L-Unjoni Ewropea għandha l-politika barranija u ta' sigurtà tagħha, li żviluppat gradwalment matul bosta snin u li permezz tagħha tista' titkellem – u taġixxi – bħala entità waħda fi kwistjonijiet dinjin.
27 pajjiż membru jaġixxu flimkien bħala l-UE jkollhom influwenza u piż akbar milli kieku kellhom jaġixxu individwalment u jsegwu 27 politika differenti.
Il-politika barranija u ta' sigurtà komuni tal-UE kompliet tissaħħaħ permezz tat-Trattat ta' Lisbona tal-2009, li ħoloq il-kariga tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Fl-istess ħin, hu ħoloq servizz diplomatiku Ewropew – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS).
Paċi u sigurtà
Ir-rwol tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni tal-UE hu li tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali; li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni internazzjonali; li tiżviluppa u tikkonsolida d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali.

Sorveljanti tal-elezzjonijiet tal-UE fis-Sierra Leone, 2012. L-UE tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha.
Diplomazija u sħubija
L-UE hi protagonista ewlenija fil-kwistjonijiet internazzjonali – mit-tisħin globali sal-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Il-politika barranija u ta' sigurtà komuni tal-UE hi bbażata fuq id-diplomazija – appoġġata fejn meħtieġ mill-kummerċ, l-għajnuna u s-sigurtà u d-difiża – biex tinstab soluzzjoni għall-konflitti u jintlaħaq ftehim internazzjonali. L-Unjoni hi l-akbar donatur tal-Għajnuna għall-Iżvilupp Internazzjonali u dan ipoġġiha f'pożizzjoni unika biex turi li trid tgħin b'kooperazzjoni pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Id-daqs immens tal-Unjoni Ewropea b'27 pajjiż – f’termini ekonomiċi, kummerċjali u finanzjarji – iwassal biex hi tkun forza ewlenija fid-dinja. Hi l-akbar kummerċjant dinji, bit-tieni munita tad-dinja, l-ewro. L-UE għandha rwol importanti fil-kwistjonijiet globali – u l-importanza tagħha qed tikber peress li l-pajjiżi tal-UE dejjem qed jieħdu aktar deċiżjonijiet ta' politika barranija flimkien.
L-UE għandha partenarjati mal-atturi ewlenin tad-dinja – inklużi dawk ġodda – ilkoll bl-opinjonijiet u l-interessi tagħhom dwar id-dinja. Tipprova tiżgura li l-partenarjati tagħha jkunu msejsin fuq interessi u benefiċċji reċiproki, fejn iż-żewġ partijiet ikollhom dirittijiet kif ukoll dmirijiet.
L-UE għandha laqgħat għolja b'mod regolari mal-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina. Ir-relazzjonijiet tagħha ma' dawn il-pajjiżi u ma' pajjiżi oħra jidħlu f'ħafna oqsma, inklużi l-edukazzjoni, l-ambjent, is-sgurtà u d-difiża, il-kriminalità u d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem.
L-UE bagħtet missjonijiet għaż-żamma tal-paċi f'għadd ta' postijiet fid-dinja fejn hemm l-inkwiet. F'Awwissu tal-2008, l-UE nnegozjat waqfien mill-ġlied bejn il-Ġeorġja u r-Russja, bagħtet osservaturi tal-UE biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni ((missjoni ta' sorveljanza tal-UE fil-Ġeorġja
) u pprovdiet għajnuna umanitarja lill-persuni spustati minħabba l-ġlied.
L-UE għandha wkoll sehem ewlieni fil-Balkani, fejn qed tiffinanzja proġetti ta' assistenza f'seba' pajjiżi biex tgħinhom jibnu soċjetajiet stabbli. Fil-Kosovo, f'Diċembru 2008 l-UE bagħtet forza ta' 1,900 pulizija u persuni li jaħdmu fil-qasam tal-ġustizja (EULEX Kosovo
) biex jiġu żgurati l-liġijiet u l-ordni.

Uffiċjal mill-missjoni EULEX fil-Kosovo jqassam tagħrif dwar ir-rwol tal-UE fir-rikostruzzjoni tal-Balkani tal-Punent
L-UE ma għandha ebda armata permanenti. Minflok, skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (CSDP), hi tiddependi fuq forzi ad hoc mibgħuta mill-pajjiżi tal-UE li jinkludu:
Dawn il-missjonijiet kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, xi drabi billi jiġu appoġġati pajjiżi mhux tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu f'pajjiżhom stess.

Fl-Afganistan, l-UE tappoġġja t-taħriġ għall-ġudikatura u l-uffiċjali tal-pulizija
Matul l-aħħar għaxar snin, l-UE nediet 23 missjoni ċivili u operazzjonijiet militari fi 3 kontinenti. Dawn kienu b’reazzjoni għall-kriżijiet – wara t-tsunami għal ħolqien tal-paċi f’Aceh, il-protezzjoni tar-refuġjati fiċ-Ċad, il-ġlieda kontra l-piraterija lil hinn mis-Somalja u l-Qarn tal-Afrika
. Is-sehem tal-UE fis-sigurtà qed jikber.
Minn Jannar 2007, l-UE kienet kapaċi twettaq operazzjonijiet b'reazzjoni rapida b'żewġ gruppi ta' militari konkorrenti b'1,500 suldat il-wieħed u, jekk meħtieġ, tniedi ż-żewġ operazzjonijiet kważi fl-istess ħin. Deċiżjonijiet ta' skjerament jittieħdu mill-ministri nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE li jiltaqgħu fil-Kunsill tal-UE.
Bħalma qed tagħmel mar-Russja, l-UE qed issaħħaħ ir-rabtiet mal-Ġeorġja, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Moldova, l-Ukraina u l-Belarus. Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ġorġja f'Awwissu 2008, li ntemmet b'waqfien mill-ġlied permezz tal-medjazzjoni tal-UE u bl-iskjerament tal-missjoni ta’ monitoraġġ tal-UE fil-Ġeorġja, qajmet tħassib dwar l-istabbilità tar-reġjun. L-UE toffri finanzjament konsiderevoli għal dawn il-pajjiżi kif ukoll il-prospett ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles jekk huma jwettqu riformi politiċi u ekonomiċi biex tissaħħaħ id-demokrazija.
Fid-dawl ta’ Rebbiegħa Għarbija fl-2011, l-UE nediet mill-ġdid il-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha biex turi solidarjetà ma’ dawk li jixtiequ d-demokrazija. Imfassla biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha fil-Lvant u n-Nofsinhar, il-politika toffri assoċjazzjoni politika, integrazzjoni ekonomika u żieda fil-mobilità. It-tnedija mill-ġdid wiegħdet aktar appoġġ tal-UE lil dawk il-ġirien impenjati fir-riforma politika u ekonomika, u għal aktar interazzjoni man-nies li jgħixu f'dawn il-pajjiżi ġirien.
Task Force bejn l-UE u t-Tuneżija tinsab fil-post biex tikkoordina l-appoġġ Ewropew u internazzjonali maħsub biex jgħin lit-Tuniżija fit-tranżizzjoni lejn id-demokrazija u l-bidu mill-ġdid tal-ekonomija tagħha. Tnediet Task Force simili bejn l-UE u l-Eġittu f’Novembru 2012.
L-UE qed tipprovdi appoġġ ta' tip differenti għal sforzi internazzjonali għall-paċi fil-Lvant Nofsani. Arranġament għall-koeżistenza ta' żewġ stati li permezz tiegħu stat Palestinjan jeżisti maġenb Iżrael hu l-għan tal-UE, u din qed taħdem man-NU, l-Istati Uniti u r-Russja (flimkien jifformaw il-“Kwartett”) biex iż-żewġ naħat jitħeġġu ħalli jilqu ftehim bejniethom.
L-UE għandha bl-istess mod rwol attiv fl-Iran, fejn hi tmexxi negozjati bl-għan li l-pajjiż jitħeġġeġ jillimita l-programm nukleari tiegħu.
L-UE qed tintensifika r-relazzjonijiet mal-gruppi reġjonali b'mod partikulari fl-Asja u l-Amerika Latina. Mal-partners tagħha Asjatiċi li qed jiżviluppaw b'mod rapidu, l-UE ħolqot "partenarjati aktar b'saħħithom" – bi ftehimiet li jsibu bilanċ bejn l-elementi ekonomiċi, politiċi, soċjali u kulturali tar-relazzjonijiet tagħhom.
Il-Kroazja se ssir it-28 membru tal-UE f'Lulju 2013, filwaqt li l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) u s-Serbja ġew uffiċjalment aċċettati bħala kandidati għas-sħubija fl-UE. L-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina u l-Montenegro applikaw.
Il-Kosovo ddikjara lilu nnifsu indipendenti mis-Serbja fl-2008, iżda għad m'hemmx ftehim internazzjonali dwar l-istatus tiegħu. L-UE qed tfittex b'mod attiv soluzzjoni diplomatika billi tmexxi djalogu bejn Pristina u Belgrada, filwaqt li tipprovdi għajnuna prattika.
It-teħid tad-deċiżjonijiet fil-politika barranija tal-UE
L-entità tat-teħid tad-deċiżjonijiet finali fl-Unjoni Ewropea hu l-Kunsill Ewropew li jlaqqa' flimkien il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern minn 27 pajjiż membru. Il-Kunsill jiltaqa' erba' darbiet fis-sena biex jiddefinixxu l-prinċipji u l-linji ta' gwida ġenerali ta’ politika.
Ir-rwol tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton hu li jkun hemm aktar koerenza fil-politika barranija tal-UE. Għaldaqstant, kull xahar hi tmexxi l-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li fiha jiltaqgħu 27 Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-UE. Ir-Rappreżentant Għoli wkoll jattendi l-Kunsill Ewropew u rapporti dwar kwistjonijiet tal-affarijiet barranin.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton tiltaqa' mas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon - appoġġ għall-paċi permezz tal-koperazzjoni multilaterali
Il-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet dwar il-politika barranija u tas-sigurtà jittieħdu b'unanimità – il-pajjiżi kollha tal-UE għandhom jaqblu dwar deċiżjoni.
Ir-rwol tas-servizz għall-Azzjoni Esterna (EEAS) hu li jappoġġja r-rwol tar-Rappreżentant Għoli. Hu jiffunzjona bħala servizz diplomatiku tal-UE, b’netwerk ta’ aktar minn 141 Delegazzjoni u Uffiċċji madwar id-dinja responsabbli għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-interessi tal-Ewropa.