Mogħdija tan-navigazzjoni


Saħħa Pubblika

Saħħa tajba għal kulħadd

Is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini hi prijorità ewlenija tal-UE. Il-politika dwar is-saħħa tal-UE tagħti lil kulħadd id-dritt għall-istess standards għoljin ta' kura tas-saħħa u aċċess għal kura tas-saħħa bi kwalità.

Il-politiki tal-UE dwar is-saħħa għandhom l-għan li:

  • jipprevjenu l-mard
  • jippromwovu stili ta' ħajja li jkunu aktar ta' ġid għas-saħħa
  • jipproteġu lill-pubbliku mit-theddid għas-saħħa bħall-pandemiji.

Filwaqt li l-organizzazzjoni u l-għoti ta' kura tas-saħħa hi r-responsabbiltà tal-pajjiżi tal-UE, l-UE żżid il-valur ma' xogħolhom billi tlaqqa' flimkien il-pajjiżi biex jindirizzaw sfidi komuni bħall-popolazzjonijiet li qed jixjieħu u l-problemi tas-saħħa assoċjati.

Billi l-problemi tas-saħħa mhumiex limitati għal pajjiżi individwali, qed naħdmu b'kooperazzjoni mill-qrib ma msieħba internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Strateġija tal-UE dwar is-Saħħa u Programm tas-Saħħa

L-azzjoni tal-UE hi bbażata fuq l-Istrateġija tas-Saħħa pdf - 123 KB [123 KB] Deutsch (de) English (en) français (fr) li tistabbilixxi tliet għanijiet ambizzjużi li jgħinu lin-nies jgħixu mhux biss aktar fit-tul, iżda wkoll b'mod aktar f'saħħtu:

  • it-trawwim ta' saħħa tajba f'Ewropa li qiegħda tixjieħ
  • il-protezzjoni tal-pubbliku mit-theddid għas-saħħa
  • l-appoġġ għal sistemi tas-saħħa dinamiċi u għat-teknoloġiji l-ġodda.

Il-Programm tal-UE dwar is-Saħħa jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija biex jikkomplementa, l-appoġġ u l-valur miżjud għall-politiki u l-azzjonijiet ta' pajjiżi tal-UE, b'mod partikulari:

  • il-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa – inkluż it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-kura tas-saħħa
  • l-għoti ta' aktar informazzjoni u ta' tagħrif dwar is-saħħa
  • il-kooperazzjoni qawwija mal-partijiet ikkonċernati.

Il-Programm jitmexxa mill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi English , ibbażata fil-Lussemburgu.

Tarbija tiekol il-ħaxix © Van Parys Media

L-UE tippromwovi ikel tajjeb għas-saħħa.

Prevenzjoni ta' mard

Nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet biex nipproteġu saħħitna u biex nevitaw il-mard, pereżempju:

  • Noqogħdu attenti kemm u x'nieklu u x'nixorbu u li nagħmlu eżerċizzju. L-obeżità hi kawża ewlenija tal-mard tal-qalb, mard taz-zokkor u ċerti kanċrijiet. L-UE qed taħdem biex tippromwovi tqegħid b'mod responsabbli ta' tikketti tal-ikel sabiex il-konsumaturi jkunu jafu x'qed jieklu.
  • L-użu ta' skemi ta' skoperti bikrin. Il-Kummissjoni qed taħdem biex ikun hemm fl-UE kollha programmi ta' eżaminazzjoni għall-kanċrijiet tas-sider, ċervikali u tal-kolorektum, u qed tlaqqa' flimkien esperti mill-UE kollha biex jiskambjaw l-għerf tagħhom, jiġu evitati azzjonijiet imxerrda u xogħol doppju, u biex isir l-aħjar użu tar-riżorsi f'dan il-qasam.
  • Użu limitat ta' alkoħol u ta' tabakk. L-UE tiżgura li l-pubbliku jkun infurmat dwar il-problemi tas-saħħa assoċjati mad-drawwiet (it-tipjip, id-dieta, l-abbuż alkoħoliku) li jistgħu jikkawżaw mard kroniku.
  • L-użu fejn adatt tat-tilqim. L-awtoritajiet tal-UE u nazzjonali qed jistudjaw modi kif tiżdied il-protezzjoni tat-tilqim kontra l-influwenza tal-istaġun.

Twissija bikrija u respons

It-theddid għas-saħħa pubblika hu kawża permanenti ta' preokkupazzjoni għall-awtoritajiet tas-saħħa mad-dinja kollha. L-UE u l-pajjiżi membri tagħha jaħdmu biex jinbena l-istat ta' preparazzjoni u l-kapaċità ta' respons (inklużi sistemi ta' twissija bikrija) biex ikun ffaċċjat dan it-theddid – bħal fil-każ tal-pandemija H1N1 ("influwenza tal-ħnieżer") tal-2009.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard English fi Stokkolma jivvaluta t-theddid għas-saħħa li qed jitfaċċa, u jagħmilha possibbli għall-UE li taġixxi malajr għall-emerġenzi tas-saħħa pubblika.

Hu jiġbor flimkien u jiskambja t-tagħrif dwar theddidiet korrenti u li qed jitfaċċaw għas-saħħa, u jaħdem mal-kontrapartijiet nazzjonali tiegħu biex tiġi żviluppata sorveljanza tal-mard mal-Ewropa kollha.

Farmaċewtiċi

Mejkapp tal-għajnejn © Pixelio

Il-politika tas-saħħa pubblika tiżgura li l-kożmetiċi ma jkunux perikolużi.

Il-mediċini ġodda kollha jiħtiġilhom li jkunu awtorizzati qabel ma jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-UE.

Wara li jkunu awtorizzati u meta jitqiegħdu fis-suq, is-sikurezza tal-mediċini hi sorveljata matul il-perjodu ta' qabel l-iskadenza tagħhom. Is-sistema tal-UE ta' viġilanza farmaċewtika tgħin biex ikun żgurat li tittieħed azzjoni ta' maljar, bħas-sospiża u l-irtirar tal-permess għat-tqegħid fis-suq, jekk mediċina tikkawża reazzjonijiet avversi li mhumiex aċċettabbli.

L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA) English f'Londra tikkoordina l-valutazzjoni xjentifika tal-kwalità, is-sikurezza u l-effiċjenza tal-prodotti mediċinali.

Riċerka u Innovazzjoni

L-UE se tonfoq €6bn għar-riċerka dwar is-saħħa bejn l-2007-13 fl-ambitu tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7). L-enfasi hi fuq:

  • traduzzjoni ta' skoperti bażiċi f'applikazzjonijiet kliniċi
  • żvilupp u validazzjoni ta' terapiji ġodda
  • promozzjoni tas-saħħa u l-istrateġiji ta' prevenzjoni
  • għodda ta' dijanjosi u teknoloġiji mediċi aħjar
  • sistemi ta' kura tas-saħħa sostenibbli u effiċjenti.

Aċċess għal kura medika kullimkien fl-UE

Il-pubbliku ġeneralment jippreferi jirċievi l-kura tas-saħħa viċin ta' fejn joqgħod, iżda kultant hu eħfef jew meħtieġ li wieħed immur f'pajjiż ieħor tal-UE, pereżempju fejn l-eqreb faċilità tas-saħħa ma tinsabx ħlief fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera ta' pajjiż ieħor, jew meta l-kura speċjalizzata tinsab biss barra 'l pajjiż.

Liġi tal-UE (li trid tiġi implimentata mill-pajjiżi tal-UE sal-2013) dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa bejn il-fruntieri għandha tikkjarifika d-dritt għall-Ewropej biex jingħataw kura f'pajjiż ieħor tal-UE u jiġu rimburżati. Hi ser ukoll:

  • tagħmilha eħfef għall-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa biex jaħdmu aktar mill-qrib u biex jiskambjaw informazzjoni dwar l-istandards tal-kwalità u tas-sikurezza tal-kura tas-saħħa
  • tiżgura li r-riċetti jkun jista' jingħatalhom għarfien f'pajjiżi oħrajn tal-UE
  • tipprepara t-triq għal "Netwerks Ewropej ta' Referenza" ta' ċentri speċjalizzati ta' kompetenza, biex b'hekk l-esperti tas-saħħa fl-Ewropa kollha jkunu jistgħu jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-kura tas-saħħa.

Inizjattiva oħra li diġà tinsab fis-seħħ - il-Kard Ewropea għall-assigurazzjoni fuq is-saħħa tagħmilha eħfef għal persuni fuq btala u għal negozjanti li jkunu qed jivvjaġġaw biex jitolbu d-dritt tagħhom għal kura tas-saħħa jekk jomordu f'pajjiż ieħor tal-UE jew f'pajjiż Ewropew ieħor.

Saħħa – approċċ dinji

Saħħa dinjija tirriferi għal kwistjonijiet ta' saħħa li jittraxxendu l-fruntieri u l-gvernijiet nazzjonali li jistgħu jkunu influwenzati biss fil-livell tal-fatturi b'determinazzjoni dinjija. Dawn jistgħu jinkludu l-kummerċ, l-immigrazzjoni, is-sigurtà, is-sikurezza tal-ikel u t-tibdil tal-klima.

Il-Kummissjoni tal-UE taħdem mill-qrib ma msieħba strateġiċi bħad-WHO fl-ambitu ta' qafas ta' politika dinjija għas-saħħa li tidentifika sitt sfidi ewlenin:

  • l-ekwità
  • il-koerenza fir-respons għall-globalizzazzjoni
  • l-aċċess u l-innovazzjoni
  • is-saħħa bħala dritt tal-bniedem
  • il-governanza
  • ir-riċerka.

Temi prinċipali oħrajn jinkludu:

  • is-solidarjetà fil-livell dinji – mhux biss fl-għajnuna għall-iżvilupp iżda wkoll fil-politiki relatati mal-forza tax-xogħol u mal-aċċess għall-mediċini
  • il-koerenza bejn politiki interni u esterni rilevanti tal-UE.

Fuq

Fuq


Filmati

  • Azzjoni min-naħa tal-UE fil-qasam tan-nutrizzjoni u l-attività fiżika




Fuq

Ara l-paġna fid-daqs normali tagħhaKabbar id-daqs b'150 fil-mijaKabbar id-daqs b'200 fil-mija | Agħżel il-kulur tal-paġna bluAgħżel il-kulur tal-paġna aħdarAgħżel il-kulur tal-paġna aħmarAgħżel kuluri li jikkuntrastaw


Immarka din il-paġna Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

Temi relatati

Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

IvaLE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Ma sibtx li ridt? Ipprova l-Indiċi A saż-ŻABĊDEFĠGHĦIIEJKLMNOPQRSTUVWXŻZ