EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sikurezza marittima: kontroll mill-Istat tal-port

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tnaqqas it-tbaħħir substandard fl-ilmijiet tal-UE billi:
    • tiżgura li l-bastimenti jirrispettaw ir-regoli tal-UE u internazzjonali dwar is-sikurezza marittima u tal-ambjent;
    • tistabbilixxi kriterji komuni għall-ispezzjonijiet tal-bastimenti.
  • Hija tfassal mill-ġdid id-Direttiva 95/21/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port tat-tbaħħir li kienet ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali.

PUNTI EWLENIN

  • Il-leġiżlazzjoni tapplika għal kwalunkwe bastiment eliġibbli u l-ekwipaġġ tiegħu li jidħlu fi, jew ankraw, f’port tal-UE.
  • Il-gvernijiet tal-UE għandhom jiżguraw li jkollhom numru biżżejjed ta’ spetturi kwalifikati bir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-ispezzjonijiet.
  • Il-bastimenti kollha eliġibbli li jużaw port tal-UE jingħataw profil tar-riskju fil-bażi tad-data tal-ispezzjonijiet THETIS. Dan huwa bbażat fuq kriterji bħat-tip u kemm għandu żmien il-bastiment, u jiddetermina l-eżattezza u l-frekwenza tal-ispezzjonijiet.
  • Biex l-ippjanar tal-ispezzjonijiet ikun aktar faċli, THETIS huwa marbut mas-sistema SafeSeaNet li tipprovdi informazzjoni dwar bastimenti fil-portijiet kollha tal-UE, jew li huma mistennija jidħlu.
  • L-ispezzjonijiet annwali huma obbligatorji għall-bastimenti bi profil ta’ riskju għoli u mhumiex obbligatorji għal oħrajn.
  • Tingħata prijorità lill-ispezzjoni tal-bastimenti li jittrakkaw b’mod mhux frekwenti f’portijiet tal-UE.
  • L-ispezzjonijiet inizjali jivverifikaw li ċ-ċertifikati u d-dokumenti huma kif suppost u jivvalutaw il-kundizzjoni ġenerali tal-bastiment.
  • Jekk jiġu identifikati xi nuqqasijiet, il-bastiment ikun soġġett għal spezzjoni aktar dettaljata.
  • Spezzjonijiet aktar dettaljati huma riżervati għal bastimenti bi profil ta’ riskju għoli, bastimenti tal-passiġġieri, u trasportaturi taż-żejt, tal-gass, tal-kimika u tal-massa ta’ aktar minn 12-il sena.
  • Kwalunkwe nuqqas identifikat għandu jitranġa. Jekk dawn evidentement ikunu riskju għas-sikurezza, għas-saħħa jew għall-ambjent, bastiment jinżamm sakemm jitranġaw.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jirrifjutaw li jagħtu aċċess għall-port lil bastimenti li jkunu nżammu aktar minn darbtejn matul il-perjodu ta’ sentejn sa 3 snin ta’ qabel.
  • Is-sidien tal-bastimenti jew l-operaturi jistgħu jappellaw kontra kwalunkwe detenzjoni jew ċaħda ta’ aċċess.
  • Il-Kummissjoni Ewropea żżomm u taġġorna l-bażi tad-data tal-ispezzjonijiet. Hija tippubblika regolarment dettalji ta’ kumpaniji b’rati ta’ konformità baxxi jew baxxi ħafna fuq is-sit web ta’ THETIS.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tkoprix:
    • bastimenti tas-sajd jew ta’ appoġġ navali;
    • bastimenti tal-gwerra;
    • ċerti tipi ta’ bastimenti tal-injam; jew
    • jottijiet privati.
  • Id-direttiva ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2017/2110 li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE biex jinkludi spezzjonijiet ta’ bastimenti tal-passiġġieri ro-ro (roll-on/roll-off) u bastimenti tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja f’servizz regolari. Qabel ma dawn il-bastimenti jibdew joperaw fuq servizz regolari, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jispezzjonawhom biex jiżguraw li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-operat sigur ta’ servizz regolari. Jekk bastiment ġie spezzjonat minn pajjiż ieħor tal-UE fit-8 xhur ta’ qabel u tqies bħala sodisfaċenti biex jopera servizz regolari b’mod sigur, il-bastiment m’għandux għalfejn isirlu spezzjoni oħra.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mis-17 ta’ Ġunju 2009. Id-Direttiva 2009/16/KE rrevediet u ssostitwiet id-Direttiva 95/21/KE (u l-emendi sussegwenti tagħha). Ir-regoli l-ġodda inklużi fid-Direttiva 2009/16/KE kellhom isiru liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 131, 28.5.2009, pp. 57-100)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/16/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENT RELATAT

Id-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE (ĠU L 315, 30.11.2017, pp. 61-77)

l-aħħar aġġornament 16.01.2019

Top