EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi proċeduri li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jaħdmu flimkien u jaqsmu informazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u jiġġieldu l-frodi tal-VAT. Għalhekk jiżgura li:

  • il-VAT tiġi evalwata u applikata b’mod korrett;
  • il-frodi tal-VAT hija identifikata u evitata;
  • id-dħul mill-VAT jiġi protett.

PUNTI EWLENIN

Uffiċċju ċentrali ta’ kollegament

Kull pajjiż tal-UE jaħtar uffiċċju ċentrali ta’ kollegament bħala punt ta’ kuntatt għall-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni Ewropea. L-uffiċċju għandu jżomm lista ta’ uffiċjali nominati u dipartimenti ta’ kollegament li jistgħu jaqsmu informazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. Meta uffiċjali jew dipartimenti ta’ kollegament jirċievu talba jew iwieġbu għal talba biex jibagħtu informazzjoni, għandhom jinfurmaw lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tagħhom.

Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni

Il-pajjiżi jistgħu jitolbu informazzjoni minn Stat Membru ieħor permezz ta’ formola standard biex jippermettulhom jevalwaw sew traduzzjoni transfruntiera. L-awtoritajiet rikjesti għandhom iwieġbu lill-awtoritajiet rikjedenti fi żmien 3 xhur minn meta jirċievu talba, jew fi żmien xahar jekk diġà għandhom l-informazzjoni disponibbli.

Ċerta informazzjoni tiġi kondiviża b’mod awtomatiku meta:

  • l-informazzjoni mill-Istat Membru ta’ oriġini hija essenzjali għas-sistema ta’ kontroll ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni tal-UE fejn se ssir it-tassazzjoni;
  • ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li kien hemm, jew se jkun hemm, ksur tal-leġiżlazzjoni tal-VAT fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni;
  • hemm riskju ta’ telf ta’ taxxa fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jaqsmu l-informazzjoni b’mod spontanju u jistgħu jitolbu feedback mill-pajjiżi li magħhom tiġi maqsuma.

L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni meta:

  • talbiet għal informazzjoni f’perjodu speċifiku mill-awtorità rikjedenti jimponu piż sproporzjonat;
  • l-awtorità rikjedenti ma tkunx eżawriet is-sorsi tal-informazzjoni tas-soltu;
  • dan iwassal għall-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew imur kontra l-politika pubblika.

Il-ħażna tal-linformazzjoni

Kull Stat Membru għandu jaħżen l-informazzjoni aġġornata li ġejja għal mill-inqas ħames snin:

  • l-informazzjoni pprovduta f’dawn id-dikjarazzjonijiet rekapitulattivi (listi ta’ nies lil min ipprovdew il-merkanzija) sottomessa minn persuni taxxabbli identifikati għall-finijiet tal-VAT;
  • data dwar persuni li l-iStat Membru ħarġilhom numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT;
  • data dwar in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT li saru invalidi;
  • informazzjoni dwar persuni taxxabbli mhux stabbiliti.

L-informazzjoni mbagħad tinqasam bejn l-Istati Membri kollha permezz ta’ sistema elettronika, is-sistema elettronika ta’ Bdil ta’ informazzjoni tal-VAT (VIES).

Ir-Regolament (UE) 2020/283 jintroduċi emenda li tirrikjedi li l-Kummissjoni tiżviluppa, iżżomm, tospita u tamministra teknikament sistema elettronika ċentrali ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti (CESOP) biex tinvestiga suspetti ta’ frodi tal-VAT jew tidentifika frodi tal-VAT. Is-CESOP se taħżen id-data dwar pagamenti miġbura mill-Istati Membri u taggregaha għal kull benefiċjarju, kif ukoll tivverifikaha mal-informazzjoni l-oħra skambjata taħt ir-Regolament (UE) Nru 904/2010. Id-data fis-CESOP se tkun disponibbli biss għall-esperti kontra l-frodi tal-Istati Membri. Dan se japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Id-Direttiva (UE) 2020/285 tintroduċi regoli simplifikati biex jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità għan-negozji ż-żgħar u biex jinħoloq ambjent tat-taxxa aktar vantaġġuż biex jgħinhom jikbru u jagħmlu kummerċ transfruntier b’mod aktar effiċjenti. In-negozji żgħar se jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal regoli simplifikati tal-konformità mal-VAT fejn il-fatturat annwali tagħhom jibqa’ taħt il-limitu stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, li ma jistax ikun aktar minn EUR 85,000. F’ċerti kundizzjonijiet, in-negozji żgħar minn Stati Membri oħra, li ma jaqbżux dan il-limitu, se jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-iskema simplifikata, jekk il-fatturat annwali totali tagħhom fl-UE kollha ma jkunx aktar minn EUR 100,000. Dawn ir-regoli l-ġodda japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025.

Rifużjonijiet tal-VAT

L-Istati Membri jressqu l-applikazzjonijiet għar-rifużjonijiet tal-VAT li jirċievu minn persuni taxxabbli stabbiliti f’pajjiżi oħra tal-Istati Membri lill-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ rifużjoni kkonċernati. Dan isir b’mod elettroniku fi żmien 15-il jum mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni. L-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ rifużjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra jekk:

  • huma jeħtieġu informazzjoni kkodifikata elettronikament addizzjonali dwar in-natura u s-servizzi tal-applikanti; jew
  • huma jeħtieġu li l-applikanti jipprovdu deskrizzjoni tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom billi jużaw kodiċijiet armonizzati.

Pajjiżi mhux tal-UE

Jekk l-arranġamenti ta’ assistenza mal-pajjiż mhux tal-UE inkwistjoni jippermettuh, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tibgħat l-informazzjoni li tirċievi minn dak il-pajjiż lil kwalunkwe Stat Membru li jitlobha jew lil kwalunkwe Stat Membru li tista’ tkun ta’ interess għalih. L-Istati Membri jistgħu jgħaddu informazzjoni lil pajjiżi mhux tal-UE jekk:

  • il-pajjiż tal-Istat Membru minn fejn toriġina jagħti l-kunsens;
  • il-pajjiż mhux tal-UE inkwistjoni qabel li jikkoopera fil-ġbir ta’ evidenza ta’ tranżazzjonijiet irregolari li jistgħu jiksru l-leġiżlazzjoni tal-VAT.

Il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT

Ir-Regolament jistabbilixxi l-Eurofisc, network ta’ esperti kontra l-frodi, li jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu skambju ta’ twissijiet bikrija fuq negozji ssuspettati li huma involuti fi frodi tal-VAT. Eurofisc tikkoordina wkoll kull azzjoni ta’ segwitu li nbniet mill-awtoritajiet tat-taxxa wara twissija ta’ frodi. Eurofisc tista’ wkoll tikkoopera mal-OLAF u l-Europol meta jkun meħtieġ.

Kummerċ elettroniku

Bħala parti minn pakkett ta’ miżuri biex jimmmodernizza s-sistema tal-VAT tal-UE, u biex tiġi adattata għan-negozju transkonfinali tal-UE u għall-kummerċ elettroniku tal-konsumatur, ir-Regolament (UE) 2017/2454 jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 billi jintroduċi regoli li se jżidu l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Ir-Regolament emendatorju tal-2017 jiżgura li l-provvisti ta’ servizzi u l-bejgħ mill-bogħod tal-merkanzija skont id-Direttiva (UE) 2017/2455 (li temenda d-Direttivi 2006/112/KE – ara s-sommarju u 2009/132/KE – ara s-sommarju) jiġu koperti. Dan japplika minn Jannar 2021.

Fost affarijiet oħra, ir-Regolament jeħtieġ li:

  • in-numru ta’ identifikazzjoni li taħtu titħallas il-VAT jiġi pprovdut minn qabel biex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jivverifikaw il-validità tiegħu meta tiġi importata merkanzija;
  • it-talbiet għal rekords u inkjesti amministrattivi magħmula minn Stati Membri lil persuni taxxabbli se jiġu kkoordinati mill-pajjiż ta’ identifikazzjoni*.

Fil-bidu tal-2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/21, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/194, li jistabbilixxi dettalji dwar il-funzjonament tal-punt uniku ta’ servizz tal-VAT għall-bejgħ ta’ oġġetti online.

Iż-żewġ regolamenti ta’ implimentazzjoni jikkontribwixxu biex jiżguraw li l-VAT titħallas fl-Istat Membru tal-konsumatur finali, li jwassal għal distribuzzjoni aktar ġusta tad-dħul mit-taxxa fost l-Istati Membri.

Minħabba l-kriżi tal-COVID-19, dawn ir-regoli l-ġodda tal-VAT dwar il-kummerċ elettroniku se japplikaw biss mill-1 ta’ Lulju 2021 minflok ma jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021 (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1318). Dan il-ħin addizzjonali se jkun meħtieġ ukoll biex jippermetti lill-Istati Membri kollha jiffinalizzaw is-sistemi tal-IT meħtieġa biex jimplimentaw u japplikaw dawk il-bidliet.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Pajjiż ta’ identifikazzjoni. L-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli hija rreġistrata għall-użu tas-sistema mini one-stop shop.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, pp. 1-18).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/283 tat-18 ta’ Frar 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward ta’ miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT (ĠU L 62, 2.3.2020, pp. 1–6).

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, pp. 13-23).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/194 tat-12 ta’ Frar 2020 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 fir-rigward ta’ skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza oġġetti u ċerti provvisti domestiċi ta’ oġġetti (ĠU L 40, 13.2.2020, pp. 114–124).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/21 tal-14 ta’ Jannar 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 79/2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 11, 15.1.2020, pp. 1–2).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 348, 29.12.2017, pp. 1–6).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, pp. 7–22).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 292, 10.11.2009, pp. 5–30).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, pp. 1–118).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 15.06.2022

Top