
Vjolinista żagħżugħa fil-festival internazzjonali tal-mużika f’Varna, il-Bulgaria.
Importanza ekonomika
Bl-industriji kulturali u kreattivi tal-Ewropa, sorsi importanti ta' dħul ta' flus u ta' impiegi (aktar minn 8 miljun persuna), l-UE tmexxi programmi ta' appoġġ għal ċerti industriji kulturali, tħeġġiġhom jaħtfu l-opportunitajiet offruti mis-suq integrat tal-UE u mit-teknoloġiji diġitali.
Hi tipprova wkoll taħdem biex jinħoloq ambjent dinamiku għal dawn l-industriji billi:
- tinqata' l-burokrazija
- jingħata aċċess li jkun eħfef għal finanzjament
- tingħata għajnuna lill-proġetti ta' riċerka
- tkun inkuraġġita l-kooperazzjoni mal-imsieħba ġewwa u barra l-UE.
Barra minn hekk, hemm komponent kulturali f'ħafna oqsma ta' politika tal-UE, bħalma huma l-edukazzjoni (inkluż it-tagħlim tal-lingwi), ir-riċerka xjentifika, is-sostenn għat-teknoloġiji tal-IT u tal-komunikazzjoni, u l-iżvilupp soċjali u reġjonali.
Qawmien kulturali u reġjonali
Biex nagħtu eżempju, bħala parti mill-politika reġjonali tagħha, l-UE tgħin sabiex jitħallsu l-iskejjel tal-mużika, is-swali tal-kunċerti u l-istudjows fejn jiġu rrekordjati d-diski. Iffinanzjat ukoll ir-restawr ta' teatri storiċi, fosthom it-Teatro del Liceu f'Barċellona u l-Fenice ta' Venezja, li kienu sofrew danni mħabba nirien fid-disgħinijiet.
Fil-linji gwida għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-gvernijiet tal-UE biex jippromwovu l-iżvilupp kulturali f'reġjuni ifqar biex jgħinuhom jasserixxu l-identità tagħhom, jattiraw turisti u joħolqu impjiegi f’oqsma bħal servizzi onlajn u l-mezzi tax-xandir.

L-UE tgħin fir-restawr tal-wirt kulturali Ewropew
Il-Programm Kultura tal-UE
Il-programm korrenti 

mill-2007 sal-2013 qed jitmexxa b'baġit totali għall-perjodu ta' madwar €400 miljun. Ikopri l-attivitajiet kulturali kollha li mhumiex awdjoviżivi, li għandhom l-għan li:
- jippromwovu l-għarfien u l-preservazzjoni tal-oġġetti kulturali b'"sinifikat Ewropew"
- jgħinu li dawk li jaħdmu fl-industriji kulturali jgħixu u jaħdmu f'pajjiżi Ewropej oħra.
- jagħmluha eħfef għal xogħlijiet u għal prodotti kulturali u artistiċi biex jiċċirkolaw b'mod ħieles madwar l-UE
- iħeġġu d-djalogu bejn kulturi differenti.
Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura
Kull sena, 2 ibliet jinħatru Kapitali Ewropej tal-Kultura 

.
Dan it-titlu jagħti lill-ibliet opportunità unika biex jiċċelebraw l-identità Ewropea tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni tagħhom kemm mal-entitajiet kulturali nazzjonali kif ukoll barranin u ġeneralment jagħmlulhom il-ħajja kulturali tagħhom aktar vivida u attraenti.
Iseħħu diversi avvenimenti fil-belt matul is-sena f'kull qasam kulturali. L-esperjenza turi li sena bħala kapitali tal-kultura għandha benefiċċji fit-tul għall-kultura, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-belt.