Mogħdija tan-navigazzjoni

Tassazzjoni


Il-gvernijiet nazzjonali huma responsabbli għaż-żieda tat-taxxi u għall-aġġustamenti tar-rati tat-taxxi. L-ammont ta' taxxi li tħallas hu għalhekk deċiż mill-gvern nazzjonali tiegħek, mhux mill-UE.

Ir-rwol tal-UE hu li jissorvelja r-regoli tat-taxxa nazzjonali u d-deċiżjonijiet tal-gvernijiet dwar ir-rati tat-taxxa (fuq il-profitti tal-kumpaniji, id-dħul personali, it-tfaddil u l-profitti kapitali), biex jiġi żgurat li huma:

  • konsistenti mal-għanijiet tal-UE għall-ħolqien tal-impjiegi
  • ma jfixklux iċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-prodotti, is-servizzi u l-kapital fl-UE
  • ma jagħtux lil ċerti negozji f'pajjiż partikulari vantaġġ inġust fuq il-kompetituri f'pajjiż ieħor
  • ma jiddiskriminawx kontra konsumaturi, ħaddiema jew negozjanti minn pajjiżi oħrajn tal-UE.

Għal uħud mit-taxxi, bħat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew it-taxxi fuq il-petrol, it-tabakk u x-xorb alkoħoliku, it-28 gvern nazzjonali qablu li jistabbilxxu rati tat-taxxa minimi biex jiġi evitat tgħawwiġ fil-kompetitzzjoni bejn il-fruntieri fl-UE.

Biex jittieħdu deċiżjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet tat-taxxa jrid ikun hemm qbil unanimu bejn il-pajjiżi membri kollha.

Pompa tal-petrol © Carofoto

Regoli komuni għat-taxxa tal-petrol jiżguraw kummerċ ġust u ma jħallux li jkun hemm kompetizzjoni fiskali ta' dannu.

L-UE wkoll ma għandhiex x'taqsam ma' kemm il-pajjiżi jonfqu - sakemm il-bilanċ baġitarju u d-dejn pubbliku jibqgħu f'limiti raġonevoli.

Madankollu, jekk il-pajjiżi jonfqu aktar milli jmiss u jidħlu f'dejn żejjed ħafna, huma jistgħu jipperikolaw it-tkabbir ekonomiku f'pajjiżi oħrajn tal-UE u l-istabbiltà taż-żona tal-euro.

Kompetizzjoni ta' taxxa ġusta bejn il-pajjiżi tal-UE

L-UE tagħti attenzjoni partikulari lit-tassazzjoni tal-kumpaniji minħabba r-riskju li ħelsien mit-taxxa jew sistemi tat-taxxa speċjali f'pajjiż partikulari tal-UE jistgħu jattiraw lejh b'mod inġust kumpaniji minn pajjiżi kompetituri oħrajn tal-UE, jew inkella jimminaw il-bażi tat-taxxa f'pajjiżi oħrajn. Il-pajjiżi tal-UE huma politikament marbutin b'kodiċi ta' kondotta biex ma jagħmlux dan.

Għal raġunijiet simili rati tat-taxxa minimi għall-VAT u għad-dazji tas-sisa fuq il-petrol, it-tabakk u l-alkoħol sar qbil dwarhom mill-pajjiżi tal-UE kollha u lkoll huma obbligati li jikkonformaw mar-regoli li fasslu u qablu dwarhom fil-livell Ewropew.

Għaliex il-VAT jeħtiġilha l-involviment tal-UE

Il-VAT hi fondamentali għal suq uniku li jiffunzjona kif suppost u għal kompetizzjoni ġusta fl-UE kollha.

Għalhekk l-UE stabbilixxiet:

  • Regoli mal-UE kollha għall-operat tal-VAT u
  • rata minima ta' VAT.

Dan xorta waħda jħalli libertà għal differenzi fir-rati nazzjonali tal-VAT: ma jeżistux limiti massimi fuq ir-rati tal-VAT. Għalkemm ir-regola ġenerali hi li rata unika u l-istess għandha tiġi applikata għall-prodotti u s-servizzi kollha, il-gvernijiet huma wkoll ħielsa li japplikaw ir-rati mnaqqsin għal firxa dejqa ta' prodotti/servizzi u ċerti pajjiżi huma temporanjament eżentati minn uħud mir-regoli.

Petrol, xorb u sigaretti – għaliex ivarjaw il-prezzijiet

Dawn il-prodotti jaqgħu taħt uħud mir-regoli komuni minħabba li d-differenzi fit-taxxi (it-taxxi tas-sisa) jistgħu b'mod tassew faċli jgħawġu l-kompetizzjoni bejn il-fruntieri tal-UE u joħolqu xiri massiv bejn il-fruntieri għas-spejjeż tan-negozji f'reġjuni b'taxxi għoljin. Hawn ukoll, ir-regoli għad għandhom ħafna spazju għal varjazzjoni, minħabba:

  • differenzi kulturali – waħda mir-raġunijiet għala l-prezzijiet tal-birra u tal-inbid ivarjaw ħafna fl-UE kollha
  • differenzi ekonomiċi – il-pajjiżi b'finanzi pubbliċi sodi ma għandhomx it-tendenza li jintaxxaw dawn il-prodotti b'mod għoli.

Regoli komuni dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija

L-UE għandha regoli komuni dwar it-taxxi fuq prodotti tal-enerġija, biex b'hekk hi tkun tista' tadotta strateġija magħquda biex it-taxxi jintużaw bħala inċentivi għall-użu effiċjenti tal-enerġija. Mill-ġdid, ir-regoli huma flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw ċirkostanzi nazzjonali speċjali.

Koppja tħares lejn formoli tat-taxxa © Imageselect

It-taxxi fuq id-dħul jiġu deċiżi mill-gvernijiet nazzjonali.

Taxxi li jaffettwawk direttament

Ir-regoli u r-rati tat-taxxa personali huma kwistjonijiet li jikkonċernaw il-gvern nazzjonali tiegħek – sakemm id-drittijiet transkonfinali tal-individwu mhumiex affettwati. Ir-regoli tal-UE huma maħsubin biex jiżguraw li int ma tkunx skoraġġut milli taħdem f'pajjiżi oħrajn tal-UE minħabba problemi marbutin mat-trasferiment u t-taxxa tal-pensjoni u tad-drittijiet tal-pensjoni tiegħek.

L-UE għandha wkoll rwol biex ma tħallix l-evażjoni tat-taxxa bejn il-fruntieri. Il-gvernijiet tal-UE jitilfu dħul leġittimu jekk ir-residenti tagħhom ma jiddikjarawx l-interessi fuq id-dħul tat-tfaddil miżmum barra l-pajjiż.

Bħala ċittadin tal-UE, tista' tpoġġi l-flus li tfaddal fejn int taħseb li se jagħtuk l-aħjar profitt, iżda ma tistax tuża dan bħala mezz biex tevita t-taxxa. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej qablu li jiskambjaw informazzjoni dwar depożiti ta' flus ta' persuni li mhumiex residenti.

Il-ftit eċċezzjonijiet (pereżempju l-Awstrija, il-Lussemburgu) minflok jimponu taxxa fuq l-interessi, li l-parti l-kbira tagħha jittrasferixxuha lill-pajjiż tad-depożitur. Billi dan hu ħlas li jsir f'daqqa, l-anonimità tad-depożitur mhix mittifsa, iżda t-taxxa xorta waħda titħallas fejn tkun dovuta.

Prevenzjoni tal-frodi u evażjoni tat-taxxa

Il-pajjiżi tal-UE jitilfu kważi €1 triljun fis-sena fi dħul għall-baġits tagħhom minħabba l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u l-ekonomija parzjalment oskura. Dan iwassal għal madwar 20% tat-taxxi tad-dħul kollha. Għalkemm il-ġlieda kontra l-frodi hi r-responsabbiltà ta' kull pajjiż, meħtieġa azzjoni kkoordinata mill-pajjiżi kollha tal-UE billi l-frodi hi spiss organizzata bejn il-fruntieri u l-miżuri kontra l-frodi li jittieħdu f'pajjiż partikulari jistgħu jħallu effetti negattivi fuq l-Ewropa inġenerali. L-UE attwalment għandha pjan ta' azzjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

Is-settur finanzjarju kien kawża ewlenija tal-kriżi ekonomika u rċieva appoġġ sostanzjali mill-gvernijiet tul dawn l-aħħar snin. Taxxa fuq it-transazzjoni finanzjarja tista' tiżgura li s-settur jikkontribwixxi b'mod ġust u sostanzjali biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-kriżi. Taxxa ta' din ix-xorta għandha wkoll tagħlaq il-"lakuna ġusta" manifesta fit-tassazzjoni u l-baġits pubbliċi. Ħdax-il pajjiż tal-UE attwalment jinsabu għaddejjin jiżviluppaw sistema komuni għal taxxa ta' din ix-xorta. Din għandha tippermettilhom li jagħżlu taxxa b'bażi wiesgħa b'potenzjal ta' dħul sinifikanti minkejja l-mobbiltà internazzjonali għolja tat-transazzjonijiet finanzjarji.

Fuq

Fuq



Temi relatati

Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

IvaLE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?