Avviż legali | Cookies | Dwar EUROPA | Fittex | Kuntatt
It-Trattat ta’ Liżbonaqbiż tal-bar għall-għażla tal-lingwa (key għall-iqsar rotta=2)
EUROPA > It-Trattat ta’ Liżbona > Ħarsa lejn it-Trattat > Ewropa aktar demokratika u trasparenti
Indaħħlu l-Ewropa fis-seklu 21Indaħħlu l-Ewropa fis-seklu 21

Ewropa iktar trasparenti u demokratika

It-Trattat ta' Liżbona jikkonferma tliet prinċipji demokratiċi li jmexxu l-mod kif taħdem l-Unjoni:

  • Ugwaljanza demokratika: l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jagħtu l-istess attenzjoni liċ-ċittadini kollha
  • Demokrazija rappreżentattiva: rwol akbar għall-Parlament Ewropew u aktar involviment għall-parlamenti nazzjonali
  • Demokrazija parteċipattiva: forom ġodda ta' interattività bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej, bħall-inizjattiva għaċ-ċittadini

It-trattat jiċċara wkoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi membri tagħha.

Aktar setgħat lill-Parlament Ewropew

Il-membri tal-Parlament Ewropew huma eletti permezz ta' suffraġju universali kull ħames snin biex jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-pajjiżi membri. Is-setgħat tal-Parlament żdiedu gradwalment ma’ kull trattat ġdid. It-Trattat ta’ Liżbona mhux eċċezzjoni, jagħtih aktar setgħat f'dak li għandu x'jaqsam tfassil ta' liġi, baġit u ftehim internazzjonali.

Tfassil tal-liġijiet: il-"proċedura ta' ko-deċiżjoni" (imsemmija mill-ġdid "proċedura ordinarja ta' leġiżlazzjoni") ġiet estiża għal diversi oqsma ġodda. Dan ifisser li l-Parlament issa għandu l-istess livell ta' poter fit-tfassil tal-liġijiet bħall-Kunsill f'ċerti oqsma fejn qabel kien ikun biss ikkunsultat jew lanqas biss involut. Dawn l-oqsma jinkludu l-immigrazzjoni legali, il-kooperazzjonni penali leġali (Eurojust, il-prevenzjoni ta' reati kriminali, allinjament tal-istandards fil-ħabsijiet, offiżi u penali), il-kooperazzjoni tal-pulizija (Europol) u ċerti aspetti dwar il-politika dwar il-kummerċ u l-agrikultura. B'hekk il-Parlament għandu issa rwol kważi fit-tfassil kollu tal-liġijiet.

Baġit: it-trattat il-ġdid jikkonferma l-prattika stabbilita ta' ħidma f'qafas finanzjarju multiannwali, li l-Parlament irid japprova. Jabbolixxi wkoll id-distinzjoni li kienet issir qabel bejn nefqa "obbligatorja" (appoġġ dirett ta' ħlas lill-bdiewa) u n-nefqa "mhux obbligatorja", bir-riżultat li l-Parlament u l-Kunsill jiddeterminaw l-infiq kollu flimkien. Din l-innovazzjoni toħloq bilanċ ġdid bejn iż-żewġ istituzzjonijiet meta japprovaw il-baġit tal-UE.

Ftehimiet internazzjonali: skond it-Trattat ta' Liżbona, il-kunsens tal-Parlament Ewropew hu meħtieġ għall-ftehimiet kollha fil-oqsma mmexxija mill-proċedura ordinarja leġiżlattiva.

Rwol akbar tal-parlamenti nazzjonali

It-trattat jagħti lill-parlamenti nazzjonali aktar skop biex jipparteċipaw spalla ma' spalla mal-istituzzjonijiet Ewropej fix-xogħol tal-Unjoni. Klawżola ġdida tistabbilixxi d-drittijiet u d-doveri tal-parlamenti nazzjonali fl-UE. Din tittratta d-dritt tagħhom għall-informazzjoni, il-mod li bih huma jimmonitorjaw is-sussidjarjetà, mekkaniżmi biex jivvalutaw il-politika fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, il-proċeduri għar-riforma tat-trattati, u l-bqija.

L-aktar ħaġa ġdida tinsab fil-poter il-ġdid għall-inforzar tas-sussidjarjetà. Is-sussidjarjetà tfisser li - ħlief fl-oqsma fejn għandha poteri esklussivi - l-UE taġixxi biss fejn l-azzjoni se tkun aktar effettiva fil-livell tal-UE milli fil-livell nazzjonali. Kull parlament nazzjonali jista' jimmarka proposta biex tittieħed azzjoni mill-UE li hu jemmen li ma tkunx qed tosserva dan il-prinċipju. Dan jwassal għal proċedura b'żewġ fażijiet:

  • jekk terz tal-parlamenti nazzjonali jikkunsidraw li l-proposta mhix skont is-sussidjarjetà, il-Kummissjoni jkollha teżaminaha mill-ġdid u tiddeċiedi jekk għandhiex iżzommha, taġġustaha jew tirtiraha
  • jekk maġġoranza tal-parlamenti nazzjonali taqbel mal-oġġezzjoni iżda l-Kummissjoni tiddeċiedi li xorta waħda żżomm il-proposta tagħha, il-Kummissjoni jkollha tispjega r-raġunijiet tagħha, u jkun f'idejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jiddeċiedu jekk għandhiex titkompla jew le l-proċedura leġiżlattiva.

Trasparenza fil-Kunsill tal-Ministri

Il-Parlamenti nazzjonali u ċ-ċittadini issa jistgħu jaraw liema deċiżjonijiet ittieħdu mill-ministri nazzjonali fil-Kunsill, billi d-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet leġiżlattivi huma disponibbli għall-pubbliku.

Aktar demokrazija parteċipattiva

Jeżistu diġà bosta modi li bihom iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jinformaw lillhom infushom u jipparteċipaw fil-proċess politiku tal-UE. L-aktar wieħed innovativ minnhom hu l-inizjattiva għaċ-ċittadini, li biha miljun ċittadin, minn kull pajjiż membru, se jkun jista' jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta fl-oqsma kollha ta' responsabbiltà tal-UE. Id-dettalji prattiċi ta' din l-inizjattiva għandhom jinħaddmu hekk kif it-Trattat ta' Liżbon jidħol fis-seħħ.

It-trattat jirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-konsultazzjoni u d-djalogu mal-assoċjazzjonijiet, is-soċjetà ċivili, il-ħaddiema u s-sidien, il-knejjes u organizzazzjonijiet mhux denominazzjonali oħra.

Relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi membri tagħha

Bi tweġiba għal mistoqsija li ta' spiss issir miċ-ċittadini: "Min jagħmel xiex fl-UE?" it-trattat jistipula mingħandu jaġixxi f'liema qasam - l-Unjoni jew l-istati membri. B'hekk il-kategoriji tas-setgħat huma identifikati:

  • Setgħat esklussivi: fl-oqsma bħall-unjoni doganali, il-politika komuni dwar il-kummerċ u l-kompetizzjoni, l-Unjoni biss tista' tilleġiżla.
  • Appoġġ, koordinazzjoni jew azzjoni komplementari: fl-oqsma bħal kultura, l-edukazzjoni u l-industrija, l-Unjoni tista' biss tappoġġa l-azzjoni mill-istati membri (billi tipprovdilhom finanzjament, pereżempju)
  • segħat li jaqsmu flimkien: f'oqsma oħra, bħall-ambjent, it-trasport u l-protezzjoni tal-konsumaturi, l-Unjoni u l-istati membri jaqsmu flimkien is-setgħa tat-tfassil tal-liġijiet, mingħar ma tintesa s-sussidjarjetà.

Wara li jissieħbu mal-Unjoni Ewropea, il-pajjjiżi jibqgħu membri fuq l-għażla tagħhom. It-Trattat ta' Liżbona jinkludi klawżola ta' ħruġ voluntarju, billi jirrikonoxxi li l-istati membri jistgħu dejjem joħorġu mill-Unjoni jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

Avviż legali | Cookies | Dwar EUROPA | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna