EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kwalità tal-ilmijiet tal-kultivazzjoni tal-molluski

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2006/113/KE dwar il-kwalità ambjentali għall-ilmijiet tal-kultivazzjoni tal-molluski

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • L-Unjoni Ewropea (UE) tistabbilixxi kriterji ta’ kwalità obbligatorji għall-ilmijiet tal-kultivazzjoni tal-molluski tal-pajjiżi tal-UE.
  • B’dan il-mod, hi tfittex li tissalvagwardja ċerti molluski mill-effetti ta’ ħsara ta’ skariki ta’ sustanzi niġġiesa fl-ibħra.

PUNTI EWLENIN

Ilmijiet

Id-direttiva tikkonċerna l-kwalità tal-ilmijiet tal-kultivazzjoni tal-molluski, jiġifieri l-ilmijiet adatti għall-iżvilupp tal-molluski (molluski bivalvi u gastropodi).

Hija tapplika għal dawk l-ilmijiet kostali u salmastri li jeħtieġu protezzjoni jew titjib sabiex iħallu lill-molluski jiżviluppaw u jikkontribwixxu għall-kwalità għolja ta’ prodotti ta’ molluski intenzjonati għall-konsum mill-bniedem.

Deżinjazzjoni

Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli biex jiddeżinjaw l-ilmijiet tal-kultivazzjoni tal-molluski. Il-lista ta’ ilmijiet iddisinjati tista’ tiġi emendata biex tqis fatturi mhux previsti fil-ħin tad-deżinjazzjoni.

Jekk l-ilmijiet immedjatament maġenb il-fruntieri ma’ pajjiżi ġirien tal-UE huma ddeżinjati bħala ilmijiet tal-kultivazzjoni tal-molluski, dawn il-pajjiżi għandhom jiġu kkonsultati.

Kriterji tal-kwalità

Id-direttiva tistabbilixxi parametri applikabbli għall-ilmijiet iddeżinjati tal-kultivazzjoni tal-molluski, valuri indikattivi, valuri mandatorji, metodi ta’ referenza ta’ analiżi u l-frekwenza minima għat-teħid ta’ kampjuni u miżuri.

Il-parametri applikabbli għall-ilmijiet tal-kultivazzjoni tal-molluski huma stabbiliti għall-:

  • pH,
  • it-temperatura,
  • il-kolorazzjoni,
  • is-solidi sospiżi,
  • is-salinità,
  • l-ossiġnu dissolt u
  • l-preżenza jew il-konċentrazzjoni ta’ ċerti sustanzi (idrokarburi, metalli, sustanzi organoaloġenati).

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji, pajjiżi tal-UE jistabbilixxu l-valuri li magħhom għandhom jikkonformaw l-ilmijiet iddeżinjati għall-kultivazzjoni tal-molluski. Dawn il-valuri limiti jistgħu jkunu iktar stretti minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva. Għal metalli jew sustanzi organoaloġenati, dawn il-valuri għandhom jirrispettaw ir-regoli ta’ emmissjoni stabbiliti oriġinarjament b’mod konformi mad-Direttiva 2006/11/KE dwar tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità (u mill-2013, inkorporata fid-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma).

Il-pajjiżi tal-UE kellhom jistabbilixxu programmi li jħalluhom jikkonformaw mal-valuri limiti li stabbilixxew f’6 snin ta’ deżinjazzjoni.

Kampjuni

L-awtoritajiet kompetenti għal kull pajjiż tal-UE għandhom jieħdu kampjuni mill-ilmijiet biex jivverifikaw il-konformità tagħhom mal-kriterji stabbiliti mid-direttiva. Il-proporzjonijiet li ġejjin ta’ kampjuni għandhom jikkonformaw mal-valuri stabbiliti:

  • 100 % tal-kampjuni għall-parametri “sustanzi organoaloġenati” u “metalli”;
  • 95 % tal-kampjuni għall-parametri “salinità ” u “ossiġnu dissolt”;
  • 75 % tal-kampjuni għall-parametri l-oħrajn.

Dispensi

Fil-każ ta’ diżastru, tista’ tingħata dispensa speċjali li tikkonċerna l-osservanza tal-valuri tal-limitu u l-kriterji stabbiliti.

Il-kampjuni jistgħu jittieħdu b’mod inqas frekwenti jekk il-kwalità tal-ilma tkun b’mod apprezzabbli ogħla milli kienet tkun li kieku l-kriterji stabbiliti f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE kienu ġew applikati.

Fil-każ ta’ non-konformità mal-valuri tal-limitu jew il-kriterji stabbilti, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex riżultat b’kumbinazzjoni, fenomenu naturali jew tniġġis u għandha tieħu l-miżuri xierqa. Dawn il-miżuri ma jistgħu bl-ebda mod iwasslu għal tniġġis miżjud tal-ilmijiet kostali u salmastri.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2006/113/KE, li ħadet post id-Direttiva 79/923/KEE, kellha tiġi inkorporata f'liġi nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE sas-6 ta’ Novembru 1981.

SFOND

Id-Direttiva 2006/113/KE ġiet revokata bid-Direttiva 2000/60/KE (id-Direttiva tal-Qafas tal-Ilma) fl-2013. Ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2006/113/KE, partikolarment rigward il-mikrobijoloġija u l-parametri fiżiċi-kimiċi ta’ relevanza għall-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara, ġew integrati fid-Direttiva tal-Qafas tal-Ilma.

ATT

Id-Direttiva 2006/113/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kwalità meħtieġa għall-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 376, 27.12.2006, pp. 14–20)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/113/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATT RELATAT

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, pp. 1–73). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 08.05.2016

Top