Navigation path

Left navigation

Additional tools

Le għall-istatus quo: il-baġits tal-UE jridu juru l-prospetti, skont il-Viċi President tal-KESE Hajo Wilms

European Economic and Social Committee - CES/13/32   18/04/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

CES/13/32

18 ta’ April 2013

Le għall-istatus quo: il-baġits tal-UE jridu juru l-prospetti, skont il-Viċi President tal-KESE Hajo Wilms

17 ta’ April, Brussell: Hans-Joachim Wilms inħatar bħala l-Viċi President il-ġdid tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), responsabbli għall-baġit. Bħala President tas-segretarjat tal-Grupp Baġitarju, hu ser ikompli jisħaq fuq il-punt ippreżentat f’diversi opinjonijiet, jiġifieri li fid-dawl tal-ambizzjonijiet tal-UE hemm bżonn li jiżdied il-baġit tal-UE sabiex jissaħħu l-ekonomija u l-impjiegi.

Hans-Joachim Wilms, minn Barmstedt, ilu aktar minn erbgħin sena jaħdem bħala trejdjunjonista. Fit-Trejdjunjin tal-Ortikoltura, l-Argikoltura u l-Forestrija (GGLF, Gewerkschaft Gartenbau, Land und Forstwirtschaft) hu nħatar bħala Segretarju Organizzattiv, Kap tal-Amministrazzjoni Ċentrali, Viċi President u fl-aħħar President (1993). F’Jannar 1996 Hajo Wilms sar membru tal-Kumitat Eżekuttiv Federali tat-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins tal-Bini, l-Agrikoltura u l-Ambjent (IG BAU, IG Bauen-Agrar-Umwelt) fid-diviżjoni tal-Ewropa, u mill-1999 sal-2005 ġie elett bħala Viċi President Federali tal-IG BAU fid-diviżjoni tal-finanzi u tal-iżvilupp sostenibbli. F’Settembru 2009, is-Sur Wilms, bħala d-delegat inkarigat mill-affarijiet Ewropej tal-Kumitat Eżekuttiv Federali tal-IG BAU, ittrasferrixxa l-parti l-kbira ta’ ħidmietu lejn Brussell. Bħala membru tal-Grupp tal-Ħaddiema fi ħdan il-KESE mill-1994, hu kien ir-relatur ta’ aktar minn 20 opinjoni u mill-2008 sal-2010 ppresieda s-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent. Barra minn hekk, hu ilu jmexxi l-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-KESE minn Novembru 2010.

Il-Viċi President Wilms jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju 2014-2020 hi mmirata wisq lejn iż-żamma tal-istatus quo, kemm fir-rigward tal-ammont ta’ riżorsi disponibbli kif ukoll rigward l-istruttura tal-baġit. Dan ifisser li r-riżorsi disponibbli mhumiex biżżejjed għall-isfidi futuri tal-UE, la f’termini ta’ ammont u lanqas f’termini ta’ kwalità. Is-Sur Wilms jisħaq li hemm bżonn ta’ aktar libertà baġitarja u li l-baġit ser jonqos minħabba l-inflazzjoni, ħaġa li mhix sostenibbli f’perjodu twil ta’ żmien. Il-Viċi President jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiżdiedu l-fondi għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżda fl-istess ħin jappella biex il-korpi tal-UE joħolqu aktar prospetti permezz tal-innovazzjoni, u b’dan il-mod jiġġieldu l-ewroxettiċiżmu.

Fir-rigward tal-infiq, il-Viċi President Wilms jiffoka fuq fejn euro minfuq fil-livell tal-UE jiswa’ aktar minn euro minfuq fil-livell nazzjonali. Dan jikkonċerna l-beni pubbliċi Ewropej li ma jistgħux jiġu pprovduti bl-aħjar mod possibbli fil-livell nazzjonali, u għalhekk hemm bżonn ta’ azzjoni min-naħa tal-UE. Fost il-beni pubbliċi Ewropej hemm ir-riċerka u l-iżvilupp, id-difiża komuni, is-sigurtà tal-ikel, l-immigrazzjoni u d-dritt għall-asil, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, u l-investimenti fl-infrastruttura pan-Ewropea għall-enerġija, il-komunikazzjoni u s-suq uniku. Minbarra li ser jindirizza t-temi relatati mal-baġit, is-Sur Wilms ser jibqa’ attiv ukoll fil-qasam tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, hu ser jaħdem biex is-soċjetà ċivili taqdi rwol attiv fil-ħolqien ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Unità tal-Istampa tal-KESE

Indirizz elettroniku: press@eesc.europa.eu

Tel.: +32 2 546 8207

_______________________________________________________________________________

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrappreżenta d-diversi komponenti ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà ċivili organizzata. Huwa korp konsultattiv istituzzjonali stabbilit mit-Trattat ta’ Ruma tal-1957. Ir-rwol konsultattiv tiegħu jippermetti lill-membri tiegħu, u għalhekk lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw, li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE. Il-Kumitat għandu 344 membru minn madwar l-Ewropa kollha, li jinħatru mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

_______________________________________________________________________________


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website