EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2009/42/KE — il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri li jidħlu fil-portijiet tal-UE

X’INU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi kif il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom jikkompilaw l-istatistika dwar it-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar li jidħlu f’portijiet tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Id-data

  • Din id-data statistika hija relatata ma’ informazzjoni dwar il-merkanzija u l-passiġġieri, kif ukoll ma’ informazzjoni dwar il-bastiment innifsu. L-annessi għal din id-direttiva jispeċifikaw il-karatteristiċi tal-ġbir tad-data, inklużi:
    • il-piż gross u deskrizzjoni tal-merkanzija;
    • il-port ta’ rappurtaġġ;
    • it-tip ta’ klassifikazzjoni tal-merkanzija;
    • l-għadd ta’ passiġġieri;
    • it-tip u d-daqs tal-bastimenti.
  • Il-bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ inqas minn 100 tunnellata jistgħu jiġu esklużi mill-ġbir tad-data.

Il-ġbir

  • Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għat-tfassil ta’ lista tal-portijiet kollha tal-UE li għalihom għandha tiġi pprovduta data sommarja. Barra minn hekk, kull pajjiż tal-UE għandu jagħżel minn din il-lista kwalunkwe port li:
    • ġo fih jgħaddu iżjed minn miljun tunnellata merkanzija, jew
    • li jirreġistra aktar minn 200 000 moviment ta’ passiġġieri kull sena.
  • Dawn il-portijiet magħżula mbagħad ikunu soġġetti għall-ġbir ta’ data aktar dettaljata.

It-trażmissjoni tad-data

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jibagħtu r-riżultati tal-ġbir lill-Kummissjoni (Eurostat):
    • fi żmien ħames xhur mit-tmiem tal-perjodu ta’ osservazzjoni għad-data miġbura kull tliet xhur, u
    • fi żmien tmien xhur għad-data miġbura kull sena.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jgħarrfu lill-Eurostat dwar il-metodi użati għall-kompilazzjoni tad-data, kif ukoll bid-dettalji ta’ kwalunkwe bidla sostanzjali fil-metodi użati. Imbagħad, l-Eurostat għandu jippubblika l-istatistika xierqa miġbura.
  • Id-direttiva ġiet emendata mir-Regolament (UE) Nru 1090/2010 sabiex il-ġbir tad-data dwar il-merkanzija ttrasportata bil-bastimenti tal-baħar jinġieb f’konformità ma’ modi oħrajn ta’ trasport.
  • Id-Deċiżjoni 2010/216/UE emendat xi karatteristiċi tekniċi fir-rigward tal-ġbir tad-data, inklużi l-kodiċijiet li jridu jintużaw għan-nazzjonalità tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti u l-istruttura għas-settijiet ta’ data.
  • Id-Deċiżjoni 2012/186/UE emendat uħud mill-varjabbli statistiċi użati fil-ġbir tad-data u kkjarifikat xi definizzjonijiet u tipi ta’ klassifikazzjoni tal-merkanzija.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2009/42/KE ilha tapplika mis-26 ta' Ġunju 2009. Hija verżjoni mfassla mill-ġdida tad-Direttiva 95/64/KE — u l-emendi sussegwenti tagħha — li kellhom jiġu inkorporati fil-liġi nazzjonali sal-31 ta' Diċebru 1996.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva 2009/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 141, 6.6.2009, p. 29–47)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2009/42/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija għal referenza biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1090/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 2009/42/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar (COM(2015)362 final tat-28.7.2015)

l-aħħar aġġornament 01.03.2017

Top