Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien twil jistgħu jiġu kkumpensati

Court of Justice - CJE/12/135   23/10/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Stampa u Informazzjoni

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 135/12

il-Lussemburgu, 23 ta’ Ottubru 2012

Sentenza fil-Kawżi maqgħuda C‑581/10

Nelson et vs Deutsche Lufthansa AG u C-629/10 TUI Travel et vs Civil Aviation Authority

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien twil jistgħu jiġu kkumpensati

Meta l-passiġġieri jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-wasla prevista, huma jistgħu jitolbu kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-kumpannija tal-ajru, sakemm id-dewmien ma huwiex dovut għal ċirkustanzi straordinarji

Id-dritt tal-Unjoni1 jistabbilixxi li fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, il-passiġġieri jistgħu jirċievu kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ ammont ta’ bejn €250 u €600. Fis-sentenza Sturgeon2 il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien jistgħu jiġu kkunsidrati bħal passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati f’dak li jirrigwarda d-dritt tagħhom għal kumpens. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-każ li jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin ta’ wasla inizjalment previst, huma jistgħu jitolbu kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-kumpannija tal-ajru, sakemm id-dewmien ma jkunx dovut għal ċirkustanzi straordinarji.

L-Amtsgericht Köln (Qorti distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja) u l-High Court of Justice (ir-Renju Unit) ifittixu li jiksbu preċiżazzjonijiet dwar il-portata tas-sentenza Sturgeon. Fl-ewwel kawża (C‑581/10), il-qorti Ġermaniża ġiet adita b’kawża bejn il-passiġġieri u l-kumpannija tal-ajru Lufthansa dwar dewmien tat-titjira tagħhom ta’ iktar minn 24 siegħa meta mqabbel mal-ħin inizjalment previst (15). Fit-tieni kawża (C‑629/10), TUI Travel, British Airways, easyJet Airlines kif ukoll l-International Air Transport Association (assoċjazzjoni internazzjonali tat-trasport tal-ajru – IATA) adixxew lill-qorti tar-Renju Unit wara r-rifjut tas-Civil Aviation Authority (awtorità tal-avjazzjoni ċivili) li tilqa’ t-talba tagħhom li ma timponix fuqhom l-obbligu ta’ kumpens lill-passiġġieri għal titjiriet li jġarrbu dewmien. Din l-awtorità indipendenti, responsabbli li tiżgura l-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-ajru tar-Renju Unit, kienet indikat li hija kienet marbuta bis-sentenza Sturgeon (24).

Fis-sentenza tagħha mogħtija llum, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt tal-Unjoni li hija pprovdiet fis-sentenza Sturgeon. Hija tfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien għandhom jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati “fl-aħħar minuta” f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dritt tagħhom għal kumpens għaliex dawn il-passiġġieri jbatu inkonvenjenza simili, jiġifieri telf ta’ ħin (33 u 34).

Issa, bħalma l-passiġġieri ta’ titjiriet kkanċellati għandhom dritt għal kumpens meta t-telf ta’ ħin tagħhom huwa daqs jew iktar minn tliet sigħat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien jistgħu wkoll jinvokaw dan id-dritt meta huma jbatu, minħabba dewmien fit-titjira tagħhom, l-istess telf ta’ ħin, jiġifieri meta huma jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru (40).

Dan premess, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi adotta din il-leġiżlazzjoni, ried iqiegħed f’bilanċ l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru ma’ dawk tat-trasportaturi tal-ajru. Għalhekk, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens tal-passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li juri li d-dewmien twil ikun dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv (40).

Il-Qorti ssemmi wkoll li r-rekwiżit ta’ kumpens lill-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien huwa kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Montréal3 (56). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li t-telf ta’ ħin marbut ma’ dewmien ta’ titjira jikkostitwixxi inkonvenjenza li ma hijiex regolata mill-Konvenzjoni ta’ Montréal. Għalhekk, l-obbligu ta’ kumpens lill-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmin jinsab lil hinn mill-portata ta’ din il-konvenzjoni, anki jekk hija tikkumplementa s-sistema ta’ danni stabbilita minn din tal-aħħar.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-imsemmi obbligu huwa wkoll kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jipprovdi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (71). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-obbligu ta’ kumpens jirrigwarda mhux lid-dewmien kollu, iżda biss lid-dewmien twil (77). Barra minn hekk, il-kumpanniji tal-ajru ma humiex obbligati jagħtu kumpens jekk huma jkunu f’pożizzjoni li juru li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ikun dovut għal ċirkustanzi straordinarji (79).

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina t-talbiet tal-kumpanniji tal-ajru kkonċernati intiżi li jillimitaw ratione temporis l-effetti tas-sentenza mogħtija. Dawn tal-aħħar iqisu li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi invokat biex isostni talbiet għal kumpens ta’ passiġġieri marbuta ma’ titjiriet li kienu s-suġġett ta’ dewmien qabel id-data ta’ din is-sentenza, ħlief fil-każ ta’ passiġġieri li jkunu diġà ppreżentaw rikors għal kumpens fid-data ta’ din is-sentenza (87).

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb li ma hemmx lok għal limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ din is-sentenza (94).

TFAKKIRA: Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jippermetti lill-qrati tal-Istati Membri, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiemhom, li jsaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidiex kawża nazzjonali. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi l-kawża skont id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-deċiżjoni torbot, bl-istess mod, lill-qrati l-oħra nazzjonali li jkunu aditi bi problema simili.

Dokument mhux uffiċjali għall-użu tal-mezzi tal-komunikazzjoni li ma jorbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja.

It-test sħiħ tas-sentenza jinsab fuq is-sit CURIA mill-jum li fiha tingħata s-sentenza

Kuntatt għall-istampa: Christopher Fretwell (+352) 4303 3355

Stampi tal-għoti tas-sentenza huma disponibbli fuq "Europe by Satellite" (+32) 2 2964106

1 :

Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2 :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon (C‑402/07 u C‑432/07), ara wkoll l-istaqarrija għall-istampa Nru 102/09

3 :

Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montreal, fit-28 ta’ Mejju 1999 ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website