EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kontrolli fuq it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 95/50/KE — proċeduri uniformi għal kontrolli fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tintroduċi sistema uniformi fl-UE kollha ta’ verifiki każwali ta’ vetturi li jġorru merkanzija perikoluża bit-triq biex jiżguraw livelli għoljin ta’ sigurtà.

PUNTI EWLENIN

  • Id-direttiva tapplika għal verifiki mwettqa minn pajjiżi tal-UE fuq it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq f’vetturi li jivvjaġġaw fit-territorju tagħhom jew li jidħlu minn pajjiż mhux tal-UE. Din ma tapplikax għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi taħt ir-responsabbiltà tal-forzi armati.
  • Dawn il-kontrolli jitwettqu fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE, sakemm ma jitwettqux bħala kontrolli fil-fruntieri interni tal-UE, iżda bħala parti minn kontrolli normali mingħajr diskriminazzjoni.
  • Id-direttiva għandha 3 annessi:
    • Anness I — il-lista ta’ kontroll li teħtieġ titlesta waqt spezzjoni;
    • Anness II — lista u kategorizzazzjoni tal-ksur (pereżempju, Kategorija I tinkludi t-trasport ta’ oġġetti mhux awtorizzati għat-trasport, nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-kunsinnatur dwar il-konformità tal-merkanzija u l-imballaġġ tagħhom ma’ leġiżlazzjoni dwar it-trasport, vettura jew imballaġġ mhux xieraq, eċċ.);
    • Anness III — mudell standard ta’ formola għar-rapport li għandu jintbagħat mill-pajjiż tal-UE lill-Kummissjoni Ewropea dwar ksur u penali rreġistrati nazzjonalment.
  • Il-kontrolli għandhom:
    • ikopru mill-inqas l-oġġetti inklużi fil-lista ta’ kontroll fl-Anness I;
    • jitwettqu f’postijiet differenti, fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata; u
    • ikopru parti estensiva biżżejjed tan-netwerk stradali biex jagħmluha diffiċli li jiġu evitati l-punti ta’ kontroll.
  • L-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE jistgħu jimmobilizzaw kunsinni li ma jikkonformawx. Jistgħu jobbligawhom li jinġiebu f’konformità qabel ma jkomplu l-vjaġġ tagħhom jew jagħmluhom soġġetti għal miżuri xierqa oħra, skont iċ-ċirkostanzi jew ir-rekwiżiti tas-sigurtà. Dan jista’ jinkludi, fejn xieraq, rifjut li vetturi bħal dawn jidħlu fl-UE.
  • Il-kontrolli jistgħu jsiru wkoll f’bini tan-negozju.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jaħdmu flimkien biex jimplimentaw din id-direttiva b’mod effettiv (jirrappurtaw ksur lill-pajjiż li fih it-trasportatur huwa rreġistrat, jaqsmu informazzjoni, eċċ.).
  • Kull pajjiż tal-UE għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapport għal kull sena kalendarja dwar l-applikazzjoni tad-direttiva, inkluż id-dettalji elenkati fid-direttiva, bħal:
    • il-volum stmat ta’ oġġetti perikolużi trasportati bit-triq (f’tunnellati trasportati jew f’tunnellati/kilometri);
    • l-għadd ta’ verifiki mwettqa u l-għadd ta’ vetturi kkontrollati skont il-post ta’ reġistrazzjoni (vetturi rreġistrati nazzjonalment, f’pajjiżi oħra tal-UE, jew f’pajjiżi mhux tal-UE);
    • l-għadd u l-kategoriji ta’ ksur irrappurtati;
    • it-tip u l-għadd ta’ penali imposti.
  • Kull 3 snin, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tad-direttiva mill-pajjiżi tal-UE.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mis-17 ta’ Ottubru 1995 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Jannar 1997.

SFOND

Għal iktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE tas-6 ta’ Ottubru 1995 dwar proċeduri uniformi għal kontrolli fuq it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-trq (ĠU L 249, 17.10.1995, p. 35-40)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 95/50/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal kontrolli fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq (COM(2017) 112 finali, 6.3.2017)

Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13-59)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.12.2018

Top