Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

BEI/13/25

28 ta’ Frar 2013

Il-BEI ser iżid it-tislif għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa

28 ta’ Frar 2013 – Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jagħti risposta eċċezzjonali għal żminijiet eċċezzjonali fil-kriżi finanzjarja u ekonomika li tinsab għaddejja fl-Unjoni Ewropea. Il-Grupp tal-BEI ser iżid b’mod sinifikanti l-attivitajiet tiegħu ta’ tislif għall-perjodu 2013 sa 2015 sabiex jappoġġja l-irkupru tat-tkabbir fl-Ewropa. Il-Bank tal-UE ser isellef EUR 60 biljun oħra fit-tliet snin li ġejjin sabiex jippromwovi t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, biex b’hekk il-volumi annwali ta’ tislif jitilgħu għal EUR 65-70 biljun.  Dan isegwi d-deċiżjoni tal-2012 tal-Istati Membri li jżidu l-kapital imħallas tal-BEI b’EUR 10 biljun.  Werner Hoyer, il-President tal-BEI kkummenta: “Is-sena li għaddiet il-BEI rnexxielu jbiddel il-korsa tiegħu minn waħda programmata u ċiklika għal korsa kontroċiklika. Issa ninsabu lesti li nsaħħu l-attivitajiet ta’ tislif tagħna b’40% fis-sena mill-2013-2015 u b’hekk nagħmlu sforz straordinarju f’dawn iż-żminijiet eċċezzjonali għall-Ewropa. Il-Bank tal-UE ser jagħmel kontribut sinifikanti u tanġibbli sabiex tingħeleb il-kriżi attwali." Huwa mistenni li t-tislif addizzjonali tal-BEI ser jagħti bidu għal proġetti li jiswew sa EUR 180 biljun inklużi investimenti privati u pubbliċi, li jiffokaw fuq l-innovazzjoni, l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-infrastruttura strateġika. Il-President Hoyer stqarr: “L-investiment fl-innovazzjoni u fil-ħiliet huwa kruċjali għall-produttività tal-Ewropa u ser jgħin biex niżguraw il-kompetittività u l-impjiegi fil-ġejjieni.”

Matul l-2012, il-BEI ffirma selfiet ġodda b’valur totali ta’ EUR 52.2 biljun f’aktar minn 60 pajjiż. EUR 44.8 biljun ingħataw għal proġetti fi ħdan l-Unjoni Ewropea u EUR 7.4 biljun barra minnha. B’risposta għall-isfidi ekonomiċi iebsin li qegħdin jiffaċċjaw ċerti pajjiżi tal-UE, il-BEI pprovda appoġġ immirat għal strumenti ewlenin li jiġġeneraw l-impjiegi u t-tkabbir, b’mod partikolari l-SMEs. L-appoġġ għal intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju laħaq EUR 13-il biljun. Aktar minn 200,000 SME rċevew appoġġ dirett jew indirett permezz tal-attività tal-Grupp tal-BEI fl-2012. Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), id-driegħ speċjalizzat tal-Grupp tal-BEI li jipprovdi finanzjament ta’ riskju għall-benefiċċju tal-SMEs, kiseb volum rekord ta’ impenji ta’ ekwità ta’ EUR 1.4 biljun li kkatalizza aktar minn EUR 7 biljun minn investituri oħrajn. “Fl-2013, il-Grupp tal-BEI ser iħabrek biex jespandi l-appoġġ tiegħu għall-SMEs fl-Ewropa saħansitra aktar u biex iwessa' l-firxa tal-mezzi tad-distribuzzjoni u l-prodotti tiegħu”, qal il-President Hoyer. 

Il-Bank ta wkoll appoġġ speċifiku lil pajjiżi u reġjuni li qegħdin jiffaċċjaw aċċess limitat għal swieq kapitali billi ngrana riżorsi eżistenti bħal fondi strutturali, waqt li tejjeb l-attività ta' konsulenza tiegħu. “Il-kapaċità tagħna ta’ tagħqid u ta’ konsulenza ppermettiet li nibqgħu attivi f’pajjiżi fejn investituri oħrajn diġà ħallew is-swieq jew qegħdin inaqqsu n-negozju tagħhom bil-kbir", qal il-President Hoyer, waqt li enfasizza li: “Il-BEI huwa l-bank għas-27 Stat Membru tal-UE, li issa dalwaqt ser isiru 28.”

It-tislif barra mill-UE huwa l-bażi tal-appoġġ tal-BEI għall-prijoritajiet esterni tal-UE permezz ta’ investimenti fit-tul b’kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni, kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn. Il-BEI jiffoka fuq l-iżvilupp tas-settur privat lokali, l-infrastruttura soċjali u ekonomika kif ukoll il-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u jappoġġja l-investiment dirett barrani. Il-President Hoyer ikkummenta: “Bin-netwerk kbira tiegħu ta’ klijienti korporattivi fl-Ewropa, il-BEI effettivament jappoġġja l-internazzjonalizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE biex irawwem il-produttività, it-tkabbir u l-impjiegi. Permezz tal-kompetenza estensiva tiegħu fis-settur il-BEI jipprovdi benefiċċji sostanzjali għall-pajjiż imsieħeb u lill-UE fl-istess ħin.”

Il-BEI żamm affidabbiltà kreditizja eċċellenti matul l-2012 u bbenefika b’mod partikolari minn politika ta’ tislif prudenti u ġestjoni soda tar-riskju. L-assi totali fi tmiem l-2012 laħqu EUR 508 biljun, biex b’hekk il-BEI sar l-akbar finanzjatur multilaterali. Il-proporzjon ta’ adegwatezza tal-kapital tal-BEI wkoll baqa’ robust bi 23.1 %. Fi ħdan kundizzjonijiet volatili fis-suq, il-Bank ġabar EUR 71.3 biljun mis-swieq internazzjonali kapitali, inkluż xi finanzjament minn qabel għas-sena attwali. Il-President Hoyer stqarr: “Il-Bank ser ikompli jagħti attenzjoni kbira lill-kwalità tal-karta tal-bilanċ tiegħu. Il-kwalità tal-ktieb tas-self tagħna u l-ġestjoni tar-riskju konservattiva tagħha huma vitali għall-bank u għall-investituri tiegħu.”

Noti għall-editur:

Il-Bank Ewropew tal-Investiment jikkonsisti fil-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Il-BEI huwa l-istituzzjoni ta’ self fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri. Huwa jipprovdi finanzjament fit-tul għal investiment sod sabiex jikkontribwixxi lejn il-miri tal-politika tal-UE. Il-FEI huwa l-fornitur speċjalizzat tal-Grupp ta’ finanzjament ta’ riskju għall-benefiċċju ta’ intrapriżi ta' daqs żgħir u medju madwar l-Ewropa. L-azzjonisti tiegħu huma l-BEI, il-Kummissjoni Ewropea u firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati. Fl-2012, il-FEI għamel volum rekord ta’ impenji ta’ ekwità ta’ EUR 1.4 biljun li kkatalizzaw aktar minn EUR 7 biljun minn investituri oħrajn; huwa rabat ukoll EUR 1.2 biljun f’garanziji u fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, biex b’hekk stimula portafolji ta’ self ġodda għal SMEs b’valur ta’ EUR 5.2 biljun.

Il-preżentazzjoni Powerpoint tal-President hija disponibbli fuq www.eib.org/press

Kuntatti tal-istampa:

Rainer Schlitt: e-mail: r.schlitt@eib.org; mob.: (+352) 621 36 25 09;

Sabine Parisse: e-mail: s.parisse@eib.org; mob.: (+352) 621 45 91 59;

Christof Roche: e-mail: c.roche@eib.org; mob.: (+0032) 47 96 505 88

Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Istampa: e-mail: press@eib.org; tel.: (+352) 43 79 – 21000; fax: (+352) 43 79 – 61000

Mistoqsijiet ġenerali:

BEI Infodesk

E-mail: info@eib.org; tel.: (+352) 43 79 – 22000; fax: (+352) 43 79 – 62000


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site