ġodda lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-Qorti tal-Ġustizzja hija kompatibbli mal-attribuzzjonijiet tagħhom kif iddefiniti fit-Trattati21. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, b’mod partikolari, li l-funzjonijiet fdati lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES ma jinkludu ebda poter ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet speċifiku u li l-attivitajiet imwettqa minn dawn iż-żewġ istituzzjonijet fil-kuntest tal-istess trattat jorbtu lill-MES biss. Fir-rigward tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Istati Membri li hija marbuta mal-għanijiet tat-Trattati, jekk tali tilwima tkun ġiet sottomessa quddiemha bi ftehim22, u li xejn ma jipprekludi li tali ftehim jingħata minn qabel b’riferiment għal kull kategorija ta’ tilwim ddefiniti minn qabel.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva lanqas ma jipprekludi l-MES. Fil-fatt, meta jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħall-MES li fir-rigward tal-istabbiliment tiegħu t-TUE u t-TFUE ma jattribwixxu ebda kompetenza speċifika lill-Unjoni, l-Istati Membri ma jimplementawx id-dritt tal-Unjoni, b’mod li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tiggarantixxi lil kull persuna protezzjoni ġudizzjarja effettiva23 ma tapplikax.

Fuq il-konklużjoni u r-ratifika tal-MES qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2011/199

L-emenda tat-TFUE bid-Deċiżjoni 2011/199 sempliċement tikkonferma l-eżistenza ta’ poter imħaddan mill-Istati Membri. Għaldaqstant, peress li din id-deċiżjoni ma tattribwixxi ebda poter ġdid lill-Istati Membri, id-dritt ta’ Stat Membru li jikkonkludi u jirratifika t-Trattat MES ma huwiex suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni.

NOTA: Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jippermetti lill-qrati tal-Istati Membri, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiemhom, li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew deċiżjoni dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqtax il-kawża nazzjonali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha ssib soluzzjoni għall-kawża b’konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-deċiżjoni torbot, bl-istess mod, lill-qrati nazzjonali l-oħra li quddiemhom titressaq kwistjoni simili.

Dokument mhux uffiċjali għall-użu tal-mezzi tal-komunikazzjoni li ma jorbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja.

It-test sħiħ tas-sentenza jinsab fuq is-sit CURIA b’effett mill-jum li fiha tingħata s-sentenza.

Kuntatt għall-istampa: Christopher Fretwell (+352) 4303 3355

Ritratti tal-għoti tas-sentenza huma disponibbli fuq "Europe by Satellite” (+32) 2 2964106

1 :

Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE, tal-25 ta’ Marzu 2011, li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU L 91, p. 1)

2 :

Il-paragrafu l-ġdid 3 tal-Artikolu 136 TFUE

3 :

Il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja

4 :

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-TFUE

5 :

Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2012

6 :

Artikoli 3(1)(ċ) TFUE u 127 TFUE

7 :

Artikoli 3(2) TFUE

8 :

Artikoli 2(3) TFUE, 119 TFUE sa 123 TFUE, 125 TFUE u 126 TFUE

9 :

Artikolu 4(3) TUE

10 :

Artikolu 13 TUE

11 :

Artikolu 3(1)(ċ) TFUE u 127 TFUE

12 :

Artikolu 3(2) TFUE

13 :

Artikoli 2(3) TFUE, 119 TFUE sa 121 TFUE u 126 TFUE

14 :

Artikolu 125 TFUE

15 :

Fuq il-bażi tal-Artikolu 126(7) u (8) TFUE

16 :

Artikolu 122(2) TFUE

17 :

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 13(4) tat-Trattat MES.

18 :

Artikolu 123 TFUE

19 :

Artikolu 125 TFUE

20 :

Artikolu 4(3) TUE

21 :

Ara f’dan ir-rigward l-Artikolu 13 TUE

22 :

Artikolu 273 TFUE

23 :

Artikolu 47


Side Bar