Mogħdija tan-navigazzjoni

L-ispazju


Ħafna aspetti tas-soċjetà – mit-telekomunikazzjonijiet għat-televiżjoni, mit-tbassir tat-temp għas-sistemi finanzjarji globali – jiddependu fuq sistemi spazjali, kif ukoll it-teknoloġiji bbażati fuq l-ispazju.

L-iskala enormi ta’ proġetti spazjali madankollu tagħmilha impossibbli għal bosta pajjiżi li jipprovaw jagħmluhom weħidhom. Għalhekk il-pajjiżi Ewropej ġabru flimkien ir-riżorsi teknoloġiċi u finanzjarji biex jimmaniġġjaw il-politika dwar l-ispazju permezz tal-Kummissjoni Ewropea – b'kooperazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea English (aġenzija intergovernattiva mmexxija minn 20 pajjiż Ewropew).

Il-politika spazjali Ewropea għandha 4 taqsimiet ewlenin:

  • is-sistema ta' osservazzjoni tad-Dinja Copernicus
  • il-programmi tas-satellita Galileo/EGNOS
  • l-esplorazzjoni spazjali
  • ir-riċerka dwar l-ispazju

Copernicus – osservazzjoni tad-Dinja

Copernicus English (en) hu l-programm ċivili ta' osservazzjoni tad-Dinja l-aktar ambizzjuż li qatt sar s'issa.

Hu sett ta’ sistemi kumplessi li jiġbru dejta dwar id-dinja permezz ta’ satelliti u sensuri fuq l-art, fl-ajru u fuq il-baħar.

Copernicus se jagħti lil dawk li jfasslu l-politika, in-negozji u l-pubbliku informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar kif il-pjaneta u l-klima tagħha qed jinbidlu. Din id-dejta se tgħin biex jitbassru tendenzi klimatiċi futuri.

Id-dejta ta’ Copernicus għandha ħafna applikazzjonijiet oħrajn, inklużi:

  • l-ippjanar urban
  • il-ħarsien tan-natura
  • l-agrikultura u l-forestrija
  • is-saħħa
  • ir-rispons għad-diżastri
  • it-trasport
  • it-turiżmu.

Copernicus hu kkoordinat u mmexxi mill-Kummissjoni Ewropea. L-infrastruttura tas-satelliti titmexxa mill-Aġenzija Spazjali Ewropea English, u s-sensuri jiġu żviluppati mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u pajjiżi individwali tal-UE.

L-aġenzija għad-dejta tas-satelliti meteoroloġiċi EUMETSAT English se tipprovdi wkoll appoġġ operazzjonali lis-servizzi tal-baħar, tal-atmosfera u tat-tibdil fil-klima ta' Copernicus.

Galileo – navigazzjoni satellitari

Galileo English (en)  hi s-sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita tal-UE. Hi l-verżjoni Ewropea tas-sistema ta' Lokalizzazzjoni bis-Satellita Amerikana (GPS) u tal-Glonass tar-Russja.

Galileo hi l-ewwel sistema ta' navigazzjoni satellitari mħaddma miċ-ċivili. Hi se tkun kompatibbli mas-sistemi Amerikani u Russi, iżda indipendenti minnhom.

Bi ppożizzjonar f'ħin reali ta' metru jew anqas, għandha tkun aktar preċiża mill-GPS.

Se jkun hemm 30 satellita fin-netwerk (inklużi 6 spers attivi), li se jkunu lesti sal-2020. L-ewwel servizzi ta’ Galileo se jkunu disponibbli fl-2016.

L-applikazzjonijiet potenzjali English (en) ta' Galileo huma bosta u varjati, inklużi:

  • l-immaniġġjar tat-traffiku u tat-trasport
  • l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ
  • il-biedja
  • il-protezzjoni ċivili
  • it-timbru tal-ħin u s-sinkronizzazzjoni tal-ħin.

L-investiment tal-UE f'Galileo għandu joħloq opportunitajiet tas-suq ġodda u impjiegi fis-setturi tar-riċevituri tas-sinjali tas-satelliti u tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq is-satelliti.

Imsieħba fil-programm Galileo:

  • Il-Kummissjoni Ewropea – timmaniġġja u tiffinanza l-programm kollu
  • L-Aġenzija Spazjali Ewropea English - id-disinn, l-iżvilupp, l-akkwist u l-validazzjoni. L-ESA parzjalment iffinanzjat il-fażijiet tad-definizzjoni, l-iżvilupp u l-validazzjoni fl-orbita tal-programm GALILEO
  • L-Aġenzija Ewropea GNSS English (GSA) - inkarigata mill-operazzjonijiet meta s-sistema tkun lesta

EGNOS – sistema ta’ awmentazzjoni bis-satellita

EGNOS English (en) hi sistema Ewropea li tibbaża fuq is-satelliti li ttejjeb l-eżattezza tal-GPS bejn 2 metri (95%) minflok 10 metri tipikament ipprovduti mill-GPS. Hi twissi wkoll lill-utenti dwar problemi bis-sinjali tal-GPS. Din kienet il-prekursur għall-programm Galileo.

EGNOS tuża 3 satelliti biex tikkoreġi l-iżbalji tal-GPS u tipprovdi dejta għal ippożizzjonar aktar preċiż.

Bil-maqlub ta' Galileo, EGNOS hi pan-Ewropea (mhux globali) u tiddipendi fuq il-GPS.

Hi proġett konġunt tal-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Spazjali Ewropea English, u Eurocontrol English (l-organizzazzjoni Ewropea għas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru).

Eżempji tal-applikazzjonijiet ta' EGNOS:

  • l-avjazzjoni – navigazzjoni aħjar, tippermetti rotot aktar effiċjenti
  • it-tiftix u s-salvataġġ – eħfef għall-ħelikopters biex jillandjaw f'kundizzjonijiet ħżiena
  • il-kontroll tat-traffiku – titjib fil-ħinijiet għar-rispons ta' emerġenza
  • il-ferroviji – ittraċċar preċiż tal-lokalità tal-ferroviji
  • l-agrikultura preċiża – sisien virtwali, detezzjoni tal-fertilità tal-baqar

Esplorazzjoni tal-ispazju

L-esplorazzjoni tal-ispazju hi mutur tal-innovazzjoni teknoloġika u tal-iskoperta xjentifika fl-oqsma bħar-riċiklaġġ, is-saħħa, il-bijoteknoloġija, l-immaniġġjar tal-enerġija u l-immonitorjar ambjentali.

Il-programmi spazjali jiswew ħafna, għalhekk hi vitali l-kooperazzjoni internazzjonali.

L-UE hi involuta b’mod attiv f’diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-esplorazzjoni tal-ispazju, speċjalment mal-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina.

Hi tipparteċipa fil-Forum Internazzjonali dwar l-Esplorazzjoni tal-Ispazju (ISEF), sensiela ta' laqgħat fil-livell ministerjali dwar il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali fl-esplorazzjoni tal-ispazju.

Riċerka

L-UE hi ħerqana li tiżviluppa industrija spazjali Ewropea kompetittiva, indipendenti u globali.

It-tisħiħ tas-settur spazjali Ewropew billi tiżdied ir-riċerka spazjali u l-innovazzjoni hu vitali jekk l-Ewropa trid iżżomm u tissalvagwardja l-aċċess u l-operazzjonijiet fl-ispazju.

Il-finanzjament għall-proġetti ta' riċerka spazjali hu disponibbli permezz ta' Orizzont 2020 English, skont il-programm ta' ħidma - Leadership fit-Teknoloġiji Innovattivi u Industrijali English (LEIT) (€13.5 biljun).

Oqsma ta’ finanzjament:

  • l-applikazzjonijiet fin-Navigazzjoni Satellitari – Galileo
  • l-osservazzjoni tad-Dinja
  • il-protezzjoni ta’ assi Ewropej fl-ispazju u minnu
  • il-kompetittività tas-Settur Spazjali Ewropew: it-teknoloġija u x-xjenza
  • l-istrument tal-SMEs (għajnuna speċjali għal negozji żgħar u ta’ daqs medju).

Fuq

L-intrapriża

Manuskritt aġġornat f'Novembru 2014

Din il-pubblikazzjoni hi parti mis-serje "Nifhmu l-politiki tal-UE"


Fuq



Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

IvaLE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?