Kull ġimgħa xbihat ta’ kunflitt u ta’ diżastru jimlew l-iskrins tat-televiżjoni u l-ewwel paġni ta’ tal-gazzetti tagħna. F'dawn is-sitwazzjonijiet, l-UE għandha għan wieħed - li tagħti l-għajnuna lil minn għandu bżonnha malajr, kemm jekk il-kriżi tiġi minn kunflitt maħluq mill-bniedem u kemm minn diżastru naturali.
L-UE hi preżenti f'żoni ta' kriżijiet madwar id-dinja kollha inklużi l-Libja, l-Afganistan, it-territorju okkupat tal-Palestina, u f'ħafna partijiet tal-Afrika u x-Xlokk tal-Asja . Tmexxi wkoll operazzjonijiet ta' għajnuna f'żoni bi kriżijiet permanenti u fejn hemm nuqqas ta' stabbiltà wara kunflitt. Għall-komunità internazzjonali hu kredu morali li tingħata l-għajnuna lill-popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli u l-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha fit-tul biex tgħin lill-vittmi ta' dawn il-kriżijiet. Id-dipartiment tal-Għajnuna Umanitarja tagħha jipprovdi għajnuna li tmur direttament lill-popli f'diffikultà, irrispettivament min-nazzjonalità, ir-reliġjon, is-sess jew l-oriġini etnika tagħhom.

L-operazzjonijiet ta' għajnuna tal-UE jitmexxew mill-ECHO, id-dipartiment tal-Kummissjoni Ewropea għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili. L-attivitajiet tal-ECHO jirriflettu l-proliferazzjoni ta’ kriżijiet serji madwar id-dinja u r-rieda tal-UE li jkollha rwol prinċipali fit-twassil ta’ għajnuna lill-vittmi fi ħdan il-fruntieri tagħha u lil hinn minnhom kemm għall-għajnuna umanitarja kif ukoll il-protezzjoni ċivili. Il-baġit annwali medju għall-interventi umanitarji fis-snin riċenti kien ta' madwar €900 miljun.
L-ewwel dmir tal-ECHO hu li jgħin isalva l-ħajja, inaqqas it-tbatija u jħares l-integrità u d-dinjità ta’ dawk milquta. Fornimenti ta’ emerġenza jistgħu jinkludu tined, gvieret, ikel, mediċini, tagħmir mediku, sistemi għall-purifikazzjoni tal-ilma u fjuwil. L-ECHO jiffinanzja wkoll gruppi ta’ tobba, esperti fit-tneħħija tal-mini, u joffri appoġġ fil-qasam tat-trasport u tal-loġistika. Sa mill-1992 wettaq interventi f'aktar minn 130 pajjiż.

Espert tal-protezzjoni ċivili jieħu ritratt tal-ħsara kkawżata lin-natura minn ħama ħamra tossika fl-Ungerija.
Minbarra l-għajnuna umanitarja, l-ECHO jgħin jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-protezzjoni ċivili madwar l-UE. Jopera ċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u ta' Informazzjoni (MIC), li jaħdem fil-qalba tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE u hu aċċessibbli 24 sieħga kuljum. Kwalunkwe pajjiż fl-UE jew barra l-UE milqut minn diżastru ewlieni jista' jitlob l-għajnuna permezz tal-MIC. Jaġixxi bħala ċentru ta' komunikazzjoni bejn il-31 pajjiż li jipparteċipaw (is-27 Stat Membru u l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Kroazja), il-pajjiżi milqutin u l-esperti mibgħuta fuq il-post, u jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar l-istatus tal-emerġenza li tkun għaddejja. L-MIC għandu wkoll rwol ta' koordinazzjoni billi jqabbel l-offerti ta' għajnuna mill-pajjiżi parteċipanti għall-bżonnijiet tal-pajjiż milqut mid-diżastru.

Nisa spostati jirċievu l-għajnuna f’Darfur.
L-Unjoni Ewropea u l-ECHO waħedhom ma jistgħux jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha meħtieġa għall-forniment ta’ għajnuna ta’ emerġenza, jipprovdu gruppi ta’ sokkors, joħolqu sptarijiet ta’ emerġenza fil-post u jinstallaw sistemi temporanji ta’ komunikazzjoni. Filwaqt li l-ECHO jiffinanzja u jikkoordina dawn l-operazzjonijiet, l-għajnuna mill-pajjiżi tal-UE nnifishom hi meħtieġa għall-protezzjoni ċivili. Madankollu, għall-operazzjonijiet umanitarji, l-ECHO joqgħod fuq l-għajnuna mill-organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs), l-aġenziji speċjalizzati tan-NU u s-Salib/in-Nofs Qamar l-Aħmar internazzjonli biex jittrattaw il-programmi ta' emerġenza.
Għall-għajnuna umanitarja, kull imsieħeb iwettaq rwol speċjali. Ħafna drabi l-NGOs u s-Salib l-Aħmar jieħdu ħsieb ir-reġjuni milqutin minn gwerra ċivili. Fi kriżijiet kumplessi li jinvolvu żoni kbar u ċaqliq ta’ popolazzjoni fuq skala kbira, aġenziji prinċipali tan-NU biss bħall-Programm Dinji tal-Ikel jew l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati (UNHCR), jinsabu fil-qagħda li jfornu għajnuna konsiderevoli lill-vittmi kollha. Il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, li għandu aġenti madwar id-dinja, ta’ spiss huwa l-organizzazzjoni li tkun tista’ tibgħat għajnuna mill-aktar fis lir-reġjuni milquta minn diżastri naturali mhux mistennija.
L-għajnuna umanitarja tal-UE tikkonsisti minn:
Nistgħu ngħidu li għajnuna f’każ ta’ diżastru u għajnuna ta’ emerġenza filfatt huma għal perjodu qasir. L-operazzjonijiet iffinanzjati mill-UE ġeneralment idumu anqas minn sitt xhur. Iżda l-UE trid tiżgura li, meta l-għajnuna umanitarja tiġi rtirata, in-nies li tkun għenet ikunu jistgħu jerġgħu jlaħħqu mas-sitwazzjoni, jew li jsibu xi forma oħra ta’ għajnuna għall-iżvilupp fuq il-medda twila ta' żmien. Ir-riskju huwa li xejn m'hu f'postu wara li l-għajnuna umanitarja tispiċċa.
Biex tnaqqas dan ir-riskju, l-UE titlob lill-imsieħba tagħha fil-qasam biex jelaboraw strateġija ta’ ħruġ, li permezz tagħha jew jerġgħu jroddu lura l-kontroll lil awtorità lokali ladarba jitlesta l-intervent, inkella, jekk dan ma jkunx possibbli, jiżguraw li strutturi oħra ta’ għajnuna jkunu jistgħu jieħdu posthom meta dawn jitneħħew.
L-attenzjoni prinċipali tal-UE għall-ħidma ta' emerġenza tinsab fuq il-Lvant Nofsani, l-Asja u speċjalment l-Afrika.