RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

We are migrating the content of this website during the first semester of 2014 into the new EUR-Lex web-portal. We apologise if some content is out of date before the migration. We will publish all updates and corrections in the new version of the portal.

Do you have any questions? Contact us.


Prevenzjoni tat-tipjip

Din ir-rakkomandazzjoni hija maħsuba biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-ġlieda kontra t-tabakk bil-għan, b'mod partikolari, li jintensifikaw il-prevenzjoni tat-tipjip fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

ATT

Rakkomandazzjoni 2003/54/KE tal-Kunsill, tat-2 ta' Diċembru 2002, dwar il-prevenzjoni tat-tipjip u inizjattivi mmirati biex isaħħu l-ġlieda kontra t-tabakk [Ġurnal Uffiċjali L 22, 25.1.2003].

SINTEŻI

B'mod konformi mal-Artikolu 152 (DE) (EN) (FR) tat-Trattat KE, il-Komunità timmira li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika billi tikkumplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri. It-tipjip jibqa' l-akbar kawża ta' mortalità evitabbli fl-Ewropa. L-industrija tat-tabakk tippromwovi l-konsum tat-tabakk permezz ta' strateġiji ta' pubbliċità, ta' marketing u ta' promozzjoni, li b'hekk jikkontribwixxu biex iżidu r-rata tal-mortalità u tal-imwiet relatati mal-użu tal-prodotti tat-tabakk. Uħud minn dawn l-istrateġiji huma mmirati b'mod aktar partikolari lejn iż-żgħażagħ fl-età tal-iskola. L-istudji fil-fatt urew li 60 % ta' dawk li jpejpu jibdew ipejpu qabel l-età ta' tlettax-il sena u 90 % qabel l-età ta' tmintax-il sena. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li din ir-rakkomandazzjoni tirrigwarda b'mod aktar speċifiku l-prevenzjoni tat-tipjip fost it-tfal u l-adoloxxenti.

Il-miżuri proposti jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk li ġiet adottata fl-2001, kif ukoll dawk tad-direttiva dwar il-pubbliċità u l-isponsorship favur dawk il-prodotti adottata f'Mejju 2003. Il-leġiżlaturi Ewropew barra minn hekk żguraw li dawn il-miżuri jkunu koerenti ma' dawk stabbiliti mill-konvenzjoni qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (EN) (ES) (FR) għall-ġlieda kontra t-tabakk li, fil-mument tal-adozzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni, kienet għadha qed tiġi nnegozjata.

Tnaqqis tal-offerta ta' prodotti tat-tabakk lit-tfal u l-adoloxxenti

Ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri leġiżlattivi u/jew amministrattivi bil-għan li jostakolaw il-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk lit-tfal u l-adoloxxenti, b'mod partikolari bil-mezzi segwenti:

  • obbligu, għall-bejjiegħa tal-prodotti tat-tabakk, li jiżguraw li x-xerrejja jkunu laħqu l-età minima ffissata mil-liġijiet nazzjonali;
  • irtirar tal-prodotti tat-tabakk minn self-service counters;
  • limitazzjoni ta' aċċess għall-magni tal-bejgħ;
  • limitazzjoni ta' bejgħ remot, b'mod partikolari permezz tal-Internet;
  • projbizzjoni tal-bejgħ ta' ħelu u ġugarelli għat-tfal u mmanifatturati bl-intenzjoni li l-prodott u/jew l-ippakkjar tiegħu jingħataw id-dehra ta' prodott tat-tabakk;
  • projbizzjoni tal-bejgħ ta' sigaretti bil-waħdiet jew f'pakketti ta' inqas minn 19-il sigarett.

Restrizzjoni tal-pubbliċità u l-promozzjoni ta' prodotti tat-tabakk

Ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri intiżi biex jipprojbixxu l-forom ta' pubbliċità u ta' promozzjoni segwenti:

  • l-użu ta' marki tat-tabakk fuq prodotti jew servizzi minbarra dawk tal-industrija tat-tabakk;
  • l-użu ta' oġġetti promozzjonali (ashtrays, lajters, umbrelel, eċċ.) u kampjuni tat-tabakk;
  • l-użu u l-komunikazzjoni ta' tekniki ta' promozzjoni tal-bejgħ bħal souvenirs, rigali, premji jew possibiltajiet ta' parteċipazzjoni f'konkorsi jew logħba promozzjonali;
  • l-użu ta' tabelli, sinjali jew tekniki oħrajn ta' pubbliċità fuq ġewwa jew fuq barra (ħlief għall-pubbliċità fuq il-magni tal-bejgħ tal-prodotti tal-prodotti tat-tabakk);
  • il-pubbliċità fiċ-ċinemas.

Miżuri fil-konfront tal-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk

L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu miżuri biex jobbligaw lill-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk li jiddikjaraw l-ispejjeż li huma japprovaw għall-pubbliċità, il-marketing, sponsorship u kampanji ta' promozzjoni.

Protezzjoni kontra t-tipjip passiv

L-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi b'mod li jiżguraw protezzjoni xierqa kontra t-tipjip passiv fuq il-post tax-xogħol, f'postijiet pubbliċi magħluqa u fil-mezzi ta' trasport komuni. B'mod partikolari, huwa rakkomandat li tingħata attenzjoni prijoritarja lill-istabbilimenti tat-tagħlim, l-istabbilimenti li jipprovdu kura tas-saħħa u dawk li jipprovdu servizzi għat-tfal.

Miżuri oħrajn

Ir-rakkomandazzjoni tfakkar lill-Istati Membri biex isaħħu l-programmi intiżi biex jiskoraġġixxu l-użu inizjali tat-tabakk u biex jingħeleb il-vizzju tat-tabakk. Huma mħeġġa wkoll biex jadottaw u jimplimentaw miżuri adattati dwar il-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk sabiex jiskoraġġixxu l-konsum tat-tabakk.

Segwitu

Kull sentejn, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar is-segwitu ta' din ir-rakkomandazzjoni. Sa mhux aktar tard minn sena wara li tirċievi dik l-informazzjoni mingħand l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti li fihom hija tista' tipprevedi l-ħtieġa ta' azzjonijiet ġodda.

ATTI RELATATI

Direttiva 2003/33/CE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-reklamar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk [Ġurnal Uffiċjali L 152, 20.6.2003].
Dik id-direttiva għandha l-għan li tippojbixxi l-pubbliċità favur it-tabakk fl-istampa, fuq il-mezzi tax-xandir u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, kif ukoll l-isponsorship ta' manifestazzjonijiet li jkollhom effett transkonfinali u li huma intiżi biex jippromwovu l-prodotti tat-tabakk.

Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk [Ġurnal Uffiċjali L 194, 18.7.2001].
Din id-direttiva tirregola l-manfattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk fl-Istati Membri tal-UE. Din tirrigwarda b'mod partikolari r-riklami fuq il-pakketti, il-projbizzjoni ta' indikazzjonijiet bħal “mild” jew “light”, il-kontenut massimu tas-sigaretti f'termini ta' nikotina, tartru u monossid tal-karbonju, u l-projbizzjoni ta' tabakk b'użu orali.

L-aħħar aġġornament: 30.05.2006
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna