Avviż legali | Cookies | Dwar EUROPA | Fittex | Kuntatt
It-Trattat ta’ Liżbonaqbiż tal-bar għall-għażla tal-lingwa (key għall-iqsar rotta=2)
EUROPA > It-Trattat ta’ Liżbona > Ħarsa lejn it-Trattat > Politiki għal ħajja aħjar
Paġna ta’ merħbaPaġna ta’ merħba

Politiki għal ħajja aħjar

Quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil klimatiku, nibnu politika spazjali ambizzjuża, nassiguraw sigurtà tal-provvista tal-enerġija: dawn huma ftit eżempji minn dak li qed jirnexxilha tagħmel issa l-UE permezz tat-Trattat ta' Liżbona.

L-attivitajiet b'firxa wiesgħa tal-Unjoni Ewropea jaffettwawlna ħajjitna kuljum, iżda l-isfidi li għandha l-Ewropa llum huma kumplessi u diversi. It-trattat se jgħin lill-Ewropa tkompli timxi 'l quddiem f'din id-dinja ta' kompetizzjoni ħarxa u tibdil fid-demografija. Se jagħti l-frott, mhux biss fil-qasam tat-tkabbir u l-kompetizzjoni, iżda wkoll fl-aspetti tal-kura soċjali tagħna. Issa l-politiki kollha tal-UE se jkollhom l-għan li jiġġeneraw l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali xierqa u jissieltu kontra l-esklużjoni soċjali.

Tibdil fil-Klima u l-Ambjent

It-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-akbar tehdid li qed niffaċċjaw bħalissa: jaffettwa l-ħajja soċjali u ekonomika kif ukoll l-ambjent tagħna. Apparti l-iżvilupp sostenibbli, hu għan ukoll tal-politika ambjentali tal-UE li tingħaqad f’kooperazzjoni internazzjonali. Għalkemm fil-passat l-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent kienu inklużi fi Trattati oħra, it-Trattat ta' Liżbona jistipula tifsiriet ċari, billi jsaħħaħ l-azzjoni tal-UE f'dawn l-oqsma.

Enerġija

Il-ħażna tal-enerġija hi kruċjali għalina lkoll: żieda fil-kontijiet affettwaw lil bosta Ewropej f'dawn l-aħħar snin. It-Trattat ta' Liżbona jgħin lill-Ewropa tiżgura l-provvista tagħha u se jippromwovi l-użu ta' riżorsi sostenibbli u kompetittivi.

It-Trattat jinkludi kapitolu speċifiku dwar l-enerġija li jfisser il-kompetenzi ewlenin u l-għanijiet ġenerali tal-politika tal-enerġija: il-ħidma tas-swieq tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, l-iżvilupp ta' forom ġodda u rinnovabbli ta' enerġija u l-interkonnettività tan-netwerks tal-enerġija. Għall-ewwel darba qed jiġi inkluż l-prinċipju ta' solidarjetà, li jassigura li f'każ li pajjiż ikun għaddej minn diffikultajiet serji fil-provvista tal-enerġija, Stati Membri oħra se jgħinuh iżomm il-pajjiż għaddej.

Protezzjoni ċivili

It-Trattat ta' Liżbona jimmira biex jiffaċilita l-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra diżastri naturali u dawk magħmula mill-bnedmin fi ħdan l-UE. Bażi legali ġdida tippermetti li l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE f'dan il-qasam jkunu appoġġati u tiġi promossa l-kooperazzjoni operazzjonali. Hekk kif l-ewwel sinjali tat-tibdil klimatiku jibdew jidhru fl-Ewropa: għargħar u nirien, huwa ċar li issa aktar minn qatt qabel il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri hi neċessarja.

Saħħa pubblika

Il-ġid taċ-ċittadini Ewropej mogħti importanza fit-Trattat ta' Liżbona għalhekk se jsiru żviluppi ulterjuri fil-politiki tas-saħħa. It-Trattat jipprovdi miżuri li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jħarsu s-saħħa pubblika. Dawn jinkludu l-ġlieda kontra t-tabakk u l-abbuż tal-alkoħol. Sabiex insaħħu l-protezzjoni tal-pazjent, l-UE tista tistabbilixxi standards għal prodotti u apparat mediku. Fl-aħħar nett it-Trattat jgħin lill-Istati Membri biex jissorveljaw l-avviżi bikrija ta' tehdid serju bejn il-fruntieri, bħal pereżempju l-influwenza tat-tjur. Jekk dan it-tehdid isir realtà, it-Trattat jippermetti lill-pajjiżi tal-UE biex jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha tagħhom b'mod koerenti u effiċjenti.

Servizzi pubbliċi

It-Trattat ta' Liżbona jirrikonoxxi r-rwol li s-servizzi pubbliċi għandhom fil-ħidma lejn il-koeżjoni soċjali u reġjonali – it-trasport, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa kollha jżommuna għaddejjin. Protokoll speċjali huwa mehmuż mat-Trattat. Dan jistipula l-modi prinċipali biex is-servizzi ta' interess ġenerali jkunu effettivi u rilevanti.

Politika reġjonali

It-Trattat jikkonsolida wkoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni; għall-ewwel darba, il-prinċipju ta' koeżjoni territorjali jissemma fl-għanijiet tal-UE. It-Trattat ta' Liżbona jsaħħaħ ir-rwol tar-reġjuni u t-tifsira l-ġdida tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. F'dan il-prinċipju l-UE taġixxi biss fejn ir-riżultati jistgħu jinkisbu aħjar fuq livell tal-UE minflok dak nazzjonali. Issa dan il-prinċipju jirreferi kemm għal-livelli lokali kif ukoll reġjonali.

Riċerka

It-Trattat ta' Liżbona jagħti importanza lill-politika dwar ir-riċerka, tant li jistabbilixxi Żona Ewropea għar-Riċerka fejn ir-riċerkaturi, l-għerf xjentifiku u t-teknoloġija jiċċirkolaw b'mod ħieles. Fi żmien fejn persuni qed juru interess kbir biex jistabbilixxu proġetti spazjali, it-Trattat qed joħloq ukoll bażi legali ġdida għal politika spazjali koerenti: rikonoxximent ċar li l-Ewropa ma tistax tippermetti lilha nnifisa tinjora l-benefiċċji ekonomiċi u stateġiċi ta' politika spazjali.

Politika kummerċjali

Il-kummerċ jeħtieġ li jkun ġust u ħieles sabiex kulħadd jiġbor il-frott tiegħu. It-Trattat ta' Liżbona jġedded l-għan lejn politika kummerċjali tal-Ewropa sabiex tinkludi investiment barrani dirett. L-għodda ta' proprjetà kummerċjali: it-trejdmarks, id-disinji, il-brevetti, id-drittijiet tal-awtur, huma xprun għall-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-kompettività. It-Trattat ta' Liżbona jiffaċilita l-għoti ta' protezzjoni uniformi madwar l-Unjoni

Sport

It-Trattat ta' Liżbona jwitti t-triq għal dimensjoni Ewropea realistika fl-isport. Dispożizzjonijiet ġodda jippermettu lill-UE tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri, tippromwovi n-newtralità u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u kooperazzjoni bejn l-entitajiet sportivi. Jipproteġi wkoll l-integrità fiżika u morali tal-isportivi, b'enfasi partikolari fuq iż-żagħżagħ.

Ekonomija

Iż-żona ewro, li tinkludi l-pajjiżi li adottaw il-munita unika, se titmexxa aktar faċilment taħt it-Trattat ta' Liżbona. Il-Kummissjoni tista' tagħti avviż "dirett" lill-Istati Membri li mhumiex konformi mar-regoli baġitarji. Dawn jirriskjaw il-funzjonament adegwat taż-żona ewro.

Protezzjoni ta’ dejta

It-Trattat ta' Liżbona jistabbilixxi b'mod ċar li kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu. Dan id-dritt huwa stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Turiżmu

It-Trattat ta' Liżbona joħloq bażi legali ġdida li hija kompletament iddedikata għat-turiżmu, li għandha tpoġġi lill-UE fil-quċċata tad-destinazzjonijiet turitiċi fid-dinja.

Avviż legali | Cookies | Dwar EUROPA | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna