RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Finanzjament tal-politika agrikola komuni

Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-regoli speċifiċi applikabbli għall-finanzjament tal-ispejjeż li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni (PAK). Ġew stabbiliti żewġ fondi ġodda: Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal- 21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni [Ara l-atti li jemendaw].

SINTEŻI

Dan ir-regolament jistabbilixxi qafas legali uniku għall-finanzjament tal-ispejjeż li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni (PAK). F’dan is-sens, jistabbilixxi żewġ fondi ġodda: il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Iż-żewġ fondi jaħdmu fuq il-bażi ta’ sistema simili waqt li għandhom ċerti karatteristiċi speċifiċi. Peress li l-finanzjament tal-miżuri previsti isir parzjalment fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża, it-test jippreċiża l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni li tassumi r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali u jikkjarifika l-obbligi ta’ kooperazzjoni li għandhom l-Istati Membri.

Ir-regolament jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jew l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti u l-aġenziji ta' koordinazzjoni mill-Istati Membri. Dawn l-aġenziji huma inkarigati rispettivament mill-eżekuzzjoni tal-pagamenti u s-superviżjoni tal-kontabilità amministrata mill-aġenziji tal-pagamenti. Dan ir-regolament jipprevedi wkoll l-istabbiliment ta' korpi ta' ċertifikazzjoni, entitajiet ġuridiċi pubbliċi jew privati maħtura mill-Istati Membri u li huma responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni, ta’ segwitu u ta’ kontroll stabbiliti mill-aġenziji tal-pagamenti approvati, kif ukoll tal-kontijiet annwali ta’ dawn tal-aħħar. L-Istati Membri huma mitluba jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Komunità. Barra minn hekk, huma biss l-ispejjeż li jsiru mill-aġenziji tal-pagamenti approvati li jistgħu jirċievu finanzjament Komunitarju u l-ħlasijiet isiru totalment lill-benefiċjarji.

Il-FAEG

Il-FAEG jiffinanzja fil-qafas tal-ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membru u l-Kummissjoni:

  • ir-rifużjonijiet iffissati għall-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli lejn pajjiżi terzi;
  • l-interventi maħsuba għar-regolazzjoni tas-swieq agrikoli;
  • il-pagamenti diretti lill-bdiewa previsti fil-qafas tal-politika agrikola komuni;
  • ċerti azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni favur prodotti agrikoli fis-suq intern tal-Komunità u f’pajjiżi terzi, li jitwettqu mill-Istati Membri;
  • l-ispejjeż relatati ma’ miżuri ta’ ristrutturar tal-industrija taz-zokkor, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006;
  • il-programmi favur il-konsum ta’ frott fl-iskejjel.

B’mod ċentralizzat, dan il-fond jiffinanzja:

  • il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal azzjonijiet veterinarji okkażjonali, azzjonijiet ta’ kontroll fil-qasam veterinarju, f’dak tal-prodotti tal-ikel u tal-għalf għall-annimali, għal programmi ta’ eradikazzjoni u sorveljanza tal-mard tal-annimali kif ukoll għal azzjonijiet fitosanitarji;
  • il-promozzjoni favur prodotti agrikoli, li ssir jew direttament mill-Kummissjoni, jew bl-intervent ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;
  • il-miżuri, stabbiliti b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, maħsuba biex jiżguraw il-konservazzjoni, l-ipprofilar, il-ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura;
  • l-istabbiliment u l-manutenzjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni tal-kontabilità agrikoli;
  • is-sistemi ta’ inkjesta agrikola;
  • l-ispejjeż relatati mas-swieq tas-sajd.

Il-krediti neċessarji biex jiġu żgurati l-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEG jitħallsu mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, fil-forma ta’ rimborsi fix-xahar. Dawn isiru fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni tal-ispejjeż u ta’ informazzjoni pprovduta minn dawn tal-aħħar. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-allokazzjonijiet ta’ fondi mar-regoli Komunitarji, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tnaqqas jew tissospendi l-pagamenti.

Il-Kummissjoni tiffissa l-bilanċ nett disponibbli għall-ispejjeż tal-FAEG u tistabbilixxi sistema ta’ twissija u ta’ segwitu ta’ kull xahar ta’ dawk l-ispejjeż. Kull xahar, hija tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill rapport fejn hija teżamina l-evoluzzjoni fl-ispejjeż meta mqabbla mal-profili ffissati fil-bidu tas-sena u tevalwa l-evoluzzjoni prevedibbli għas-sena finanzjarja attwali.

F’każ ta’ irregolarità jew negliġenzi, is-somom irkuprati jitħallsu lill-aġenziji tal-pagamenti, li għandhom iniżżluhom bħala dħul allokat għall-FAEG, għax-xahar meta effettivament jiġu riċevuti.

Il-FAEŻR

Il-FAEŻR jiffinanzja, unikament fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża, il-programmi ta’ żvilupp rurali mwettqa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005.

L-impenji baġitarji fuq din il-bażi jsiru permezz ta’ porzjonijiet annwali fil-forma ta’ prefinanzjament, ħlasijiet intermedjarji u l-ħlas ta’ bilanċ. Il-ħlasijiet intermedjarji jsiru fil-livell ta’ kull programm ta’ żvilupp rurali, skont id-disponibbiltajiet baġitarji, fi ħdan il-limiti massimi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u miżjuda bl-ammonti b’ammonti ffissati mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti għall-ħlasijiet diretti lill-bdiewa u għas-suq tal-inbid. L-imsemmija ħlasijiet isiru taħt ċerti kundizzjonijiet, pereżempju, li jintbagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-ispejjeż u talba għall-ħlas iċċertifikati mill-aġenzija tal-pagamenti approvata. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta' dik id-dikjarazzjoni mar-regoli Komunitarji, il-Kummissjoni tista' tnaqqas jew tissospendi l-pagamenti.

F’każ ta’ irregolarità, il-finanzjament Komunitarju jiġi kkanċellat totalment jew parzjalment, jew meta l-fondi jkunu diġà tħallsu lill-benefiċjarju, jiġu rkuprati mill-aġenzija tal-pagamenti approvata. L-ammonti kkanċellati jew rkuprati jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru għal operazzjoni prevista fl-istess programm ta' żvilupp rurali.

Rigward il-ħlas tal-bilanċ, dan isir wara li jiġi riċevut rapport finali ta’ eżekuzzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ żvilupp rurali u tad-deċiżjoni ta' verifika korrispondenti. Jekk ma jintbagħtux id-dokumenti meħtieġa, dan iwassal għat-telf awtomatiku tal-bilanċ.

Kontroll mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tissorvelja l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi Komunitarji, b’mod partikolari permezz ta’ proċedura ta’ verifika tal-kontijiet f’żewġ stadji : verifika tal-kontabilità u verifika tal-konformità. L-Istati Membri għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni kull informazzjoni meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-fondi. Minbarra l-kontrolli li jsiru mill-Istati Membri b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni tista’ torganizza kontrolli fuq il-post. Fil-qafas tal-FAEG u tal-FAEŻR, il-pagamenti destinati għal Stat Membru jistgħu jitnaqqsu jew jiġu sospiżi meta jinstabu ċerti nuqqasijiet serji u persistenti.

L-ismijiet tal-benefiċjarji tal-fondi agrikoli għandhom jiġu ppubblikati a posteriori, flimkien mal-ammonti li jkunu rċevew.

REFERENZI

Att Dħul fis-seħħ Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri Ġurnal Uffiċjali
Regolament (KE) Nru 1290/2005

18.8.2005

ĠU L 209, 11.8.2005

Att(i) li jemenda(w) Dħul fis-seħħ Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri Ġurnal Uffiċjali
Regolament (KE) Nru320/2006

3.3.2006

ĠU L 58, 28.2.2006

Regolament (KE) Nru 378/2007

12.4.2007

ĠU L 95, 5.4.2007

Regolament (KE) Nru 1437/2007

15.12.2007

ĠU L 322, 7.12.2007

Regolament (KE) Nru 479/2008

13.6.2008

ĠU L 148, 6.6.2008

Regolament (KE) Nru 13/2009

16.1.2009

ĠU L 5, 9.1.2009

Regolament (KE) Nru 73/2009

1.2.2009

ĠU L 30, 31.1.2009

Regolament (KE) Nru 473/2009

9.6.2009

ĠU L 144, 9.6.2009

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) nru 1290/2005 ġew integrati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għal skopijiet ta' referenza.

ATTI RELATATI

Ammonti disponibbli u spejjeż mhux eliġibbli

Deċiżjoni 2008/321/KE [Ġurnal Uffiċjali L 109, 19.4.2008].
Din id-deċiżjoni tinkludi lista tal-ispejjeż mhux eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju minħabba n-nuqqas ta' konformità mar-regoli ta' finanzjament tal-PAK. L-esklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż, li saru mill-aġenziji tal-pagamenti ta’ ċerti Stati Membri bejn l-2002 u 2007 issegwi verifiki, diskussjonijiet bilaterali u proċeduri ta’ rikonċiljazzjoni u timplika t-tnaqqis tal-ammonti kkonċernati.

Deċiżjoni 2009/379/KE [Ġurnal Uffiċjali L 117, 12.5.2009].
Din id-deċiżjoni tiffissa l-ammonti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-FAEŻR u tal-FAEG għall-perjodu 2007-2013.

Proċedi ta' applikazzjoni

Regolament (KE) Nru 883/2006 [Ġurnal Uffiċjali L 171, 23.6.2006].
Dan ir-regolament jispeċifika l-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, fir-rigward tal-kontenut tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti, id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż u tad-dħul u l-kundizzjonijiet għar-rimbors tal-ispejjeż fil-qafas tal-FAEG u tal-FAEŻR.
Ara verżjoni kkonsolidata

Regolament (KE) nru 884/2006 [Ġurnal Uffiċjali L 171, 23.6.2006].
Dan ir-regolament jispeċifika l-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1290/2005, fir-rigward tal-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) ta’ miżuri ta’ intervent fil-forma ta’ ħażna pubblika u l-kontabilità tal-operazzjonijiet ta’ ħażna pubblika mill-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri.
Ara verżjoni kkonsolidata

Regolament (KE) Nru 885/2006 [Ġurnal Uffiċjali L 171, 23.6.2006].
Dan ir-regolament jispeċifika l-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1290/2005, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti u entitajiet oħrajn kif ukoll lil-verifika tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR.
Ara verżjoni kkonsolidata

Regolament (KE) Nru 259/2008 [Ġurnal Uffiċjali L 76, 19.3.2008].
Dan ir-regolament jispeċifika l-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1290/2005 fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-FAEG u tal-FAEŻR. Dawn għandhom jiġu ppubblikati fuq websajt uniku sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena u jinkludu d-dettalji personali tal-benefiċjarju u l-ammont riċevut.

Verifika tal-kontijiet

Regolament (KE) Nru 941/2008 [Ġurnal Uffiċjali L 254, 9.10.2009].
Dan ir-regolament jiddefinixxi l-forma u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-kontabilità li għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-verifika tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR, kif ukoll għall-finijiet ta’ segwitu u ta’ previżjonijiet.

Deċiżjoni 2009/373/KE [Ġurnal Uffiċjali L 116, 9.5.2009].
Id-deċiżjoni tippreżenta l-verifika tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEŻR għas-sena finanzjarja 2008.

Deċiżjoni 2009/367/KE [Ġurnal Uffiċjali L 111, 5.5.2009].
Id-deċiżjoni tippreżenta l-verifika tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEG għas-sena finanzjarja 2008.

Irregolaritajiet, Frodi u rkupru

Regolament (KE) Nru 1848/2006 [Ġurnal Uffiċjali L 355, 15.12.2006].
Dan l-att jippreżenta l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ investigazzjoni tal-Istati Membri f’każ ta’ frodi fir-rigward tal-finanzjament tal-politika agrikola komuni u jistabbilixxi sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam.

Inkjesti

Regolament (KE) Nru 78/2008 [Ġurnal Uffiċjali L 25, 30.1.2008].
Dan l-att jirrigwarda l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, għall-perjodu 2008-2013, permezz ta’ applikazzjonijiet ta’ skoperta awtomatika stabbiliti fil-qafas tal-politika agrikola komuni.

L-aħħar aġġornament: 10.09.2009
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna