L-UE hija entità unika. Il-membri tagħha huma stati sovrani li ddeċidew li jgħaqqdu s-sovranità tagħhom f'ċerti oqsma ewlenin ta' ggvernar. Bħal kull gvern, l-UE għandha fergħa leġiżlattiva, fergħa eżekuttiva u qasam ġudizzjarju indipendenti.
Is-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-UE huma ddeterminati mit-trattati fundaturi li kienu nnegozjati u ratifikati mill-membri. F'oqsma ta' politika li mhumiex koperti mit-Trattati, il-pajjiżi tal-UE huma ħielsa li jeżerċitaw is-sovranità tagħhom stess.
It-trattati l-iktar importanti huma t-Trattat ta' Ruma (1957), li ħoloq dik li saret magħrufa bħala l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), u t-Trattat ta' Maastricht (it-Trattat tal-Unjoni Ewropea) li daħal fis-seħħ fl-1993. Trattati oħrajn huma l-Att Uniku Ewropew (1987), li fassal il-qafas għas-Suq Uniku Ewropew, u t-Trattati ta' Amsterdam (1999) u ta' Nizza (2003). It-trattat l-aktar reċenti hu t-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009 u emenda wħud mit-trattati preċedenti.

L-interpreti tal-UE jaħdmu bit-23 ilsna uffiċjali.
Tliet istituzzjonijiet huma responsabbli milli jfasslu l-politika u biex jieħdu d-deċiżjonijiet:
Istituzzjoni oħra, il-Kunsill Ewropew, tiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi, iżda m'għandhiex funzjoni leġiżlattiva.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Din hija l-entità ewlenija fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u għalhekk l-aktar setgħana fost it-tlieta. Il-Kunsill huwa leħen il-membri tal-UE, u l-ministri ta' kull pajjiż jiltaqgħu diversi drabi fix-xahar. Għandu funzjoni kemm leġiżlattiva, flimkien mal-Parlament Ewropew, u kif ukoll eżekuttiva, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea. Il-ministri rilevanti jiltaqgħu biex jiddiskutu politika speċifika dwar ir-relazzjonijiet barranin, l-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji, it-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, eċċ. Spiss huwa mlaqqam il-Kunsill tal-Ministri, jew sempliċiment il-Kunsill.
Il-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta' vot ta' maġġoranza, għalkemm fuq ċerti kwistjonijiet sensittivi bħalma huma t-tassazzjoni, il-kenn politiku u l-immigrazzjoni, jew il-politika barranija u ta' sigurtà jirrikjedu l-unanimità.

Il-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu
Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea hija indipendenti mill-gvernijiet, u tirrappreżenta l-interessi tal-UE kollha kemm hi. Għandha żewġ funzjonijiet ewlenin. Waħda hi li tipproponi l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE u l-oħra li tiżgura li t-termini tat-trattati u l-liġijiet tal-UE jiġu rispettati. Xi kultant hawn min isejhilha l-‘gwardjana tat-trattati’.
Kull ħames snin tinħatar Kummissjoni ġdida, biex b'hekk il-mandat tagħha kważi jaħbat mal-mandat tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissarji – wiehed minn kull pajjiz - jghaddu mill-gharbiel tal-Parlament Ewropew qabel jinhatru.
Il-Parlament Ewropew
Bħal parlamenti oħra tul l-istorja tal-bniedem, il-Parlament Ewropew kellu jiġġieled għall-jedd tiegħu li jirrappreżenta lill-poplu. L-ewwel darba li ġie elett direttament miċ-ċittadini tal-UE kien fl-1979. Il-Parlament preżenti, li ġie elett għal ħames snin f'Ġunju 2009, għandu 736 membru li jirrappreżentaw is-27 pajjiż.
Il-funzjoni prinċipali tal-parlament hi li jadotta l-leġiżlazzjoni abbozz sottomessa mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Parlament għandu l-poter li jwaqqa' lill-Kummissjoni Ewropea permezz ta' vot ta' ċensura.
Kunsill Ewropew
Il-kapijiet ta' stat u gvern mill-pajjiżi membri tal-UE jiltaqgħu tal-anqas erba' darbiet fis-sena fi ħdan il-Kunsill Ewropew. Isiru laqgħat addizzjonali mill-President tal-Kunsill Ewropew meta jkun meħtieġ. Il-laqgħat huma maħsubin biex jipprovdu stimolu u jiddefinixxu l-prijoritajiet politiċi. Id-deċiżjonijiet normalment jittieħdu b'kunsens.
Il-Kunsill kiseb status ta' istituzzjoni tal-UE, flimkien ma' president elett, bit-Trattat ta' Lisbona.
Xogħol il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hu li tiżgura li l-liġijiet tal-UE jiġu interpretati u applikati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' wkoll tagħti l-verdett tagħha f'tilwimiet li jinvolvu l-pajjiżi tal-UE, l-istituzzjonijet tal-UE, negozji jew individwi. Il-Qorti, li tinsab il-Lussemburgu, hi ffurmata minn imħallef minn kull pajjiż tal-UE.
Apparti l-erbgħa l-kbar, l-Unjoni Ewropea għandha sitt entitajiet prinċipali oħrajn b'inkarigi speċifiċi: