Mogħdija tan-navigazzjoni


Il-ġlieda kontra l-frodi

Il-ħarsien tal-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxi

Il-kuntrabandu tas-sigaretti... il-muniti foloz tal-ewro... l-evażjoni tad-dazji imposti fuq l-importazzjoni taż-żraben u l-ħwejjeġ... is-sussidji għal-larinġ f'għelieqi li ma jeżistux - dawn kollha huma eżempji ta' attivitajiet ta' frodi li jippreżentaw spiża għall-Ewropej li jħallsu t-taxxi.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) għandu kważi 500 uffiċjal biex jaqbdu lil dawk li jiskru l-liġi u li jieħdu ħsieb l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u taċ-ċittadini tagħha li jħallsu t-taxxa.

L-OLAF jinvestiga mijiet ta' każijiet kull sena fejn l-UE qed tinsteraq mid-dħul finanzjarju jew fejn il-fondi tagħha ntużaw b’mod ħażin. Fl-2009, l-OLAF għalqet 220 investigazzjoni ta' frodi, li kull waħda minnhom damet madwar 24 xahar. Fl-istess sena, kien hemm €280 miljun f'każijiet suspettati ta' frodi li jinvolvu fondi tal-UE, li jirrappreżentaw inqas minn 0.2% tal-baġit totali tal-UE.

Uffiċjal jiċċekkja l-prodotti © OLAF

L-identifikazzjoni ta' prodotti tal-kuntrabandu

L-akbar kategorija ta' frodi hija l-użu ħażin tal-Fondi Strutturali tal-UE. Dawn jiffinanzjaw il-biedja, il-proġetti tal-politika soċjali u l-iżvilupp reġjonali.

Bis-saħħa tat-Trattat ta' Lisbona, il-liġijiet tal-UE kontra l-frodi ssaħħew u issa sar iktar faċli għall-OLAF biex jindirizza l-frodi bejn il-pajjiżi.

Il-missjoni tal-OLAF

Il-missjoni tal-OLAF hija li tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, biex tiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn, inkluża kull imġiba ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej b'konsegwenzi finanzjarji, għalkemm ftit li xejn insibu każijiet simili.

L-uffiċjali tal-OLAF jipposjedu poteri estensivi ta' investigazzjoni. Huma jistgħu jwettqu verifiki fuq il-post f'bini kummerċjali fl-Istati Membri tal-UE u f'xi pajjiżi oħrajn. L-OLAF m'għandux is-setgħa li jtella' l-każijiet tiegħu l-qorti, u minflok jirreferihom lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż fejn il-frodi suspettati jkunu twettqu. Madankollu, fil-futur, jista' jkun hemm Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li jesegwixxi l-prosekuzzjoni tal-każijiet direttament fi kwalunkwe Stat Membru fejn il-każ jinvolvi l-interessi finanzjarji tal-UE.

L-OLAF għandu ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ ħafna pajjiżi mill-Istati Uniti sa l-Użbekistan, miċ-Ċina saċ-Ċile, u jaħdem id f'id mal-Europol (l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija), u mal-Eurojust, l-aġenzija mwaqqfa biex tikkoordina l-ġlieda kontra atti kriminali serji.

Ċentru ewlieni fil-ġlieda kontra l-frodi

Flus ewro © Carofoto

Attenti għall-foloz!

Wieħed mir-rwoli ewlenin tal-OLAF huwa l-koordinazzjoni. Billi jinsab fiċ-ċentru tan-netwerk investigattiv, l-OLAF jista' jiżgura li jkun hemm katina ta' azzjoni kontinwa tul sistemi investigattivi u ġudizzjarji nazzjonali differenti għal kollox minn xulxin. Ċentru ta' koordinazzjoni fi Brussell għall-operazzjonijiet konġunti tad-dwana mmexxija mill-OLAF jew xi stat membru jipprovdi faċilitajiet tekniċi u loġistiċi 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, b'koordinazzjoni ma taqtax madwar l-UE kollha.

It-teknoloġija hija kruċjali fil-ħidma tal-OLAF. L-informazzjoni tiġi skambjata permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni Doganali tal-UE, li biha l-uffiċjali tad-dwana, il-pulizija, il-gwardji tal-kosta, u s-servizzi agrikoli u tas-saħħa pubblika jaqsmu bejniethom tagħrif sensittiv il-ħin kollu permezz ta' bażi tad-dejta unika, u bis-saħħa ta' Sistema Informattiva Kontra l-Frodi li minnha jgħaddu mijiet ta' eluf ta' messaġġi fis-sena.

Operazzjonijiet konġunti tad-dwana

Iċ-ċentru ta' koordinazzjoni tal-OLAF intuża f'Ġunju 2010 għall-Operazzjoni 'Scirocco', li kienet immirata kontra s-sigaretti b'ditti foloz u involviet awtoritajiet tad-dwana mis-27 pajjiż membru tal-UE u minn 11-il pajjiż imsieħba tal-UE mill-Unjoni għall-Mediterran (l-Albanija, il-Kroazja, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Lebanon, l-Awtorità Palestinjana, il-Montenegro, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuniżija u t-Turkija) bl-appoġġ tal-Interpol, il-Europol, u l-Organizzazzjoni Doganali Dinjija.

Matul l-operazzjoni, twaqqfu 40 miljun sigarett b'ditti immarkati b'mod falz, 1200 kg ta' tabakk tat-trembil bl-idejn, 7000 litru ta' alkoħol u 8 miljun oġġett iffalsifikat ieħor, inklużi ħwejjeġ, żraben, ġugarelli u apparat elettroniku Kieku l-kuntrabandisti rnexxilhom, kienu jevitaw €8 miljun f'dazji doganali u taxxi tas-sisa fuq sigaretti biss.

F'April 2011, l-Operazzjoni 'Fireblade' kienet organizzata mill-awtoritajiet tad-dwana Ungeriżi flimkien mal-OLAF. Ăew ikkonfiskati konsenji kbar ta' prodotti tat-tessuti foloz u aċċessorji oħrajn li kienu deħlin fl-UE mill-fruntiera tal-Lvant.

Fil-passat, l-OLAF mexxiet operazzjonijiet konġunti tad-dwana oħrajn bħal 'Diabolo II'.

Inwaqqfu lill-kuntrabandisti tas-sigaretti

Fost l-aktar oqsma maġġuri ta' frodi li l-OLAF tiffaċċja, insibu l-evitar tal-ħlas tad-dazju doganali jew tas-sisa fuq is-sigaretti, li ġeneralment isir permezz tal-kuntrabandu. F'operazzjoni waħda f'April 2011 f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi, Litwani u Pollakki, twaqqfu kważi 70 miljun sigarett. Dan evita telf ta' €6 miljun lill-Ewropej li jħallsu t-taxxi.

F'Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea iffirmat ftehim multiannwali mal-kumpanija Imperial Tobacco (ITL) biex jaħdmu flimkien biex jiġi ttrattat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk. Skont il-ftehim, li jorbot legalment, il-kumpanija ITL se taħdem mal-Kummissjoni Ewropea, l-OLAF u mal-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-infurzar tal-liġi, sabiex tgħin fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti foloz. Il-Ftehim jinkludi ħlasijiet sostanzjali min-naħa tal-ITL lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri matul l-għoxrin sena li ġejjin, li jammontaw għal €207 miljun.

Żewġ ftehimiet simili kontra l-kuntrabandu u l-iffalsifikar kienu diġà ffirmati mis-27 pajjiż membru u l-UE ma' Philip Morris International (PMI) u Japan Tobacco International (JTI).

Noqgħodu attenti għall-muniti foloz tal-ewro

L-OLAF huwa inkarigat ukoll miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew, li janalizza l-muniti foloz u jinsab fiż-Żekka ta' Pariġi. L-għadd ta' muniti ewro foloz li tneħħa miċ-ċirkolazzjoni fl-2010 żdied bi 8% meta mqabbel mas-sena ta' qabel, b'total ta' 186 000 munita li twaqqfu, meta mqabbla ma' 172 100 fl-2009. L-aktar munita popolari fost il-falzifikaturi hija dik taż-2 ewro, li laħqet madwar 70% tat-total ta' muniti ffalzifikati fl-2010.

Fuq

Fuq



Ara l-paġna fid-daqs normali tagħhaKabbar id-daqs b'150 fil-mijaKabbar id-daqs b'200 fil-mija | Agħżel il-kulur tal-paġna bluAgħżel il-kulur tal-paġna aħdarAgħżel il-kulur tal-paġna aħmarAgħżel kuluri li jikkuntrastaw


Immarka din il-paġna Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna

Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

IvaLE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?

Ma sibtx li ridt? Ipprova l-Indiċi A saż-ŻABĊDEFĠGHĦIIEJKLMNOPQRSTUVWXŻZ