Ara l-paġna fid-daqs normali tagħhaKabbar id-daqs b'150 fil-mijaKabbar id-daqs b'200 fil-mija | Agħżel il-kulur tal-paġna bluAgħżel il-kulur tal-paġna aħdarAgħżel il-kulur tal-paġna aħmarAgħżel kuluri li jikkuntrastaw


Immarka din il-paġna Ibgħat din il-paġna lil sħabek Stampa din il-paġna


Dwana

1/5 mill-kummerċ dinji f’idejna

L-unjoni doganali kienet waħda mill-ewwel fażijiet importanti ta’ l-UE. Din neħħiet id-dazji doganali mal-fruntieri interni u implimentat sistema uniformi ta’ tassazzjoni fuq l-importazzjonijiet. Wara dan tneħħew il-kontrolli interni mal-fruntieri. L-uffiċjali tad-dwana issa jinstabu biss mal-fruntieri esterni ta’ l-UE. Dawn mhux biss iħallu l-kummerċ jiċċirkola, iżda jgħinu jipproteġu l-ambjent u l-wirt kulturali tagħna, u jipproteġu l-impjiegi billi jikkumbattu l-falsifikazzjoni u l-piraterija.


Ħarsa ġenerali

L-unjoni doganali hi żona kummerċjali waħdanija fejn il-merkanziji kollha jiċċirkolaw b’mod ħieles, kemm jekk magħmula fl-UE jew impurtati minn barra. Mowbajl Finlandiż jista’ jintbagħat lejn l-Ungerija mingħajr ħlas ta’ dazju u mingħajr kontrolli tad-dwana. Id-dazju fuq televixin impurtat mill-Korea t'Isfel jitħallas meta jidħol l-ewwel darba fl-UE, iżda wara dan mhemmx aktar x’jitħallas fuqu u mhemmx aktar kontrolli.

Statwetti tal-ġnien © Carofoto

L-importazzjonijiet illegali jiġu f’bosta forom.

Madankollu l-attività doganali għadha importanti ħafna. Is-servizzi tad-dwana fl-UE jreġġu kważi 20% tat-total ta' l-importazzjoni dinjija. Dan huwa aktar minn żewġ biljuni tunnellata ta' oġġetti kull sena. Id-dwana tipproċessa ferm aktar minn 100 miljun dikjarazzjoni doganali kull sena.

Ix-xogħol doganali hu kumpless

Ix-xogħol ta’ l-uffiċjal doganali hu kumpless. L-UE tnaqqas it-tariffi tagħha fuq ħafna oġġetti impurtati minn pajjiżi foqra. Xi impurtaturi jippruvaw jikkwalifikaw l-oġġetti tagħhom għal tariffa aktar baxxa billi jipproduċu ċertifikat ta' oriġini falz minn wieħed minn dawn il-pajjiżi. Dawn rarament iqarqu bl-uffiċjali doganali.

L-uffiċjali doganali jiżguraw ukoll l-osservanza tar-regoli ta’ l-UE u internazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur. Jistgħu jirritornaw prodotti alimentari kontaminati jew apparat elettriku li mhuwiex konformi ma' l-istandards ta' l-UE.

Huma jiżguraw li l-ispeċi li jinsabu f’perikolu li jinqerdu għal kollox jiġu protetti. Dan ifisser li jiġi ċċekkjat il-kummerċ ta’ l-avorju, l-annimali, l-għasafar u l-pjanti mħarsa. Huma jipproteġu wkoll il-wirt kulturali tagħna billi jissorveljaw il-kuntrabandu ta’ opri ta’ l-arti. Huma jivverifikaw il-leġittimità ta’ l-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija delikata li tista’ tintuża biex jinħadmu armi nukleari jew kimiċi.

Bżonn ta' attenzjoni

L-uffiċjali doganali jinsabu wkoll quddiemnett fil-kontroll tal-merkanziji foloz li jvarjaw minn mowbajls u mediċini, għall-piraterija ta’ oġġetti bħal CDs u software li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà pubblika, u l-impjiegi ta’ dawk li jaħdmu f'azjendi legali li jipproduċu dawn l-oġġetti. Dan jirrikjedi għajnejn fini li jindunaw bid-differenza bejn jeans jew arloġġi magħmula verament minn ditti tal-moda rinomati u oġġetti li jkunu sempliċiment kopji tagħhom. L-uffiċjali doganali ta' l-UE qabdu 250 miljun oġġett falzifikat tul l-2006.

Graff turi oġġetti maqbuda mid-dwana

L-uffiċjali doganali jwettqu xogħol vitali fil-ġbir ta’ l-istatistiki. Id-dokumentazzjoni tagħhom jikkontribwixxu għad-deċiżjonijiet dwar jekk għandhomx jiġu introdotti limiti fuq merkanzija li tista’ ma tkunx qed tikkompeti b’mod ġust ma’ prodotti ta’ l-UE. Dawn jiġbru data dwar il-fluss tal-kummerċ li jgħin lill-fassala tal-politika jintendu bix-xejriet ekonomiċi. L-uffiċjali doganali jiżguraw li kull min jivvjaġġa bi kwantitajiet kbar ta' flus kontanti jew ekwivalenti (bħal bearer bonds jew ċekkijiet) ma jkunx qed jirriċikla l-flus jew jevadi t-taxxa. Huma jgħinu fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-bnedmin, id-drogi, il-pornografija u l-armi. Għaldaqstant, isostnu ħidmet il-pulizija u s-servizzi ta’ l-immigrazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Attenzjoni għall-frodi

L-uffiċjali doganali huma responsabbli wkoll biex jittraċċaw il-frodi fid-dikjarazzjonijiet u pagamenti ta’ taxxa b’valur miżjud (VAT), jew l-evażjoni tad-dazji tas-sisa fuq oġġetti bħalma huma s-sigaretti. Mingħajr dan ix-xogħol minn uffiċjali doganali, ikun faċli ħafna għall-merkanzija li tisparixxi fl-ekonomija s-sewda milli tidħol fis-sistema taxxabbli, jew għal negozjanti bla skrupli li jirrapportaw kummerċ finta.

Il-ġbir tal-flus f'sisa u taxxi doganali fuq l-importazzjonijiet agrikoli, l-uffiċjali doganali mhumiex biss jinfurzaw ir-regoli kummerċjali. Qegħdin jagħtu kontibuzzjoni siewja għall-iffinanzjar ta' l-UE. Id-dħul jammonta għal 15% tal-baġit ta' l-UE. Il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT tgħina nissalvagwardjaw is-sors ta' 16% ieħor tal-baġit.

Fl-istess waqt, l-uffiċjali doganali għandhom jirrispettaw id-drittijiet individwali taċ-ċittadini li jixtru oġġetti f'pajjiż ieħor ta' l-UE. Per eżempju, ilkoll intitolati nieħdu birra u nbid lill-ħbieb u l-familja jew li nbiegħu mingħajr profitt bla ma nħallsu iżjed fuq il-fruntiera.

Għal ħajja aħjar għan-negozju

L-UE, b’mod kostanti, qed taħdem biex taġġorna u tawtomatizza l-proċeduri li se jiffaċilitaw il-kummerċ bejn il-fruntieri interni u esterni tagħha. Fis-snin li ġejjin, in-negozji se jkunu jistgħu jwarrbu l-karti tal-formoli doganali. U fi ftit snin oħra, in-netwerks doganali ta' l-istati membri se jkunu kollha integrati bis-sħiħ elettronikament, sistema ta' 'one-stop-shop' għall-kummerċjanti biex permezz tagħha jwettqu n-negozjar doganali tagħhom madwar l-UE.

Leġiżlazzjoni

Ġabriet fil-qosor ta' leġiżlazzjoni u politika

Verżjonijiet ta' testi sħaħ tal-leġiżlazzjoni u l-każistika

Aktar tagħrif