Mogħdija tan-navigazzjoni


Ir-riċerka u l-innovazzjoni

Nibnu l-futur tal-Ewropa

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fuq nett fl-aġenda tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-pajjiżi membri ġew inkoraġġati biex jinvestu 3% tal-PGD tagħhom fir-R&D sal-2020 (1% finanzjamenti pubbliċi, u 2% investimenti fis-settur privat) - li hu stmat li joħloq 3.7 miljun impjieg u li jkabbar il-PGD annwali b'madwar €800 biljun.

Il-kompetizzjoni madwar l-UE għal dawn il-fondi se tiġbor flimkien l-aqwa riċerkaturi u innovaturi tal-Ewropa sabiex jiġu indirizzati l-akbar kwistjonijiet ta' żmienna bħall-enerġija, is-sigurtà tal-ikel, it-tibdil fil-klima, u l-popolazzjoni tagħna li qiegħda dejjem tixjieħ. Ir-riċerka u l-innovazzjoni jgħinu biex iġibu l-impjiegi, il-prosperità u l-kwalità tal-ħajja. Għalkemm l-UE hija l-ewwel fid-dinja f'ħafna teknoloġiji, qed tiltaqa' ma' sfidi minn kompetituri tradizzjonali kif ukoll minn ekonomiji emerġenti.

L-istandard tal-għajxien ġejjieni tagħna jiddependi minn kemm se nkunu kapaċi li mmexxu l-innovazzjoni fil-prodotti, fis-servizzi, fil-proċessi soċjali u kummerċjali kif ukoll fil-mudelli. Din hi r-raġuni għaliex l-innovazzjoni tinsab fil-qofol tal-istrateġija Ewropa 2020, bl-Unjoni tal-Innovazzjoni English bħala mudell.

L-Unjoni tal-Innovazzjoni se tiffoka l-isforzi tal-Ewropa - u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux fl-UE - fuq l-isfidi l-kbar imsemmija hawn fuq. Se tuża interventi mis-settur pubbliku biex tistimola s-settur privat u tneħħi d-diffikultajiet li jostakolaw l-ideat milli jilħqu s-suq - inklużi n-nuqqas ta' finanzi, il-frammentazzjoni tas-sistemi tar-riċerka u tas-swieq, in-nuqqas ta' użu mill-akkwist pubbliku għall-innovazzjoni u l-istandards li jitwaqqfu bil-mod.

Noħolqu Żona ta' Riċerka Ewropea

L-UE qed taħdem biex toħloq Żona ta' Riċerka Ewropea waħdanija sal-2014, fejn ir-riċerkaturi jkunu jistgħu jaħdmu kullimkien fl-UE, u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi titjieb.

Il-Programm ta' Qafas

L-aktar manifestazzjoni konkreta tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE hi s-Seba' Programm Qafas 2007-13 (FP7), li għandu baġit ta' €50.5 biljun.
Mara b'kelb © Imageselect

Il-fondi tal-UE qed jgħinu biex is-sistemi tal-GPS jiffaċilitaw il-ħidma tas-salvataġġ.

L-FP7 huwa msejjes fuq erba' aspetti:

  • Il-kooperazzjoni - ir-riċerka kollaborattiva fl-oqsma tas-saħħa, l-ikel, l-agrikoltura, is-sajd, il-bijoteknoloġija, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-enerġija, l-ambjent (inkluż it-tibdil fil-klima), it-trasport (inkluż l-ajrunawtika), ix-xjenzi soċjo-ekonomiċi u umani, l-ispazju u s-sigurtà. Tkopri wkoll in-nanoxjenzi, in-nanoteknoloġiji, il-materjali u t-teknoloġiji ġodda ta' produzzjoni.
  • L-ideat - l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew għar-Riċerka, li jiffinanzja x-xjenza ġdida.
  • In-nies - ir-riżorsi umani, li jinkludu boroż ta' studju għar-riċerkaturi żgħażagħ, fellowships għat-taħriġ tul il-ħajja u l-iżvilupp tul il-karriera, patenarjati bejn l-industrija u l-akkademja, u premjijiet għall-eċċellenza.
  • Il-kapaċitajiet - il-finanzjament għall-infrasturttura tar-riċerka, ir-R&D tan-negozji ż-żgħar, l-għarfien u l-faxex tax-xjenza kif ukoll l-għarfien ġenerali tax-xjenza.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) huwa netwerk ta' seba' istituzzjonijiet ta' riċerka madwar l-UE. Apparti r-riċerka dwar l-enerġija nukleari u r-riċerka dwar is-sigurtà nukleari, il-JRC żviluppa teknoloġiji fosthom dik tas-sens remot biex iwissi dwar kriżijiet ġodda tal-ikel f'pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn ikun hemm bżonn l-għajnuna f'ikel tal-UE.

Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC)

Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) jappoġġa r-'riċerka fuq il-fruntieri tal-għarfien' (kunċett ġdid tar-riċerka bażika li, min-naħa jenfasizza l-importanza tar-riċerka xjentifika u teknoloġika għall-ġid ekonomiku u soċjali, u min-naħa l-oħra jagħraf li din it-tip ta' riċerka hi riskjuża, iżda twassal progress f'oqsma ġodda ta' riċerka), waqt li jinkoraġġixxi lill-aqwa xjentisti, studjużi u inġiniera, li jkunu tassew kreattivi, biex imorru lil hinn mill-fruntieri stabbiliti tal-għarfien u mill-fruntieri tad-dixxiplina. Dan il-metodu tal-ERC, immexxi mir-riċerkaturi, jippermetti li r-riċerkaturi jagħrfu direzzjonijiet u opportunitajiet ġodda f'kull qasam tar-riċerka, minflok ma' jitmexxew minn prijoritajiet stabbiliti mill-politiċi.

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għandu l-għan li jsarraf ir-riżultati tar-riċerka f'applikazzjonijiet kummerċjali billi joħloq 'komunitajiet ta' għarfien u innovazzjoni'.

Dan huwa mudell ġdid ta' partenarjat li jinvolvi l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, il-kumpaniji, il-fondazzjonijiet u entitajiet oħra. Il-prijoritajiet attwali tiegħu jinkludu t-tibdil fil-klima, is-sorsi tal-enerġija li tiġġedded u l-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni.

L-Orizzont 2020 - Il-fondi tar-riċerka u l-innovazzjoni għal 2014-2020

L-Orizzont 2020 hu l-programm il-ġdid tal-UE għall-fondi tar-riċerka u l-innovazzjoni għal 2014 - 2020. Il-fondi (madwar €80.2 bijlun b'kollox għal matul il-perjodu kollu) se jkunu disponibbli għall-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-universitajiet, il-kumpaniji privati innovattivi u n-negozji żgħar.

L-oqsma kollha tal-ekonomija Ewropea se jgawdu, fosthom l-agrikoltura, is-sajd u l-ikel, is-saħħa, it-trasport, l-enerġija - speċjalment dik li tiġġedded - u t-teknoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni.

Fuq

Fuq




Fuq

Ara l-paġna fid-daqs normali tagħhaKabbar id-daqs b'150 fil-mijaKabbar id-daqs b'200 fil-mija | Agħżel il-kulur tal-paġna bluAgħżel il-kulur tal-paġna aħdarAgħżel il-kulur tal-paġna aħmarAgħżel kuluri li jikkuntrastaw


Immarka din il-paġna Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

IvaLE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Ma sibtx li ridt? Ipprova l-Indiċi A saż-ŻABĊDEFĠGHĦIIEJKLMNOPQRSTUVWXŻZ