Hu fatt ippruvat li l-klima tagħna qed tinbidel. Qed narawha tiġri fl-Ewropa u kullimkien, b'temperaturi li qed jiżdiedu, xejriet tax-xita li qed jinbidlu, glaċieri li qed jinħallu u bil-livelli tal-baħar li qed jogħlew. Nixfa u għargħar iktar frekwenti qed iħallu effetti ħżiena fid-dinja kollha.

Ħajker fuq glaċiera.
L-attività tal-bniedem aċċellerat it-tibdil fil-klima, iżda qatt mhu tard wisq biex nikkontrollaw ir-ritmu ta' dan il-proċess. L-UE qed taħdem qatigħ biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra fil-pajjiżi membri tagħha u tħeġġeġ lill-pajjiżi l-oħrajn jagħmlu l-istess. Qed tiżviluppa wkoll strateġija biex tindirizza l-impatt tat-tibdil fil-klima.
Il-mexxejja tal-UE qablu dwar sett ta' miri, li għandhom jintlaħqu sal-2020, li saru magħrufin bħala l-"miri 20-20-20". Dawn għandhom l-għan li:
L-UE offriet ukoll li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha bi 30% jekk l-ekonomiji ewlenin l-oħrajn jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu bl-istess mod l-emissjonijiet tagħhom jew jagħtu kontribuzzjonijiet adegwati. In-negozjati dwar dan huma għaddejjin fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti.
Fi "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050", il-Kummissjoni Ewropea ħarset ukoll lejn metodi ġodda kif tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra bi 80 sa 95% sa nofs is-seklu.
Din is-sistema hi l-bażi tal-istrateġija tal-UE dwar it-tibdil fil-klima, u bil-mod il-mod qed tnaqqas l-emissjonijiet mill-industrija bl-iktar mod sostenibbli possibbli.
B'din is-sistema, l-industriji intensivi fl-enerġija bħall-impjanti tal-enerġija jew impjanti tal-azzar u tas-siment iridu jċedu l-kwoti kull sena għal kull tunnellata ta' CO2 li jipproduċu. Fil-prinċipju, jirċievu ċertu ammont ta' kwoti bla ħlas, iżda jekk ikunu jridu iktar, ikollhom jixtruhom mis-suq tal-karbonju. Jistgħu wkoll ipattu għall-emissjonijiet billi jinvestu fi tnaqqis tas-CO2 fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Mill-bidu tal-UE ETS fl-2005, ingħaqdu iktar u iktar negozji. Il-linji tal-ajru se jsiru parti mis-sistema mill-2012. Fil-futur, iktar kwoti se jkunu rkantati minflok ma jiġu mogħtija bla ħlas.
Filwaqt li hu possibbli li nnaqsu r-ritmu tat-tibdil fil-klima, ma jistax jitwaqqaf għal kollox. Għalhekk jeħtieġ li nadattaw jekk irridu nevitaw jew nimminimizzaw il-ħsara. L-azzjonijiet ivarjaw mill-bidla tar-regolamenti dwar il-bini biex jitqiesu l-kundizzjonijiet futuri tal-klima, sal-bini ta' difiżi għall-għargħar u l-iżvilupp ta' żrieragħ reżistenti għan-nixfa.