EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Trasport intermodali: trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn il-pajjiżi tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 92/106/KEE – regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn il-pajjiżi tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tippromwovi l-operazzjonijiet tat-trasport intermodali* billi tappoġġja l-operazzjonijiet internazzjonali li jissodisfaw ċerti kriterji (jiġifieri l-hekk imsejjaħ trasport ikkombinat jew CT) billi:
    • li s-CT jiġi ssalvagwardjat minn restrizzjonijiet nazzjonali (skemi ta’ awtorizzazzjoni, tariffi u kwoti);
    • li jiġi ċċarat li r-restrizzjonijiet tal-kabotaġġ* tat-toroq ma japplikawx għall-partijiet tal-vjaġġ tas-CT;
    • li jiġu permessi tagħbijiet akbar u itqal għal vetturi li jintużaw fil-partijiet tal-vjaġġ tas-CT;
    • li jingħata appoġġ finanzjarju permezz ta’ inċentivi fiskali u definizzjoni estiża tat-trasport għan-nom proprju għall-operazzjonijiet tas-CT.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-Direttiva tirreferi għas-CT tal-merkanzija bejn il-pajjiżi tal-UE fejn:

  • il-vettura jew it-trejler jużaw it-triq fil-parti inizjali jew finali tal-vjaġġ; u
  • fil-parti l-oħra, il-ferrovija jew il-passaġġ fuq l-ilma intern jew is-servizzi marittimi fejn din is-sezzjoni taqbeż il-100 km f’linja dritta; u
  • jagħmel il-parti inizjali jew finali tat-trasport bit-triq tal-vjaġġ:
    • bejn il-punt fejn il-merkanzija titgħabba u l-eqreb stazzjon tal-ferrovija xierqa għat-tagħbija għall-parti inizjali tal-vjaġġ u bejn l-eqreb stazzjonijiet tal-ferrovija xierqa għall-ħatt u l-punt fejn il-merkanzija tinħatt għall-aħħar vjaġġ, jew
    • f’raġġ ta’ mhux aktar minn 150 km f’linja dritta mill-port tal-passaġġ fuq l-ilma intern jew port marittimu tat-tagħbija jew tal-ħatt.

Id-dimensjonijiet awtorizzati u l-piżijiet massimi għat-trakkijiet li jagħmlu vjaġġi transfruntiera huma stabbiliti fid-Direttiva 96/53/KE (ara s-sommarju).

Dokument tat-trasport

Id-dokument tat-trasport li għandu jiġi pprovdut fil-każ ta’ CT għandu jispeċifika:

  • l-istazzjonijiet tat-tagħbija u tal-ħatt bil-ferrovija relatati mal-vjaġġ bil-ferrovija; u
  • il-portijiet tat-tagħbija u l-ħatt tal-passaġġi fuq l-ilma interni li għandhom x’jaqsmu mal-parti tal-passaġġ fuq l-ilma intern jew il-portijiet tat-tagħbija u l-ħatt marittimi li għandhom x’jaqsmu mas-sezzjoni marittima tal-vjaġġ.

Trasport transfruntier

  • It-trasportaturi kollha stabbiliti f’pajjiż tal-UE li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-okkupazzjoni u l-aċċess għas-suq għat-trasport tal-merkanzija bejn il-pajjiżi tal-UE jistgħu, fil-kuntest ta’ operazzjoni tas-CT, iwettqu l-partijiet inizjali u/jew finali tal-vjaġġ bi trasport tal-merkanzija bit-triq li jiffurmaw parti integrali mill-operazzjoni u li jistgħu jinkludu jew ma jinkludux il-qsim ta’ fruntiera.
  • Id-Direttiva tistabbilixxi regoli speċifiċi għall-operazzjonijiet tas-CT fejn il-parti li tibgħat/tirċievi twettaq il-parti inizjali/finali tal-vjaġġ bi trasport tal-merkanzija bit-triq għan-nom proprju tagħha. Il-parti li tirċievi/tibgħat tista’ mbagħad twettaq ukoll l-operazzjoni tat-trasport għan-nom proprju tagħha stess b’ċerti kundizzjonijiet.

Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 jistabbilixxi regoli komuni tal-UE għall-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija tal-UE mmirati lejn trasportaturi mhux residenti li jwettqu kabotaġġ tat-toroq (ara s-sommarju).

Obbligi tal-pajjiżi tal-UE

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li t-taxxi fuq il-vetturi bil-mutur applikabbli għall-vetturi tat-triq li jgħaddu fit-trasport ikkombinat jitnaqqsu jew jiġu rimborżati.

Rieżami

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tfassal rapport lill-Kunsill kull sentejn dwar l-iżvilupp tas-CT.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-15 ta’ Diċembru 1992 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ Ġunju 1993.

SFOND

Għal aktar informazzjoni ara:

TERMINI EWLENIN

Intermodali: it-trasport tal-merkanzija bl-użu ta’ servizzi bil-ferrovija, bil-passaġġ fuq l-ilma intern jew bil-baħar flimkien mat-trasport bit-triq.
Kabotaġġ: Meta trasportatur irreġistrat f’pajjiż partikolari tal-UE jwettaq trasport nazzjonali f’pajjiż ieħor tal-UE.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-merkanzija bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.12.1992, pp. 38-42)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 300, 14.11.2009, pp. 72-87)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, pp. 59-75)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 07.07.2020

Top