Avviż legali | Cookies | Dwar EUROPA | Fittex | Kuntatt
It-Trattat ta’ Liżbonaqbiż tal-bar għall-għażla tal-lingwa (key għall-iqsar rotta=2)
EUROPA > It-Trattat ta’ Liżbona > Ħarsa lejn it-Trattat > Istituzzjonijiet moderni u effikaċi
Indaħħlu l-Ewropa fis-seklu 21Indaħħlu l-Ewropa fis-seklu 21

Istituzzjonijiet effiċjenti u moderni

It-Trattat ta' Liżbona ma jibdilx b'mod fondamentali t-tifsil istituzzjonali tal-UE, li għadu xorta waħda bbażat fuq it-tliet entitajiet prinċipali tagħha: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, hu jintroduċi għadd ta' elementi ġodda biex dawn l-entitajiet isiru aktar effettivi, konsistenti u trasparenti, sabiex il-pubbliku Ewropew ikun moqdi aħjar.

B'kollox, jeżistu attwalment seba' istituzzjonijiet tal-UE: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Mela x'inbidel bit-trattat?

Parlament Ewropew

Din l-entità tirrappreżenta l-votanti fil-pajjiżi membri tal-UE. It-Trattat saħħaħ il-poteri tiegħu fir-rigward tat-tfassil tal-liġijiet, tal-baġit tal-UE u tal-approvazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali. Inbidlet ukoll il-formazzjoni tal-parlament - l-għadd ta' MEPs hu ta' 751 ( 750 membru u l-president tal-parlament). Is-siġġijiet maqsuma bejn pajjiżi skont "il-proporzjonalità digressiva", jiġifieri l-MEPs minn pajjiżi li għandhom aktar popolazzjoni kull wieħed minnhom jirrappreżenta aktar persuni minn dawk minn pajjiżi żgħar. Ebda pajjiż ma jista' issa jkollu anqas minn 6 jew aktar minn 96 MEPs.

Kunsill Ewropew

Il-Kunsill Ewropew, li r-rwol tiegħu hu li jmexxi t-tifsil tal-politiki tal-UE, issa sar istituzzjoni sħiħa tal-UE. Għalkemm dan ma akkwistax poteri ġodda, hu mmexxi bil-kariga ġdida ta' president. Elett mill-Kunsill Ewropew għal sentejn u nofs, ix-xogħol prinċipali tal-president hu li jipprepara x-xogħol tal-Kunsill, jiżgura l-kontinwità tiegħu u jaħdem biex jiżgura kunsens fost il-pajjiżi membri. Il-president ma jistax iżomm fl-istess waqt kariga parlamentari jew pożizzjoni nazzjonali.

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Il-Kunsill jirrappreżenta l-membri tal-gvernijiet tal-UE. Ir-rwol baqa' prattikament l-istess. Hu jkompli jaqsam il-poter tat-tfassil tal-liġijiet u tal-baġit mal-Parlament Ewropew u jżomm ir-rwol ċentrali tiegħu fil-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (CFSP) u jikkoordina l-politiki ekonomiċi.

Il-bidla prinċipali li saret mit-Trattat ta' Liżbona tikkonċerna l-proċess tat-tfassil tad-deċiżjonijiet. L-ewwel, il-metodu li jintuża fil-Kunsill bħala difolt għall-votazzjoni hu attwalment tal-votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata, ħlief fejn it-trattati jirrikjedu proċedura differenti (pereżempju vot unanimu). Fil-prattika, dan ifisser li l-votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata ġiet estiża għal ħafna oqsma ġodda ta' politika (pereżempju l-immigrazzjoni u l-kultura).

Fl-2014, se jiġi introdott metodu ġdid ta' votazzjoni - votazzjoni b'maġġoranza doppja. Biex jgħaddu mill-Kunsill, liġijiet proposti tal-UE se jkun għalhekk jinħtiġilhom maġġoranza mhux biss tal-pajjiżi membri tal-UE (55%) iżda wkoll tal-popolazzjoni tal-UE (65%). Dan għandu jirrifletti l-leġittimità tal-UE bħala unjoni kemm tal-popli kif ukoll tan-nazzjonijiet. Dan għandu jagħmel it-tfassil tal-liġijiet tal-UE kemm aktar trasparenti kif ukoll aktar effettiv. U għandu jkun akkumpanjat b'mekkaniżmu ġdid (simili għal dak tal-"kompromess ta' Ioannina") li jippermetti għadd żgħir ta' gvernijiet membri (viċin ta' minorità li tista' tibblokka) biex turi l-oppożizzjoni tagħha għad-deċiżjoni. Meta jintuża dan il-mekkaniżmu, il-Kunsill se jkun jinħtieġlu li jagħmel użu mis-setgħa tiegħu biex tinsab soluzzjoni ta' sodisfazzjon bejn iż-żewġ naħat, f'perjodu raġonevoli ta' żmien.

Kummissjoni Ewropea

Ix-xogħol ewlieni tagħha hu li tippromwovi l-interess tal-pubbliku Ewropew. It-Trattat joffri l-perspettiva li Kummissarju minn kull Stat Membru jsir Membru tal-Kummissjoni, filwaqt li skont it-Trattati preċedenti dan l-għadd kellu jitnaqqas biex it-total jkun ta' wieħed inqas minn kemm hemm Stati Membri.

F'bidla prinċipali oħra, teżisti rabta diretta bejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej u l-għażla tal-kandidat għall-president tal-Kummissjoni.

Il-president għandu wkoll aktar saħħa, għax hu/hi għandu/ha s-setgħa li j/tneħħi l-Kummissarji.

Rappreżentant għoli tal-UE għall-politika barranija u ta' sigurtà / Viċi president tal-Kummissjoni

Il-ħolqien ta' din il-kariga hi waħda mill-innovazzjonijiet istituzzjonali prinċipali introdotta permezz tat-Trattat ta' Liżbona. Din għandha tiżgura l-konsistenza fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi barranin u mal-entitajiet internazzjonali.

Ir-rappreżentant għoli għandu/ha rwol doppju: j/tirrappreżenta lill-Kunsill fi kwistjonijiet dwar il-politika barranija u ta' sigurtà u hu/hi wkoll il-Kummissarju għar-relazzjonijiet barranin. Hu/hi j/tmexxi l-politika barranija u ta' difiża komuni, hu/hi jmexxi l-laqgħat perjodiċi tal-ministri tal-affarijiet barranin tal-pajjiżi membri (il-"Kunsill tal-Affarijiet Barranin"). U hi/hi jirrappreżentaw il-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE fix-xena internazzjonali, assistiti minn servizz ġdid Ewropew għall-azzjoni barranija, magħmul minn uffiċjali mill-Kunsill, il-Kummissjoni u s-servizzi diplomatiċi nazzjonali.

L-istituzzjonijiet l-oħra

Ebda bidliet sinifikanti ma saru fir-rwol jew poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew jew fil-Qorti tal-Awdituri. Madankollu, it-trattat iwessa' l-ambitu tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, b'mod speċjali fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-qrati fi kwistjonijiet kriminali, u jibdel xi wħud mill-proċeduri tagħha.

Parlamenti nazzjonali

Għalkemm il-parlamenti nazzjonali mhumiex parti mill-istruttura istituzzjonali uffiċjali tal-UE, xorta waħda għandhom rwol importanti ħafna fl-operat tal-UE. It-Trattat jirrikonoxxi u jsaħħaħ is-sehem tal-parlamenti nazzjonali. Pereżempju, jekk għadd kbir biżżejjed ta’ parlamenti nazzjonali jkunu konvinti li jkun aħjar jekk inizjattiva leġiżlattiva tittieħed fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-Kummissjoni jew ikollha tirtiraha jew tagħti ġustifikazzjoni ċara għala ma tħossx li l-inizjattiva tmur kontra l-principju ta' sussidjarjetà.

Avviż legali | Cookies | Dwar EUROPA | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna