Mogħdija tan-navigazzjoni

Affarijiet marittimi u sajd


L-għajxien ta' bosta ċittadini tal-UE jiddependi fuq il-baħar u r-riżorsi li joffri - il-ħut ovvjament, iżda wkoll l-enerġija minn parks eoliċi fuq il-baħar u minn bjar taż-żejt u l-gass 'il barra mix-xtut. Il-flotta merkantili tal-UE tiddependi fuq l-oċejani tad-dinja għall-kummerċ. Iż-żoni tal-kosta huma kalamita għat-turisti - sors ieħor ta' għajxien.

B'dawn l-interessi kollha involuti jeħtieġ inkunu responsabbli fl-użu li nagħmlu mir-riżorsi tal-ibħra, nevitaw is-sajd żejjed u niżguraw li l-estrazzjoni taż-żejt u l-gass ma tagħmilx ħsara lill-ambjent marittimu jew tal-kosta.

Sajd – l-importanza tal-konservazzjoni

L-industrija tas-sajd tal-UE hi r-raba' l-akbar waħda fid-dinja, hi tipprovdi madwar 6.4 tunnellati ta' ħut fis-sena. Is-sajd u l-ipproċessar tal-ħut jipprovdu impjiegi għal aktar minn 350 000 persuna.

L-UE tagħmel l-isforzi kollha biex tiżgura li s-sajd ikun sostenibbli - kemm ekonomikament kif ukoll ambjentalment - filwaqt li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi u tikkunsidra l-ħtiġijiet tas-sajjieda.

Ir-riforma tal-politika komuni tas-sajd tal-UE li daħlet fis-seħħ f'Jannar 2014 għandha preċiżament dawn l-għanijiet: li tiżgura l-għajxien tas-sajjieda, filwaqt li twaqqaf is-sajd żejjed u t-tnaqqis tal-istokkijiet.

Il-liġi l-ġdida hi bbażata fuq Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Bejn l-2014 u l-2020, dan se jiffinanzja proġetti mfassla biex

  • jintroduċu tekniki tas-sajd innovattivi
  • joħolqu opportunitajiet ġodda għal frott tal-baħar
  • itejbu l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni kostali.

Dan se jgħin lis-sajjieda biex jimxu lejn sajd sostenibbli, u l-komunitajiet tal-kosta biex jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom.

Sajjieda jħottu l-qabdiet © Van Parys Media

Il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut – prijorità tal-politika tas-sajd tal-UE.

Kooperazzjoni u għajnuna internazzjonali

L-UE taħdem ma' korpi tan-NU fi ħdan organizzazzjonijiet tas-sajd reġjonali u internazzjonali biex tiżgura li l-ibħra kullimkien ikunu regolati b'mod trasparenti, sostenibbli u li ma jsirx sajd żejjed fihom.

Ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi mhux membri tal-UE jagħtu aċċess lis-sajjieda tal-UE biex jistadu f’ibħra mbiegħda, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw fi ħdan l-UE. Dan jgħin biex is-suq tal-UE jinżamm fornit. Bi tpattija, il-pajjiżi msieħba (inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw) jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja li jistgħu jinvestuha fl-iżvilupp tal-industrija tas-sajd tagħhom u biex jibnu l-istokkijiet tal-ħut tagħhom stess.

It-trobbija tal-ħut u tal-frott tal-baħar – b'mod sostenibbli

Teżisti differenza li qed tikber bejn l-ammont ta' frott tal-baħar mikul fl-UE u l-volum ipprovdut mill-industrija tas-sajd. L-akkwakultra tista' tagħmel tajjeb għal dan sa ċertu punt. Illum, kwart tal-ħut u l-frott tal-baħar prodotti fl-UE diġà jiġi minn farms tal-ħut u forom oħrajn ta' akkwakultura. Il-maskli, it-trota qawsalla u s-salamun tal-Atlantiku huma l-ispeċijiet ewlenin imrobbija fl-UE bil-volum, u wara jiġu l-gajdri, l-awrat, il-karpjun, il-gandoffli u l-ispnott.

L-akkwakultura Ewropea għandha standards eċċezzjonalment għoljin ta' protezzjoni tal-ambjent, is-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-konsumaturi. Madankollu, is-settur staġna fis-snin reċenti. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida hija mfassla biex ireġġgħu lura din ix-xejra u tingħata spinta l-provvista ta’ ħut friski, tajjeb għas-saħħa u prodott lokalment.

Turbini tar-riħ © EU

Parks eoliċi fil-baħar – sors ta’ enerġija nadifa, impjiegi u tkabbir ekonomiku

Id-dimensjoni marittima

L-UE għandha l-akbar żona marittima fid-dinja (1200 port) u l-akbar flotta merkantili fid-dinja. 90% tal-kummerċ ma' pajjiżi mhux fl-UE u 40% tal-kummerċ fl-UE ġej mill-baħar. L-industriji marittimi jimpjegaw għadd ta’ miljuni ta’ nies u jiswew kważi 200 biljun euro.

Fis-snin reċenti l-UE wessgħet l-ambitu tal-politka marittima tagħha biex tkopri l-użi kollha tal-ispazju marittimu, fi sforz koordinat biex tuża l-wirt marittimu Ewropew li ilu jeżisti biex tikseb l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Il-politika marittima issa tinkludi

  • is-sigurtà marittima
  • l-ippjanar tal-ispazju marittimu
  • l-għarfien tal-ambjent marittimu
  • negozji marittimi kompetittivi
  • ir-riċerka xjentifika
  • is-sajd
  • il-protezzjoni tal-ambjent marittimu.

L-għan hu li jiġi żgurat l-iżvilupp ekonomiku filwaqt li tiġi salvagwardata s-sostenibbiltà ambjentali.

Biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza kruċjali ta' ibħra u oċejani f’qagħda tajba għal ħajjitna, l-UE tiċċelebra l-Jum Marittimu Ewropew English fl-20 ta' Mejju kull sena.

Fuq

Affarijiet Marittimi u Sajd

Manuskritt aġġornat f'Ġunju 2014

Din il-pubblikazzjoni hi parti mis-serje "Nifhmu l-politiki tal-UE"


Fuq


Filmati


Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

IvaLE

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?