RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Imposta fuq it-transazzjonijiet finanzjarji

Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, hemm dejjem aktar u aktar qbil komuni dwar il-fatt li s-settur finanzjarju jrid jagħti kontribuzzjoni aktar ekwa, peress li sal-lum dan is-settur huwa sottointaxxat minħabba l-eżenzjoni mill-VAT tal-parti l-kbira tas-servizzi finanzjarji. Għalhekk, dan l-abbozz ta' direttiva għandu l-għan li jimplimenta imposta komuni riżervata għat-transazzjonijiet finanzjarji li l-għanijiet prinċipali tagħhom huma li joħolqu parteċipazzjoni ekwa tal-istabbilimenti finanzjarji għall-ispiża tal-kriżi u li tevita l-frammentazzjoni tas-suq intern tat-transazzjonijiet finanzjarji.

PROPOSTA

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE (COM(2011) 594 finali – Mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi sistema komuni ta’ imposti fuq it-transazzjonijiet finanzjarji * (FTT - Financial Transaction Tax).

Tikkonċerna t-transazzjonijiet finanzjarji kollha, jiġifieri x-xiri u l-bejgħ ta’ strument finanzjarju, bħall-ishma ta’ kumpaniji, l-obbligi, l-istrumenti tas-suq monetarju, l-impriżi ta’ investiment kollettiv, il-prodotti strutturati u derivati u l-konklużjoni jew il-modifika ta’ kuntratti derivati, meta tal-inqas waħda mill-partijiet għat-transazzjoni tkun stabbilita fi Stat Membru (SM) u li istituzzjoni finanzjarja (bħall-impriżi ta’ investiment, is-swieq organizzati, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-impriża tal-assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni, l-impriżi ta’ investiment kollettiv u fondi tal-pensjoni u l-ġesturi tagħhom, ċerti impriżi oħrajn li sehem importanti tal-attività tagħhom tirrappreżenta transazzjonijiet) stabbilita fi Stat Membru tkun parti għal transazzjoni, f’isimha stess jew f’isem parti terza, jew taġixxi f’isem parti għat-tranżazzjoni.

B’mod ġenerali, istituzzjoni finanzjarja titqies stabbilita fl-Istat Membru ta’ awtorizzazzjoni sabiex taġixxi bħala tali, iżda għandu jiġi osservat li f’ċerti kundizzjonijiet, istituzzjoni finanzjarja mhux stabbilita fi Stat Membru, pereżempju jekk tkun parti għal transazzjoni finanzjarja ma’ parti stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru, hija meqjusa stabbilita bl-istess mod fit-territorju ta’ Stat Membru (l-aħħar wieħed imsemmi f’dan il-każ).

L-entitajiet li ġejjin ma jaqgħux taħt l-ambitu ta’ applikazzjoni

  • il-Fondi Ewropej ta' Stabbiltà Finanzjarja;
  • kull istituzzjoni finanzjarja internazzjonali stabbilita minn żewġ Stati Membri jew aktar li l-għan tagħha huwa li timmobilizza fondi u tagħti assistenza finanzjarja favur il-membri tagħha milquta jew mhedda minn problemi gravi ta’ finanzjament;
  • il-kontropartijiet ċentrali, jiġifieri l-entitajiet ġuridiċi li jidħlu bejn il-kontropartijiet għal tranżazzjoni finanzjarja;
  • id-depożitarji ċentrali nazzjonali jew internazzjonali ta’ titoli.

It-transazzjonijiet li ġejjin huma eżenti mill-kamp ta’ applikazzjoni:

  • transazzjonijiet imwettqa fis-suq primarju fil-prinċipju f’dak li jikkonċerna l-ħruġ ta’ ishma ta’ kumpaniji jew obbligi;
  • f’ċerti kundizzjonijiet, it-transazzjonijiet imwettqa mal-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-korpi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea jew mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali oħrajn;
  • transazzjonijiet imwettqa mal-banek ċentrali tal-Istat Membru.

Taxxabilità, ammont impost u rata tal-FTT

L-FTT hija pagabbli mill-mument li fih issir it-transazzjoni. L-annullament jew ir-rettifika ulterjuri ta’ transazzjoni finanzjarja hija mingħajr effett fuq it-taxxabilità, ħlief f’każ ta’ żball.

F’dak li jikkonċerna t-transazzjonijiet li mhumiex dawk li jikkonċernaw kuntratti derivati, fil-prinċipju, l-ammont li jista’ jiġi impost tal-FTT jikkorrispondi għas-sett ta’ elementi li jikkostitwixxu r-rimunerazzjoni mħallsa jew dovuta tal-parti tal-kontraparti jew ta’ parti terza bħala skambju għal trasferiment.

Fir-rigward tat-transazzjonijiet li jikkonċernaw kuntratti derivati, l-ammont li jista’ jiġi impost tal-FTT huwa ekwivalenti għall-ammont nozzjonali (jiġifieri l-ammont nominali jew tal-wiċċ użat għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ħlasijiet marbutin ma’ kuntratt derivat partikolari) ta’ kuntratt derivat fil-mument tat-transazzjoni finanzjarja.

Jekk ikun hemm bżonn, ir-rata tal-kambju applikabbli hija l-aħħar rata tal-bejgħ irreġistrata fil-mument li fih l-FTT issir eliġibbli, fl-aktar suq tal-kambju rappreżentattiv tal-Istat Membru kkonċernat jew rata tal-kambju determinata b’referenza għal dan is-suq.

Ir-rati tal-FTT li l-Istati Membri jridu japplikaw ma jistgħux ikunu inqas minn (rati minimi):

  • 0,1 % għat-transazzjonijiet finanzjarji kollha ħlief dawk li jikkonċernaw kuntratti derivati;
  • 0,01 % għat-transazzjonijiet finanzjarji kollha li jikkonċernaw kuntratti derivati.

Il-ħlas tal-FTT, l-obbligi marbutin u l-prevenzjoni tal-frodi, tal-evażjoni jew ta’ abbużi

L-FTT hija dovuta minn kull istituzzjoni finanzjarja (meqjusa stabbilita fi Stat Membru) li tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • hija parti għat-transazzjoni, kemm jekk taġixxi f’isimha jew f’isem parti terza;
  • taġixxi f’isem parti għat-transazzjoni;
  • it-transazzjoni titwettaq għaliha stess.

Għandu jiġi osservat li konsegwentement, kull istituzzjoni finanzjarja li hija parti minn transazzjoni u li hija implikata fi transazzjoni għandha l-obbligu li tħallas it-taxxa. Għalhekk, transazzjoni finanzjarja waħda biss tista’ tagħti lok għall-ħlas tal-imposta taż-żewġ partijiet ta’ din it-transazzjoni, skont l-imposta applikabbli fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata.

Minkejja dan, meta istituzzjoni finanzjarja taġixxi f’isimha jew f’isem istituzzjoni finanzjarja oħra, din tal-aħħar biss trid tħallas l-FTT.

Barra minn hekk, kull parti għal transazzjoni hija meqjusa unikament responsabbli għall-ħlas tat-taxxa dovuta minn istituzzjoni finanzjarja għal din it-transazzjoni.

L-iskadenzi għall-ħlas tal-FTT lill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri huma dawn li ġejjin:

  • fil-mument li fih it-taxxa ssir pagabbli meta t-transazzjoni ssir b’mezzi elettroniċi;
  • fi żmien tliet ijiem ta’ xogħol wara l-mument li fih it-taxxa ssir applikabbli fil-każijiet kollha l-oħrajn.

L-Istati Membri jridu jistabbilixxu obbligi oħrajn destinati li jiggarantixxu l-ħlas u l-verifika tal-ħlas tal-imposta.

L-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu jew iżommu taxxi oħrajn fuq it-transazzjonijiet finanzjarji ħlief l-FTT jew it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) prevista mid-Direttiva dwar il-VAT.

Kuntest

Fis-7 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea eżaminat l-importanza tal-implimentazzjoni ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (FTT) fil-komunikazzjoni tagħha relatata mal-intaxxar tas-settur finanzjarju. Din il-proposta għal direttiva tikkonkretizza din l-implimentazzjoni u b’hekk tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn sistema eventwali ta’ tassazzjoni aktar dinjija.

Termini ewlenin tal-att
  • Transazzjoni finanzjarja: din għandha x'taqsam ma' waħda mill-operazzjonijiet li ġejjin :
    1. ix-xiri jew il-bejgħ ta’ strument finanzjarju qabel l-ikklerjar u s-saldu, inklużi l-kuntratti ta’ teħid jew ta’ riakkwist, kif ukoll il-kuntratti ta’ teħid u għoti b’self ta’ titoli;
    2. it-trasferiment, bejn entitajiet tal-istess grupp, tad-dritt ta’ użu ta’ strument finanzjarju bħala proprjetarju, jew kwalunkwe operazzjoni ekwivalenti li bħala effett għandha t-trasferiment tar-riskju assoċjat mal-istrument finanzjarju;
    3. il-konklużjoni jew il-modifika tal-kuntratti derivati.

REFERENZA

Proposta Ġurnal Uffiċjali Proċedura

COM(2011) 594

Konsultazzjoni 2011/0261/CNS

L-aħħar aġġornament: 23.11.2011

Ara wkoll

  • Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali – Tassazzjoni tas-settur finanzjarju (DE) (EN) (FR)
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna