EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tal-baħar u tal-katina alimentari mill-effetti tal-komposti tal-organotin

Projbizzjoni fuq l-użu ta’ ċerti komposti kimiċi fuq il-bastimenti u x-xbieki tista’ tgħin sabiex jiġu mħarsa l-ambjent marittimu u s-saħħa tal-bniedem.

ATT

Regolament (KE) Nru 782/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2003 dwar il-projbizzjoni tal-komposti ta’ l-organotin fuq il-bastimenti

SOMMARJU

Projbizzjoni fuq l-użu ta’ ċerti komposti kimiċi fuq il-bastimenti u x-xbieki tista’ tgħin sabiex jiġu mħarsa l-ambjent marittimu u s-saħħa tal-bniedem.

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan ir-regolament jinkorpora r-regoli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) (Konvenzjoni dwar is-Sistemi tal-Antifouling (AFS))* fil-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE). Dan għandu l-għan li jipprojbixxi l-komposti tal-organotin fuq il-bastimenti kollha li jidħlu fil-portijiet tal-UE sabiex inaqqas jew jelimina l-effetti ħżiena ta’ dawn il-prodotti.

PUNTI EWLENIN

X’inhuma l-komposti tal-organotin?

Il-komposti tal-organotin huma sustanzi kimiċi minn żebgħa tal-antifouling li tintuża fuq il-buqijiet u x-xbieki tad-dgħajjes. Dawn il-kisjiet tal-wiċċ jaġixxu bħala bijoċidi, li huma maħsuba sabiex jevitaw l-algi, il-molluski u organiżmi oħra li jnaqqsu l-veloċitajiet tal-bastiment milli jeħlu.

X’inhuma l-effetti tagħhom?

Dawn huma tossiċi ħafna għall-ħajja fil-baħar (larvi, molluski, gajdri u ħut) u, għal din ir-raġuni, ġew ipprojbiti f’ħafna pajjiżi tal-UE.

Dan ir-regolament japplika għal:

  • bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż tal-UE;
  • bastimenti li ma jtajrux il-bandiera ta’ pajjiż tal-UE iżda li joperaw taħt l-awtorità ta’ pajjiż tal-UE;
  • u bastimenti li jidħlu f’port ta’ pajjiż tal-UE iżda li mhumiex koperti miż-żewġ punti preċedenti.

Ma japplika għall-ebda bastiment tal-gwerra, awżiljarju navali jew kull bastiment ieħor ippossjedut minn Stat, kemm jekk ikun parti mill-UE u kemm jekk le, u li jintuża għal servizz governattiv.

Dan jimponi r-restrizzjonijiet li ġejjin:

  • mill-1 ta’ Lulju 2003, komposti tal-organotin li jaġixxu bħala bijoċidi f’sistemi tal-antifouling ma jistgħux jibqgħu jiġu applikati fuq bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż tal-UE;
  • mill-1 ta’ Jannar 2008, il-bastimenti li jidħlu f’port f’pajjiż tal-UE jew ma jrid ikollhom l-ebda kisja ta’ komposti tal-organotin li jaġixxu bħala bijoċidi jew irid ikollhom it-tieni saff sabiex il-komposti tal-organotin ma jkunux jistgħu jaħarbu mis-saff ta’ taħt miksi bl-antifouling li ma huwiex konformi.

Perizja u ċertifikazzjoni

Ir-regolament jintroduċi sistema ta’ perizja u ċertifikazzjoni għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż tal-UE. Dan jeħtieġ li:

  • bastimenti ta’ 400 tunnellaġġ gross u iktar għandu jkollhom perizja u jiġu ċċertifikati, irrispettivament mill-vjaġġ;
  • bastimenti ta’ 24 metru jew iktar fit-tul, iżda ta’ inqas minn 400 tunnellaġġ gross għandhom sempliċiment iġorru dikjarazzjoni tal-konformità mar-regolament jew mal-Konvenzjoni AFS.
  • l-ebda perizja jew ċertifikazzjoni ma huma maħsuba għal bastimenti ta’ inqas minn 24 metru fit-tul, jiġifieri prinċipalment dgħajjes rikreattivi u tas-sajd.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 536/2008, li jemenda r-regolament oriġinali, jistabbilixxi kif il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż mhux tal-UE jridu jikkonformaw mar-restrizzjonijiet. Dan jeħtieġ li:

  • bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat li huwa parti għall-Konvenzjoni AFS juru l-konformità tagħhom permezz ta’ Ċertifikat Internazzjonali tas-Sistema tal-Antifouling;
  • bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat li mhuwiex parti għall-Konvenzjoni AFS ikollhom dikjarazzjoni ta’ konformità maħruġa mill-Istat tal-bandiera b’konformità mal-Konvenzjoni AFS u l-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin (MEPC) tal-IMO.

KLIEM EWLIENI

* Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll tas-Sistemi tal-Antifouling : ftehim li jipprojbixxi l-użu ta’ organotins ta’ ħsara f’żebgħa tal-antifouling li tintuża fuq bastimenti u li joħloq mekkaniżmu sabiex jiġi evitat l-użu potenzjali fil-futur ta’ sustanzi oħra ta’ ħsara f’sistemi tal-anitfouling.

Għal aktar informazzjoni, ara Is-Sistemi tal-Antifouling fuq il-websajt tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.

REFERENZI

Att

Data tad-dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 782/2003

10.5.2003

-

ĠU L 115, 9.5.2003, p. 1-11.

Att(i) li jemenda(w)

Data tad-dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 536/2008

4.7.2008

-

ĠU L 156, 14.6.2008, p. 10-11.

Regolament (KE) Nru 219/2009

20.4.2009

-

ĠU L 87, 31.3.2009, p. 109-154.

l-aħħar aġġornament 25.08.2015

Top