EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tniġġis ikkawżat minn vapuri u sanzjonijiet kriminali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

  • Hija toħloq regoli li huma applikabbli madwar l-UE kollha dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ rimi ta’ żejt jew sustanzi oħrajn li jniġġsu minn bastimenti li jkunu qegħdin ibaħħru fl-ibħra tagħha.

PUNTI EWLENIN

  • Il-leġiżlazzjoni attwali tiddikjara li r-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu mill-vapuri jikkostitwixxi dak li fil-prinċipju jitqies bħala reat kriminali. Skont id-direttiva, dan huwa marbut ma’ rimi ta’ żejt jew ta’ sustanzi oħrajn li jniġġsu mill-bastimenti. Rimi fi kwantitajiet żgħar ma jitqiesx awtomatikament bħala reat, ħlief fejn ir-rimi ripetut iwassal għal deterjorament fil-kwalità tal-ilma.
  • Il-persuni responsabbli għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu jistgħu jkunu soġġetti għal sanzjonijiet kriminali, jekk ikunu aġixxew b’intenzjoni, b’mod imprudenti* jew b’negliġenza serja. L-att li persuna tinċita jew tgħin u tħajjar persuna oħra biex tarmi sustanza li tniġġes jista’ jwassal ukoll għal sanzjonijiet kriminali.
  • Id-direttiva tapplika għat-tipi kollha ta’ bastimenti, irrispettivament mill-bandiera tagħhom.
  • Ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu huwa pprojbit:
    • fl-ibħra interni, inklużi portijiet, ta’ pajjiż tal-UE;
    • fl-ibħra territorjali ta’ pajjiż tal-UE;
    • fl-istretti użati għal navigazzjoni internazzjonali soġġetti għad-dritt ta’ passaġġ bi tranżitu, kif stipulat fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħartal-1982;
    • fiż-żona ekonomika esklussiva (EEZ)* ta’ pajjiż tal-UE;
    • fl-ibħra miftuħa.

Eċċezzjonijiet

  • Din is-sistema ma tapplikax għal rimi minn bastimenti tal-gwerra jew vapuri oħrajn li huma proprjetà ta’ jew operati minn Stat u li jintużaw biss fuq servizz mhux kummerċjali tal-gvern.
  • Jistgħu jiġu applikati eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni fuq ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu meta s-sikurezza tal-bniedem jew dik tal-vapur innifsu tkun fil-periklu.

Persuni ġuridiċi

Id-Direttiva 2009/123/KE emendat id-Direttiva 2005/35/KE sabiex ittejjeb ir-regoli dwar it-tniġġis minn bastimenti u sabiex tiżgura li dawk responsabbli għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu jkunu soġġetti għal sanzjonijiet adegwati. Hija titlob lill-pajjiżi tal-UE sabiex jintroduċu regoli dwar ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi taħt il-liġi privata*, bħal kumpaniji.

  • Il-kumpaniji jistgħu jkunu soġġetti għal sanzjonijiet kriminali jekk individwu f’pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-kumpanija jkun wettaq reat kriminali għall-benefiċċju tagħhom, kemm jekk din il-persuna tkun aġixxiet individwalment jew inkella bħala parti mill-kumpanija.
  • Il-kumpanija hija responsabbli wkoll għal reati li jitwettqu minn individwu permezz ta’ nuqqas mhux intenzjonat, speċifikament minħabba nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll.
  • Ir-responsabbiltà tal-kumpanija ma għandhiex teskludi l-proċedimenti kriminali kontra l-individwi involuti.

L-applikazzjoni tas-sanzjonijiet

Id-Direttiva 2009/123/KE titlob ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE sabiex jiżguraw li jiġu applikati sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluż għal każijiet minuri. Huma għandhom jikkooperaw meta bastiment jinstab ħati ta’ rimi illegali fiż-żona li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom qabel ma l-bastimenti jidħlu fil-port ta’ pajjiż ieħor tal-UE.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija bdiet tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2005. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ April 2007.

SFOND

L-għarqa tal-Prestige f’Novembru 2002 u tal-Erika f’Diċembru 1999 enfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħaħ il-kontroll b’rabta mat-tniġġis minn vapuri. Madankollu, l-inċidenti mhumiex is-sors ewlieni ta’ tniġġis: ħafna minnu huwa r-riżultat ta’ rimi intenzjonat (operazzjonijiet ta’ tindif tat-tankijiet u r-rimi taż-żejt użat).

Dawn ir-regoli huma inkorporati f’partijiet mil-liġi tal-UE tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1973 għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri u l-Protokoll tagħha tal-1978 (magħruf bħala l-Konvenzjoni ta’ Marpol). Dan jagħmilha possibbli li tiġi armonizzata l-applikazzjoni tar-regoli ta’ din il-konvenzjoni.

TERMINI EWLENIN

* Azzjoni imprudenti: azzjoni meħuda bl-għarfien li x’aktarx tirriżulta fi ħsara.

* Żona ekonomika esklussiva (EEZ): din ġeneralment titqies bħala li tinqala’ meta pajjiż jassumi ġurisdizzjoni fuq l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni ta’ riżorsi marini ’il barra mill-kosta tiegħu. Din is-sezzjoni normalment titqies bħala strixxa li testendi 200 mil mill-kosta.

* Persuni ġuridiċi taħt il-liġi privata: l-entitajiet ġuridiċi kollha, bħal kumpaniji, bl-eċċezzjoni ta’ stati, korpi pubbliċi u organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali.

ATTI

Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11–21)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2005/35/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1–9). Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet ta’ l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija – Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81–90). Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 25.04.2016

Top