Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ("id-Direttiva dwar il-VAT")
Din id-direttiva tikkodifika d-dispożizzjonijiet implimentattivi tas-sistema komuni tal-VAT, li japplikaw għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' oġġetti u servizzi mixtrija u mibjugħin għall-konsum fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). Biex ikun żgurat li t-taxxa tkun newtrali fl-impatt tagħha, irrispettivament min-numru ta' transazzjonijiet, il-persuni taxxabbli għall-VAT jistgħu jnaqqsu mill-kont tal-VAT tagħhom l-ammont tat-taxxa li jkunu ħallsu lill-persuni taxxabbli oħrajn. Il-VAT għandha finalment titħallas mill-konsumatur finali fil-forma ta' żieda perċentwali fuq il-prezz finali tal-merkanzija jew servizzi.
ATT
Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud [Ara atti emendatorji].
SOMMARJU
It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija taxxa ġenerali fuq il-konsum applikata għall-attivitajiet kummerċjali li jinvolvu l-produzzjoni u distribuzzjoni ta' oġġetti u l-għoti ta' servizzi. Din id-Direttiva tal-VAT tikkodifika d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-introduzzjoni tas-sistema komuni tal-VAT fl-Unjoni Ewropea (UE).
Is-sistema komuni tal-VAT tapplika għal oġġetti u servizzi mixtrija u mibjugħin għall-konsum fl-UE. It-taxxa hija kkalkulata fuq il-bażi tal-valur miżjud għal merkanzija u servizzi f'kull stadju tal-produzzjoni u tal-katina tad-distribuzzjoni.
It-taxxa tinġabar permezz ta' sistema ta' pagamenti parzjali li tippermetti lil persuni taxxabbli (kumpaniji identifikati għall-VAT) biex inaqqsu mill-kontijiet tal-VAT tagħhom l-ammont tat-taxxa li jkunu ħallsu lill-persuni taxxabbli oħrajn fuq ix-xiri tagħhom għal skopijiet kummerċjali matul l-istadju preċedenti. Dan il-mekkaniżmu jfisser li t-taxxa hija newtrali, irrispettivament min-numru ta' transazzjonijiet.
Fl-aħħar, il-VAT titħallas mill-konsumatur finali fil-forma ta' żieda perċentwali għall-prezz finali tal-merkanzija jew servizzi. Dan il-prezz finali huwa t-total tal-valur miżjud f'kull stadju ta' produzzjoni u distribuzzjoni. Il-fornitur ta' oġġetti jew servizzi (il-persuna taxxabbli) iħallas il-VAT imħallsa fuq l-oġġetti jew servizzi lill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali wara li titnaqqas il-VAT li diġà tkun tħallset lill-fornituri tiegħu.
Ambitu
Transazzjonijiet imwettqa għall-kunsiderazzjoni fit-territorju ta' pajjiż tal-UE minn persuna taxxabbli li taġixxi f'dik il-kapaċità huma soġġetti għall-VAT. Importazzjonijiet minn kwalunkwe persuna huma wkoll soġġetti għall-VAT.
Transazzjonijiet taxxabbli jinkludu:
- provvisti ta' oġġetti minn persuna taxxabbli;
- akkwisti intra-UE f'pajjiż tal-UE ta' oġġetti minn pajjiż ieħor tal-UE;
- provvisti ta' servizzi minn persuna taxxabbli;
- importazzjonijiet ta' merkanzija minn barra l-UE (territorju terz * jew pajjiż mhux tal-UE).
Akkwist intra-UE ta' oġġetti jseħħ biss meta oġġetti jiġu ttrasportati minn pajjiż tal-UE għal ieħor. Dan iseħħ meta l-oġġetti mibjugħin minn persuna taxxabbli fil-pajjiż tal-UE ta' tluq jinxtraw f'pajjiż ieħor tal-UE (tal-wasla) minn persuna taxxabbli li taġixxi f'dik il-kapaċità jew minn persuna legali mhux taxxabbli. Dan iseħħ ukoll fil-każ ta' mezzi ġodda ta' trasport * u ta' prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa * mixtrija minn persuni oħra.
Jekk l-ammont totali ta' akkwisti intra-UE ta' oġġetti minn persuni ġuridiċi li mhumiex taxxabbli u ċerti kategoriji ta' persuni eżentati mit-taxxa ma jaqbiżx limitu minimu ta' EUR 10 000 fis-sena, dawn l-akkwisti huma soġġetti għall-VAT biss jekk ix-xerrej jiddeċiedi li jirreġistra.
Akkwisti intra-UE ta' oġġetti 'second-hand', xogħlijiet ta' arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet mhumiex suġġetti għall-VAT meta l-bejjiegħ ikun negozjant taxxabbli jew organizzatur ta' bejgħ b'irkant pubbliku li jkun ħallas it-taxxa fuq dawn l-oġġetti bl-użu tal-iskema speċjali ta' tassazzjoni tal-marġni ta' profitt.
Ambitu territorjali
Il-VAT tal-UE ma japplikax fit-territorji terzi li ġejjin:
- il-Gżira ta' Heligoland, it-territorju ta' Buesingen, Ceuta, Melilla, Livigno, Campione d'Italia u l-ibħra Taljani tal-Lag ta' Lugano (territorji li ma jifformawx parti mit-territorju doganali tal-UE);
- il-Muntanja Athos, il-Gżejjer Kanarji, id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, il-Gżejjer Åland u l-Gżejjer Channel (territorji li jiffurmaw parti mit-territorju doganali tal-UE).
Bi qbil mat-Trattat, il-VAT lanqas ma tapplika għal Ġibiltà jew il-parti ta' Ċipru li mhijiex taħt il-kontroll effettiv tal-gvern tar-Repubblika ta' Ċipru. Dawn ir-reġjuni huma ttrattati bħala territorji terzi.
Minħabba li l-Prinċipalità ta' Monako, l-Isle of Man u l-oqsma bażi sovrani tar-Renju Unit ta' Akrotiri u Dhekelia mhumiex meqjusa bħala pajjiżi li mhux fl-UE, f'dawn il-każijiet, il-VAT hija applikabbli.
Persuni taxxabbli
Persuna taxxabbli hija persuna li, b'mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta' dik l-attività. Attività ekonomika tinkludi kull attività ta' produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet tal-professjonijiet. Sal-punt li huma jkunu marbutin ma' min iħaddimhom permezz ta' kuntratt ta' impjieg jew minn kwalunkwe rbit legali ieħor li joħloq ir-relazzjoni ta' min jimpjega u l-impjegat, l-attivitajiet ta' persuni b'salarju u oħrajn mhumiex meqjusin bħala li huma mwettqa b'mod indipendenti.
Kull persuna li, fuq bażi okkażjonali, tipprovdi mezzi ġodda ta' trasport ittrasportat lejn pajjiż ieħor tal-UE hija meqjusa wkoll bħala persuna taxxabbli.
Pajjiż tal-UE jista' jqis ukoll, bħala persuna taxxabbli, lil kull min iwettaq, fuq bażi okkażjonali, operazzjoni marbuta ma' attività ekonomika u, b'mod partikolari, il-provvista, qabel l-ewwel okkupazzjoni, ta' bini jew parti minn bini u tal-art li fuqha jinstab il-bini jew il-provvista ta' art għall-bini.
Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati mid-dritt pubbliku mhumiex meqjusin bħala persuni taxxabbli fir-rigward tal-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ħlief fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jwassal għal tgħawwiġ sinifikanti tal-kompetizzjoni. Meta jwettqu ċerti operazzjonijiet kummerċjali, dawn il-korpi huma madankollu persuni taxxabbli.
Transazzjonijiet taxxabbli
Il-provvista ta' oġġetti hija t-trasferiment tad-dritt ta' disponiment minn proprjetà tanġibbli bħala sid.
Kwalunkwe transazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta' merkanzija tikkostitwixxi provvista ta' servizzi.
L-akkwist intra-UE ta' oġġetti huwa l-akkwist tad-dritt ta' disponiment bħala sid ta' proprjetà mobbli tanġibbli ttrasportata lill-persuna li takkwista l-merkanzija f'pajjiż ieħor tal-UE.
L-importazzjoni ta' merkanzija huwa d-dħul fl-UE ta' merkanzija li ma tkunx f'ċirkolazzjoni libera. Id-dħul ta' merkanzija li tkun f'ċirkolazzjoni libera minn territorju terz hija wkoll importazzjoni.
Post tat-transazzjonijiet
Il-post ta' provvista ta' oġġetti huwa:
- il-lok tal-merkanziji fil-ħin tal-provvista (fejn il-merkanziji m'humiex mibgħuta jew ittrasportati);
- il-lok tal-merkanziji fil-ħin ta' meta tintbagħat jew tkun ittrasportata lill-klijent jibda (fejn il-merkanzija hija mibgħuta jew ittrasportata);
- il-post tat-tluq tal-operazzjoni ta' trasport tal-passiġġieri (fejn il-merkanzija tinbiegħ abbord vapuri, ajruplani jew ferroviji);
- il-post fejn ikollu s-sede tiegħu l-klient (fil-każ tal-provvista ta' gass permezz ta' sistema ta' gass naturali fi ħdan l-UE jew kwalunkwe netwerk imqabbad ma' tali sistema, il-provvista tal-elettriku jew il-provvista tas-sħana jew enerġija ta' tkessiħ permezz ta' netwerks ta' tisħin jew tkessiħ).
Il-post ta' akkwist intra-UE ta' oġġetti huwa meqjus li jkun il-post fejn jintemm it-trasport tal-merkanzija lill-persuna li takkwistahom.
Il-post tal-provvista ta' servizzi lil persuni taxxabbli jitqies li jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew, jekk ipprovdut lil stabbiliment fiss li l-klijent ikollu band'oħra, il-post fejn ikun jinstab dak l-istabbiliment fiss jew, fin-nuqqas ta' kwalunkwe stabbiliment, il-post fejn il-konsumatur ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn ikun jirresjedi normalment. Il-post tal-provvista ta' servizzi lil persuni mhux taxxabbli jitqies li huwa l-post fejn il-fornitur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew, jekk ipprovdut minn stabbiliment fiss li l-fornitur ikollu band'oħra, il-post fejn ikun jinstab dak l-istabbiliment fiss jew, fin-nuqqas ta' kwalunkwe stabbiliment, il-post fejn il-fornitur ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn ikun jirresjedi normalment.
Hemm, madankollu, xi eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli ġenerali. Is-servizzi kkonċernati jinkludu dawk relatati ma' proprjetà immobbli, it-trasport tal-passiġġieri u t-trasport tal-merkanzija, dawk relatati ma' attivitajiet relatati mal-kultura, arti, l-isport, ix-xjenza, l-edukazzjoni u d-divertiment, dawk ta' ristoranti u servizzi ta' catering u dawk ta' kiri għal perjodu qasir ta' mezzi ta' trasport. L-għan ewlieni ta' dawn l-eċċezzjonijiet huwa li jiġi żgurat li s-servizz jiġi intaxxat fil-post fejn huwa attwalment ikkunsmat.
Fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi mhux tal-UE, sabiex tiġi evitata taxxa doppja, nuqqas ta' taxxa jew tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jikkunsidraw:
- il-post tal-provvista ta' ċerti servizzi li jinsabu fit-territorju tagħhom bħala li jinsabu barra l-UE, jekk l-użu effettiv u tgawdija jseħħ barra l-UE;
- il-post tal-provvista ta' ċerti servizzi li jinsabu barra mill-UE bħala li jinsabu ġewwa l-pajjiż tal-UE, jekk l-użu effettiv u tgawdija jseħħ fit-territorju tagħhom.
Il-post ta' importazzjoni ta' oġġetti huwa l-pajjiż tal-UE fejn tinsab il-merkanzija meta dawn jidħlu fl-UE.
Fatt taxxabbli u ħlas tal-VAT
Ħlief f'numru ta' każijiet elenkati b'mod speċifiku, il-fatt taxxabbli * għat-taxxa jseħħ u t-taxxa ssir dovuta * meta l-merkanzija jew is-servizzi jiġu pprovduti.
Fil-każ ta' akkwist ta' oġġetti intra-UE, il-fatt taxxabbli jseħħ meta jsir l-akkwist u t-taxxa ssir dovuta fil-15 il-jum tax-xahar wara l-akkwist. Madankollu, jekk tinħareġ fattura qabel dik id-data, it-taxxa ssir dovuta fid-data li fiha tinħareġ il-fattura.
Madankollu, mill-1 ta' Jannar 2013, meta d-Direttiva 2010/45/EU tidħol fis-seħħ, il-VAT għandha tiġi mposta mal-ħruġ tal-fattura, jew mal-iskadenza tal-limitu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 222 ta' din id-direttiva jekk l-ebda fattura ma tkun inħarġet sa dak iż-żmien.
Fil-każ tal-importazzjoni ta' merkanzija, il-fatt taxxabbli jseħħ u t-taxxa ssir dovuta meta l-oġġetti jiġu introdotti f'pajjiż tal-UE.
Ammont taxxabbli
Fir-rigward tal-provvista ta' oġġetti u servizzi u l-akkwist intra-UE ta' oġġetti, l-ammont taxxabbli jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi kunsiderazzjoni miksuba mill-fornitur għal transazzjonijiet mill-klijent. Dan jinkludi sussidji relatati direttament mal-prezz ta' dawn it-transazzjonijiet. L-ammont jinkludi wkoll taxxi, dazji, levies u drittijiet (minbarra l-VAT innifisha) u spejjeż inċidentali mitluba mill-fornitur lill-klijent iżda jeskludi ċertu tnaqqis fil-prezzijiet, roħs u skonti fuq il-prezz u ħlasijiet lura ta' spejjeż imġarrba.
Fil-każ ta' importazzjonijiet ta' oġġetti, l-ammont taxxabbli huwa l-valur għal finijiet doganali. Dan jinkludi taxxi, dazji, levies u ħlasijiet oħrajn dovuti barra mill-pajjiż ta' importazzjoni tal-UE, u dawk dovuti minħabba l-importazzjoni (minbarra l-VAT innifisha) u spejjeż inċidentali (imballaġġ, trasport, eċċ.)
Rati tal-VAT
Transazzjonijiet taxxabbli huma ntaxxati bir-rati u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-pajjiż tal-UE meta jseħħu. Ir-rata standard tal-VAT hija stabbilita bħala perċentwal tal-ammont taxxabbli li, sal-31 Diċembru 2015, ma jistax ikun inqas minn 15 %.
Pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw waħda jew żewġ rati mnaqqsa ta' mhux anqas minn 5 %. Ir-rati mnaqqsa jistgħu jiġu applikati biss għall-provvisti ta' oġġetti u servizzi fil-kategoriji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT (kif l-aħħar emendata bid-Direttiva. 2009/47/KE).
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-VAT, japplikaw rata mnaqqsa għall-provvisti ta' gass naturali, elettriku u tisħin distrettwali.
Fl-aħħarnett, permezz ta' deroga mir-regoli normali, ċerti pajjiżi tal-UE ġew awtorizzati li jżommu rati mnaqqsa, inklużi dawk inqas mill-minimu, jew rati ta' żero fil-mija, f'ċerti oqsma.
Xi wħud minn dawn id-derogi previsti fl-att ta' adeżjoni tal-għaxar pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-1 Mejju 2004 applikaw biss sal-31 Diċembru 2010. Oħrajn ġew estiżi jew inkorporati fir-regoli ġenerali mid-Direttiva 2009/47/KE.
Eżenzjonijiet
Oġġetti u servizzi li huma eżenti mill-VAT jinbiegħu lill-konsumatur finali mingħajr ebda VAT applikabbli mal-bejgħ. Madankollu, fejn il-provvista ta' merkanzija jew servizzi tkun eżenti, il-fornitur ma jistax inaqqas il-VAT fuq ix-xiri. Din l-eżenzjoni mingħajr dritt għal tnaqqis tfisser li VAT 'moħbija' tibqa' nkluża fil-prezz imħallas mill-konsumatur. Din l-eżenzjoni għandha tkun distinta b'mod ċar minn rata ta' żero fil-mija ta' VAT li ċerti pajjiżi tal-UE għandhom deroga biex tinżamm u li tfisser li l-prezz finali lill-konsumatur ma jkun jinkludi l-ebda VAT residwa.
Hemm ukoll eżenzjonijiet bi dritt għal tnaqqis li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jitqies il-post fejn il-merkanzija jew is-servizzi huma meqjusin li ġew ikkunsmati u għalhekk intaxxati: dawn it-transazzjonijiet huma meħlusa mil-VAT kollha fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom tal-UE minħabba li dawn ikunu ntaxxati fil-pajjiż tad-destinazzjoni.
Eżenzjonijiet mingħajr dritt għal tnaqqis
Għal raġunijiet soċjo-ekonomiċi, dawn li ġejjin huma eżentati:
- ċerti attivitajiet ta' interess ġenerali (bħal sptar u kura medika, oġġetti u servizzi marbuta mal-benesseri u xogħol tas-sigurtà soċjali, skejjel u edukazzjoni universitarja u ċerti servizzi kulturali);
- ċerti transazzjonijiet inklużi l-assigurazzjoni, l-għoti ta' kreditu, ċerti servizzi bankarji, il-provvisti ta' bolol, lotteriji u mħatri u ċerti provvisti ta' proprjetà immobbli.
Biex jiffaċilitaw il-kummerċ, ċerti importazzjonijiet ta' oġġetti minn barra l-UE huma eżenti. Dawn jinkludu l-importazzjoni finali ta' merkanzija li l-provvista tagħha hija eżenti fil-pajjiż tal-importazzjoni u merkanzija tal-UE li l-importazzjoni finali tagħha hija regolata mid-Direttivi 2007/74/KE (oġġetti li jinġarru fil-bagalji ta' vjaġġaturi), 2009/132/KE (merkanzija importata għal skopijiet mhux kummerċjali) u 2006/79/KE (kunsinni żgħar ta' oġġetti ta' natura mhux kummerċjali).
Eżenzjonijiet bi dritt għal tnaqqis
Biex jiġi kkunsidrat il-post fejn l-oġġetti u servizzi jitqiesu li jkunu ġew ikkunsmati u għalhekk intaxxati, it-transazzjonijiet li ġejjin huma eżentati bi dritt għal tnaqqis:
- provvisti intra-UE ta' oġġetti, inklużi mezzi ġodda ta' trasport u prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mibgħuta minn pajjiż wieħed għal ieħor tal-UE;
- esportazzjonijiet ta' oġġetti mill-UE għal territorju terz jew pajjiż mhux fl-UE;
- ċerti transazzjonijiet relatati mat-trasport internazzjonali jew ittrattati bħala esportazzjonijiet;
- provvisti ta' servizzi minn intermedjarji meta huma jieħdu sehem fi transazzjonijiet relatati mal-esportazzjoni;
- ċerti transazzjonijiet relatati mal-kummerċ internazzjonali, bħal dawk li jikkonċernaw imħażen doganali u mħażen oħra.
Tnaqqis
Persuna taxxabbli li tixtri oġġetti jew servizzi għandha d-dritt li tnaqqas l-ammont tal-VAT fil-pajjiż tal-UE fejn jitwettqu dawn it-transazzjonijiet jekk l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għall-attività ekonomika professjonali tagħha. Persuna taxxabbli li tkun ħallset il-VAT f'pajjiż tal-UE fejn hija ma tkunx stabbilita, tista' tassigura rimborż permezz ta' proċedura elettronika speċjali. Ma hemm l-ebda dritt għal tnaqqis fil-każ ta' attività ekonomika eżenti jew jekk il-persuna taxxabbli tikkwalifika għal skema speċjali (eż. l-eżenzjoni mill-VAT għal kumpaniji żgħar).
F'ċerti każijiet it-tnaqqis jista' jkun limitat jew aġġustat. Biex it-tnaqqis ikun eżerċitat, ikun jeħtieġ li ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, b'mod partikolari l-obbligu li ssir fattura.
Obbligi tal-persuni taxxabbli u ta' ċerti persuni li mhumiex taxxabbli
VAT hija dovuta:
- minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta' merkanzija jew servizzi, minbarra f'ċerti każijiet speċifiċi fejn it-taxxa hija pagabbli minn xi persuna oħra, b'mod partikolari konsumatur li juża l-proċedura ta' ħlas invertit;
- mill-persuna li tagħmel akkwisti intra-UE ta' oġġetti taxxabbli;
- malli ssir importazzjoni minn persuna maħtura jew rikonoxxuta bħala responsabbli mill-pajjiż tal-UE ta' importazzjoni.
Persuna taxxabbli trid tiddikjara meta l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli tibda', tinbidel jew tieqaf u għandha żżomm rekords dettaljati biżżejjed.
Persuna taxxabbli għandha tiżgura li tinħareġ fattura (DE) (EN) (FR) dettaljata biżżejjed għal prodotti u servizzi li hija tforni lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna legali mhux taxxabbli. Fattura trid tinħareġ ukoll f'ċerti każijiet oħrajn.
Derogi
Taħt ċerti kundizzjonijiet, pajjiżi tal-UE jistgħu jkunu awtorizzati li jintroduċu derogi li jissimplifikaw il-ġbir tal-VAT jew li jevitaw ċerti frodi jew evażjoni fiskali.
Skemi speċjali
Hemm skemi speċjali tal-VAT għal:
- ditti żgħar;
- bdiewa (skema komuni b'rata fissa);
- oġġetti wżati, xogħlijiet ta' arti, oġġetti ta' kollezzjoni u antikitajiet;
- investiment deheb;
- aġent tal-ivjaġġar;
- servizzi pprovduti b'mod elettroniku.
Konsumaturi
Xi skemi tal-VAT jikkonċernaw mhux biss lill-operaturi ekonomiċi direttament iżda wkoll lil persuni privati u lill-konsumaturi finali. Dan huwa l-każ pereżempju fejn persuna privata tixtri prodotti f'pajjiż ieħor tal-UE. Meta l-konsumatur jieħu l-prodotti d-dar huwa/hija stess, il-VAT titħallas fil-pajjiż tal-UE fejn inbiegħu jew inxtraw (jiġifieri fl-oriġini tagħhom). Xi persuni taxxabli li huma eżentati u persuni legali mhux taxxabbli għandhom ukoll id-dritt li jiksbu kwantità limitata ta' prodotti f'pajjiż ieħor tal-UE bħala riżultat tar-regoli li jirregolaw it-tassazzjoni tal-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE. Għal dawk il-persuni, l-iskema hija diġà bbażata fuq il-prinċipju ta' tassazzjoni fil-pajjiż ta' oriġini tal-UE tal-prodotti u servizzi pprovduti (ara l-aħħar ta' dan is-sommarju).
Madankollu, il-prinċipju ta' oriġini ma japplikax meta l-prodotti jinbiegħu minn distanza, jiġifieri meta x-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn pajjiżi differenti tal-UE u l-prodotti jintbagħtu. Jekk il-valur ta' oġġetti mibjugħin fuq bażi annwali jaqbeż ċertu limitu (EUR 35 000 jew EUR 100 000 skont il-pajjiż tal-UE), il-fornitur għandu japplika l-prinċipju ta' destinazzjoni, u għandu jagħmel hekk fi kwalunkwe eventwalità fil-każ ta' bejgħ mill-bogħod ta' prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa. Taħt dan il-prinċipju, il-fornitur jaħdem il-VAT fil-pajjiż ta' destinazzjoni fl-UE bir-rata applikabbli hemmhekk.
Il-prinċipju ta' oriġini ma japplikax meta l-mezzi ġodda ta' trasport jinxtraw f'pajjiż ieħor tal-UE. F'dak il-każ, ix-xerrej iħallas il-VAT fil-pajjiż ta' destinazzjoni fl-UE.
Ġlieda kontra l-evażjoni fiskali
L-evażjoni fiskali tfixkel il-funzjonament tas-suq intern, billi toħloq flussi mhux iġġustifikati ta' merkanziji u billi tippermetti merkanzija li titqiegħed fis-suq bi prezzijiet baxxi b'mod mhux normali.
Biex tiġġieled kontra din il-pjaga, id-Direttiva 2008/117/KE tintroduċi l-miżuri li ġejjin:
- l-istabbiliment ta' skadenza ta' xahar għall-informazzjoni fuq provvisti intra-UE ta' oġġetti;
- l-introduzzjoni tal-istess perjodu taxxabli kemm għall-fornitur kif ukoll għax-xerrej jew il-klijent fil-kuntest ta' transazzjonijiet intra-UE;
- it-tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi;
- awtorizzazzjoni għall-operaturi li jippreżentaw fuq bażi ta' tliet xhur, dikjarazzjonijiet rikapitulattivi li jikkonċernaw provvisti intra-UE ta' oġġetti.
KUNTEST
Din id-Direttiva dwar il-VAT hija riformulazzjoni tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV) dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud u l-bażi uniformi ta' valutazzjoni li ġiet emendata aktar minn tletin darba minn meta ġie adottata. Hija tikkodifika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/388/KEE mill-1 Jannar 2007 mingħajr ma tibdel is-sustanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
REFERENZI
| Att | Dħul fis-seħħ | Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri | Ġurnal Uffiċjali |
|---|---|---|---|
| Direttiva 2006/112/KE |
1.1.2007 |
1.1.2008 |
ĠU L 347 tal-11.12.2006 |
| Att(i) emendatorju(i) | Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza | Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri | Ġurnal Uffiċjali |
|---|---|---|---|
|
Direttiva 2006/138/KE |
29.12.2006 |
1.1.2007 |
ĠU L 384 tad-29.12.2006 |
|
Direttiva 2007/75/KE |
29.12.2007 |
1.1.2008 |
ĠU L 346 tad-29.12.2007 |
|
Direttiva 2008/8/KE |
20.2.2008 |
Skont id-dispożizzjonijiet, bejn 1.1.2009 u 1.1.2015 |
ĠU L 44 tal-20.2.2008 |
|
Direttiva 2008/117/KE |
21.1.2009 |
1.1.2010 |
ĠU L 14, tal-20.1.2009 |
|
Direttiva 2009/47/KE |
1.6.2009 |
- |
ĠU L 116, tad-9.5.2009 |
|
Direttiva 2009/69/KE |
24.7.2009 |
1.1.2011 |
ĠU L 175, tal-4.7.2009 |
|
Direttiva 2009/162/UE |
15.1.2010 |
1.1.2011 |
ĠU L 10, tal-15.1.2010 |
|
Direttiva 2010/23/UE |
9.4.2010 – 30.6.2015 |
- |
ĠU L 72, tal-20.3.2010 |
|
Direttiva 2010/45/UE |
11.8.2010 |
31.12.2012 |
ĠU L 189, tat-22.7.2010 |
|
Direttiva 2010/88/UE |
11.12.2010 |
- |
ĠU L 326, tal-10.12.2010 |
L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2006/112/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata
għandha tintuża biss għal għanijiet ta' referenza.
ATTI RELATATI
Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta' Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti [ĠU L 292, 10.11.2009].
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-għażla ta' raggruppament għall-iskop tal- VAT prevista fl-Artikolu 11 tad-direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud [COM(2009) 325 finali – Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2009 dwar l-iżviluppi tekonoloġiċi fil-qasam tal-fatturazzjoni elettronika u miżuri mmirati sabiex ikunu modernizzati, issemplifikati u armonizzati aktar ir-regoli dwar fatturazzjoni tal-VAT [COM(2009) 20 finali – Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].
Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta' Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor [Ġurnal Uffiċjali L 44, 20.2.2008].
Direttiva tal-Kunsill 2007/74/KE tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi [ĠU L 346, 29.12.2007].
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2007 dwar ir-rati tal-VAT minbarra r-rati standard tal-VAT [COM(2007) 380 finali – Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].
Direttiva tal-Kunsill 2006/79/KE tal-5 ta' Ottubru 2006 dwar eżenzjonijiet mit-taxxi applikabbli għall-importazzjoni ta' kunsinni żgħar ta' merkanzija ta' natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi) [ĠU L 286, 17.10.2006].
Regolament tal-Kunsill (KE) 1798/2003 tas-7 ta' Ottubru 2003 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru. 218/92 [Ġurnal Uffiċjali L 264, 15.10.2003].



