Taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil
L-Unjoni Ewropea (UE) għandha l-ħsieb li tippermetti li l-imgħaxijiet mit-tfaddil riċevuti fi Stat Membru minn persuni fiżiċi li għandhom ir-residenza għal raġunijiet ta’ taxxa tagħhom fi Stat Membru ieħor jiġu intaxxati b’mod effettiv b’konformità mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ dan l-aħħar Stat Membru.
ATT
Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax.
SOMMARJU
Id-Direttiva għandha l-għan li tippermetti li d-dħul mit-tfaddil, fil-forma ta’ pagament ta’ imgħax li jsir fi Stat Membru wieħed favur il-“benefiċjarju effettivi” *, li huma persuni fiżiċi li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, jiġu intaxxati b’mod effettiv b’konformità mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Il-mezz użat għal din it-taxxa effettiva fuq il-pagamenti tal-imgħax fl-Istat Membru fejn il-benefiċjarju effettiv għandu r-residenza għal raġunijiet ta’ taxxa tiegħu huwa l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri rigward dawn il-“pagamenti tal-imgħax” *. F’dan is-sens, l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li t-twettiq tal-kompiti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva — kooperazzjoni u skambji ta’ informazzjoni bankarji — mill-atturi li jħallsu stabbiliti fit-territorju tagħhom, b’mod indipendenti mill-post ta’ stabbiliment tad-debitur tad-dejn li jipproduċi l-imgħaxijiet.
Dħul ikkonċernat
Id-Direttiva hija limitata għat-taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil fil-forma ta’ ħlas ta’ imgħaxijiet fuq djun u teskludi l-kwistjonijiet marbuta mal-intaxxar ta’ pensjonijiet u ta’ benefiċċji mill-assigurazzjoni. Fil-livell territorjali, id-Direttiva tapplika għal imgħaxijiet imħallsa minn “attur li jħallas” * stabbilit ġewwa t-territorju fejn huwa applikabbli t-Trattat.
Il-proċedura ġenerali: l-iskambji ta’ informazzjoni
- Komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-attur li jħallas
Meta l-benefiċjarju effettiv tal-imgħaxijiet ikun resident ta’ Stat Membru li mhuwiex dak fejn huwa stabbilit l-attur li jħallas, id-Direttiva teħtieġ li dan tal-aħħar jikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit dwar kontenut minimu ta’ informazzjoni bħall-identità u r-residenza tal-benefiċjarju effettiv, l-isem jew l-isem ewlieni u l-indirizz tal-attur li jħallas, in-numru tal-kont tal-benefiċjarju effettiv jew, fin-nuqqas ta dan, l-identifikazzjoni tad-dejn li qed jiġġenera l-imgħaxijiet u l-informazzjoni li tikkonċerna l-pagament tal-imgħaxijiet.
Barra minn hekk, il-kontenut minimu tal-informazzjoni li l-attur li jħallas huwa marbut li jikkomunika rigward il-pagament tal-imgħaxijiet irid jagħmel distinzjoni bejn l-imgħaxijiet skont il-kategoriji speċifiċi elenkati fid-Direttiva. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw dan il-konetnut minimu ta’ informazzjoni għal ammont totali ta’ imgħaxijiet jew ta’ dħul u għal ammont totali tal-prodott tal-bejgħ, tar-riakkwist jew tar-rimborż.
- Skambju awtomatiku ta’ informazzjoni
Id-Direttiva teħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-attur li jħallas tikkomunika — tal-inqas darba fis-sena, fis-sitt xhur ta’ wara tmiem l-eżerċizzju fiskali tal-Istat Membru tal-attur li jħallas — lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza tal-benefiċjarju effettiv, dik l-informazzjoni msemmija aktar ’il fuq.
Kuntest
Fil-qafas tal-“pakkett fiskali” li għandu l-għan li jiġġieled kontra l-kompetizzjoni fiskali dannuża, l-Unjoni Ewropea (UE) iddeċiediet li timplimenta strument normattiv sabiex tegħleb it-tgħawwiġ eżistenti fl-intaxxar effettiv tad-dħul mit-tfaddil fil-forma ta’ pagament ta’ imgħaxijiet.
Din id-Direttiva hija msejsa fuq il-kunsens milħuq mill-Kunsill Ewropew ta’ Feira tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2000. F’din il-laqgħa tal-Kunsill, ġie deċiż li jiġi implimentat skambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri kollha. Il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Awstrija bbenefikaw minn perjodu ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni ta’ din il-miżura li matulha, minflok ma jipprovdu informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra, riedu japplikaw taxxa minn ras il-għajn għad-dħul mit-tfaddil kopert minn din id-Direttiva.
| Termini ewlenin tal-Att |
|---|
|
REFERENZI
| Att | Dħul fis-seħħ | Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri | Ġurnal Uffiċjali |
|---|---|---|---|
| Direttiva 2003/48/KE |
16.7.2003 |
Data ta’ applikazzjoni: 1.7.2005 |
ĠU L 157, 26.6.2003 |
L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2003/48/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata
hija biss għal skopijiet ta' referenza.
ATTI RELATATI
Proposta għal Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni tar-riżervi fuq id-dħul [mit-tfaddil] fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax (COM(2008) 727 finali — Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
Din il-Proposta għal Direttiva għandha l-għan li telimina n-nuqqasijiet tad-direttiva attwali bil-għan li tiġi żgurata b’mod aktar effikaċi tassazzjoni effettiva tad-dħul mit-tfaddil u sabiex jiġi eliminat it-tgħawwiġ mhux mixtieq tal-kompetizzjoni.
Għal dan il-għan, il-modifiki prinċipali proposti jikkonċernaw il-punti li ġejjin:
- id-definizzjoni tal-benefiċjarju effettiv: proposta għal “metodu ta’ trasparenza” sabiex jiġu koperti l-pagamenti tal-imgħax mogħtija favur entitajiet jew arranġamenti legali miftiehma minn persuni fiiżiċi (id-direttiva attwali tkopri biss il-pagamenti tal-imgħax mogħtija għal benefiċċju immedjat tal-persuni fiżiċi);
- l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji effettivi: huwa propost li tiġi rreġistrata d-data u l-post ta’ fejn twieled il-benefiċjarju effettiv fil-każijiet kollha u sabiex f’kull każ, din l-informazzjoni tingħata flimkien man-Numru ta’ Identifikazzjoni Fiskali tal-benefiċjarju meta dan in-numru jidher fuq id-dokumenti ppreżentati għal skopijiet ta’ identifikazzjoni;
- id-definizzjoni tal-kunċett ta’ attur li jħallas: kjarifika tal-kunċett ta’ attur li jħallas mal-irċevuta u l-introduzzjoni ta’ definizzjoni “pożittiva” tal-istrutturi intermedjarji stabbiliti f’wieħed mill-Istati Membri u marbuta li jaġixxu bħala “aġenti li jħallsu mal-irċevuta”;
- id-definizzjoni ta’ pagament tal-imgħaxijiet, bil-għan li jiġu koperti l-istrumenti finanzjarji ekwivalenti għal dawk koperti b’mod espliċitu: prodotti strutturati li essenzjalment huma ekwivalenti għall-prodotti tad-djun u ċerti prodotti tal-assigurazzjoni li huma direttament komparabbli ma’ impriżi ta’ investiment kollettiv minħabba l-fatt li l-prestazzjoni tagħhom hija marbuta mad-dħul minn djun jew dħul simili;
- l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS);
- il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-aġenti li jħallsu;
- l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ komitoloġija sabiex ikunu jistgħu jitwaqqfu minnufih miżuri ta’ applikazzjoni relatati mad-Direttiva.



