EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Protokoll dwar it-Trasport tal-Konvenzjoni Alpina

 

SOMMARJU TA’:

Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina tal-1991 fil-qasam tat-trasport — Protokoll dwar it-trasport

Deċiżjoni 2007/799/KE dwar l-iffirmar, tal-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina fil-qasam tat-trasport

Deċiżjoni 2013/332/UE dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina fil-qasam tat-trasport

X’INHU L-GĦAN TAL-PROTOKOLL U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Alpi (ara s-sommarju) hija ftehim qafas għall-ħarsien u l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun tal-Alpi mfassal biex jippreserva u jipproteġi l-Alpi (minn perspettiva ambjentali, ekonomika u soċjali) billi japplika l-prinċipji ta’ prevenzjoni, “min iniġġes iħallas” u l-kooperazzjoni bejn il-membri tiegħu.

Wieħed mill-protokolli differenti huwa l-Protokoll dwar it-trasport li qed jiġi mqassar hawnhekk.

Il-fatt li dan il-protokoll jiġi ffirmat mill-UE jista’ jitqies bħala messaġġ politiku lil dawk kollha kkonċernati, filwaqt li l-partijiet kontraenti jiġu mistiedna jiffirmawh u jirratifikawh.

Bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2007/799/KE u 2013/332/UE, l-Unjoni Ewropea (UE) iffirmat u kkonkludiet il-Protokoll dwar it-trasport.

PUNTI EWLENIN

Objettivi

Il-protokoll għandu l-objettivi li ġejjin:

  • li jnaqqas l-effetti attwali u potenzjali ta’ ħsara tat-trasport intraalpin;
  • li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ħabitats u ż-żoni ekonomiċi permezz ta’ politika armonizzata tat-trasport li tkun kondiviża mill-pajjiżi kkonċernati u tintegra modi differenti ta’ trasport (bit-triq, bil-ferrovija, eċċ.);
  • li tiġi mmitigata t-theddida għall-bijodiversità tar-reġjun tal-Alpi u l-wirt naturali u kulturali tiegħu;
  • li jiġi żgurat permezz ta’ sistemi tat-trasport aktar effiċjenti u sostenibbli li l-moviment tat-traffiku jkun ekonomikament vijabbli.

Il-partijiet kontraenti tal-protokoll għalhekk jimpenjaw ruħhom li jqisu, fil-ġestjoni tagħhom tar-reġjun tal-Alpi, ir-riskji u l-effetti ta’ ħsara assoċjati mat-traffiku, bħat-tniġġis (akustiku jew kimiku), u s-sigurtà tal-persuni u l-proprjetà. B’mod parallel, il-firmatarji għandhom:

  • iżidu l-profittabbiltà tas-settur tat-trasport;
  • jottimizzaw l-użu tal-infrastrutturi eżistenti;
  • iqisu l-kwistjonijiet tat-trasport meta jevalwaw u jimplimentaw politiki oħra;
  • jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Miżuri u strateġiji speċifiċi

Barra minn hekk, il-Protokoll dwar it-trasport jistabbilixxi għadd ta’ miżuri u strateġiji speċifiċi, kollha mfassla biex jippromwovu ġestjoni soda u sikura tat-trasport ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin:

  • il-koordinazzjoni tajba bejn il-modi u l-mezzi differenti tat-trasport;
  • il-promozzjoni tal-intermodalità;
  • it-trasferiment tat-traffiku għal mezzi tat-trasport li jirrispettaw aktar l-ambjent;
  • il-protezzjoni tar-rotot tal-komunikazzjoni minn perikli naturali;
  • il-protezzjoni tal-persuni u l-ambjent;
  • it-tnaqqis gradwali ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi perikolużi u storbju;
  • l-introduzzjoni u l-iżvilupp ta’ trasport pubbliku ambjentali u li jkun faċli biex jintuża;
  • l-użu ta’ studji tal-impatt għall-proġetti ppjanati u konsultazzjoni ta’ dawk affettwati.

Il-protokoll jiddefinixxi wkoll prinċipji speċifiċi għall-modi differenti tat-trasport:

  • it-tisħiħ tat-trasport bil-ferrovija permezz tat-titjib u l-użu aħjar tal-infrastruttura, u l-promozzjoni tal-intermodalità għat-trasport tal-merkanzija;
  • li jittieħed vantaġġ akbar mill-kamp ta’ applikazzjoni għat-trasport bl-ilma u bil-baħar;
  • fir-rigward tat-trasport bit-triq, il-firmatarji għandhom jevitaw li jibnu rotot ġodda ta’ kapaċità kbira. Madankollu, il-proġetti jistgħu jitwettqu jekk l-impatt ambjentali jkun minimizzat;
  • l-effetti ta’ ħsara tat-trasport bl-ajru għandhom jitniżżlu għal minimu. Attivitajiet ta’ divertiment tal-ajru mhux motorizzati għandhom ikunu limitati wkoll.

L-elementi ta’ dan il-protokoll huma kkunsidrati fid-deċiżjonijiet relatati mal-proġetti ta’ infrastruttura fir-reġjun tal-Alpi.

Pereżempju, l-Artikolu 11(1) tal-Protokoll dwar it-Trasport jgħid li “li l-Partijiet Kontraenti għandhom iżommu lura milli jibnu toroq ġodda u ta’ kapaċità għolja għat-trasport transalpin.” — li jgħin jispjega sa ċertu punt għaliex l-UE bħalissa qiegħda prinċipalment tiffinanzja l-mini ferrovjarji fl-Alpi.

Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”

Il-protokoll jinkoraġġixxi wkoll lill-partijiet kontraenti biex japplikaw il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u jistabbilixxu metodu li jipproduċi l-kostijiet ambjentali fil-kalkoli tan-nefqa ġenerali fuq l-infrastruttura.

Il-firmatarji għandhom jirrappurtaw regolarment lill-kumitat permanenti dwar il-miżuri meħuda skont il-protokoll. Il-kumitat iħejji rapport li jiddikjara li l-protokoll ġie rrispettat.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-protokoll daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2013.

SFOND

Fl-14 ta’ Mejju 1991, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tieħu sehem fin-negozjati biex tiġi stabbilita l-Konvenzjoni Alpina u l-protokolli tagħha.

Il-Protokoll dwar it-Trasport infetaħ għall-iffirmar mill-partijiet kontraenti fil-laqgħa ministerjali tal-Konvenzjoni f’Lucerne fit-30 u fil-31 ta’ Ottubru 2000.

Il-Kunsill iffirma l-Protokoll dwar it-Trasport tal-Konvenzjoni Alpina fit-12 ta’ Diċembru 2006. Din id-deċiżjoni kienet akkumpanjata minn dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Protokoll.

Il-partijiet kontraenti l-oħra tal-Konvenzjoni — minbarra l-UE — huma l-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Liechtenstein, Monaco, l-Awstrija, l-Iżvizzera u s-Slovenja.

DOKUMENTI EWLENIN

Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina tal-1991 fil-qasam tat-trasport — Protokoll dwar it-Trasport (ĠU L 323, 8.12.2007, pp. 15-22)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/799/KE tat-12 ta’ Ottubru 2006 dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità, tal-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina fil-qasam tat-Trasport (Protokoll tat-Trasport) (ĠU L 323, 8.12.2007, pp. 13-14)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/332/UE tal-10 ta’ Ġunju 2013 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina tal-1991 fil-qasam tat-trasport (Protokoll dwar it-trasport) (ĠU L 177, 28.6.2013, p. 13)

DOKUMENTI RELATATI

Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina tal-1991 fil-qasam tat-Trasport (Protokoll tat-Trasport) (ĠU L 206, 2.8.2013, p. 1)

l-aħħar aġġornament 15.05.2020

Top