EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehimiet mal-Kanada dwar materji doganali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/18/KE biex jiġi konkluż il-ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar materji doganali

Il-ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar materji doganali

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/941/UE dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista

Il-ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET U TAL-FTEHIMIET?

  • Id-Deċiżjoni 98/18/KE tfittex li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali*.
  • Skont il-ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar materji doganali, il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jżidu l-livell ta’ kooperazzjoni doganali, b’mod partikolari billi jissimplifikaw u jarmonizzaw il-proċeduri tagħhom.
  • Id-Deċiżjoni 2014/941/UE timmira li testendi l-ftehim oriġinali dwar materji doganali bi ftehim ġdid sabiex tkopri s-sigurtà tal-katina tal-provvista.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar materji doganali

Kooperazzjoni doganali

Il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw kooperazzjoni doganali billi:

  • jissimplifikaw u jarmonizzaw il-proċeduri doganali tagħhom;
  • jeżaminaw modi kif isolvu problemi relatati mad-dwana;
  • jiskambjaw il-persunal;
  • jikkompjuterizzaw il-proċeduri u l-formalitajiet doganali.

Assistenza amministrattiva reċiproka

Il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jassistu lil xulxin, jew fuq talba jew fuq inizjattiva tagħhom stess. Huma jikkondividu l-informazzjoni kollha xierqa li tgħin sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni doganali u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kwalunkwe ksur ta’ tali leġiżlazzjoni. Sabiex jiksbu dan, huma jikkomunikaw lil xulxin kwalunkwe teknika ta’ infurzar tal-liġi doganali ġodda u kwalunkwe xejra u mezz ġdid ta’ twettiq ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.

L-awtoritajiet doganali jipprovdu wkoll lil xulxin b’informazzjoni dwar l-operazzjonijiet, lesti jew ippjanati, li jidhru li jikkostitwixxu ksur ta’ leġiżlazzjoni doganali fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra.

Assistenza fuq talba

L-awtorità li ssirilha t-talba* tinforma lill-awtorità applikanti* bil-leġiżlazzjoni u l-proċeduri doganali applikabbli fit-territorju tagħha u li jkunu rilevanti għad-domandi fir-rigward ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali. Din l-informazzjoni tista’ tkun relatata mal-leġittimità tal-proċeduri għall-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ oġġetti bejn iż-żewġ partijiet kontraenti u l-proċedura doganali applikata.

Il-ftehim jipprovdi wkoll għal sorveljanza speċjali tal-persuni li jkunu wettqu ksur tal-leġiżlazzjoni doganali jew li jkun hemm suspett li għamlu dan. Din is-sorveljanza tista’ tiġi applikata wkoll għall-oġġetti li jwasslu għal traffikar illeċitu u għat-trasport u l-post użat għal dan il-għan.

Assistenza spontanja

Waħda miż-żewġ partijiet tista’ tipprovdi informazzjoni fuq inizjattiva tagħha f’każijiet serji li jistgħu jinvolvu dannu sostanzjali lill-ekonomija, lis-saħħa pubblika, lis-sigurtà pubblika jew lil kwalunke interess vitali ieħor tal-parti kontraenti l-oħra.

Aspetti formali u eċċezzjonijiet għall-assistenza

  • It-talbiet iridu jsiru bil-miktub, ħlief f’każijiet urġenti fejn isiru talbiet orali, u jiġu kkonfermati bil-miktub wara. It-talbiet irid ikun fihom:
    • data dwar l-awtorità doganali applikanti;
    • il-miżura mitluba;
    • l-objettiv tat-talba u r-raġuni warajha;
    • il-leġiżlazzjoni involuta; u
    • d-dettalji tal-individwi li jkunu soġġetti għall-investigazzjoni.
  • Il-parti mitluba tista’ tirrifjuta milli tipprovdi assistenza jekk biex tagħmel dan ikun probabbli li tippreġudika s-sovranità, il-politika pubblika, is-sigurtà jew interess essenzjali ieħor ta’ waħda mill-partijiet. L-obbligu li tiġi pprovduta assistenza jista’ jiġi wkoll pospost għar-raġuni li jinterferixxi ma’ investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċess li jkunu għadhom għaddejjin.
  • Il-ftehim fih klawżoli ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tal-informazzjoni fornuta. Jingħata livell għoli ta’ protezzjoni lid-data personali.
  • Il-ftehim jipprovdi għall-istabbiliment ta’ Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali li jieħu ħsieb il-funzjonament xieraq ta’ dan il-ftehim u jeżamina l-materji kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tiegħu.

Il-kooperazzjoni doganali fir-rigward tas-sigurtà tal-katina tal-provvista

  • Skont id-Deċiżjoni 2014/941/UE, il-kooperazzjoni doganali bejn il-partijiet ġiet estiża biex tkopri s-sigurtà tal-katina tal-provvista. Skont dan il-ftehim, l-UE u l-Kanada fittxew li jiżguraw il-katina tal-loġistika filwaqt li fl-istess ħin jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu.
  • Aspetti koperti mill-ftehim jinkludu:
    • it-tfassil ta’ standards minimi għall-ġestjoni tar-riskju;
    • il-ħidma lejn rikonoxximent reċiproku tat-tekniki tal-immaniġġjar tar-riskju, l-istandards tar-riskju, il-kontrolli tas-sigurtà, is-sigurtà tal-kontenituri u programmi ta’ sħubija kummerċjali, inklużi miżuri tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti;
    • il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista u ġestjoni tar-riskju skont ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità tad-data u tal-protezzjoni tad-data personali;
    • l-introduzzjoni ta’ interfaċċa għall-kondiviżjoni tad-data, inkluż għall-wasla minn qabel jew għat-tluq minn qabel tad-data;
    • l-iżvilupp ta’ strateġija li tippermetti sħubiji doganali kooperattivi fir-rigward tal-ispezzjoni tal-merkanzija.

META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONIJIET U L-FTEHIMIET?

Id-Deċiżjoni 98/18/KE ilha tapplika mis-27 ta’ Novembru 1997. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1998.

Id-Deċiżjoni 2014/94/UE ilha tapplika mis-27 ta’ Ġunju 2013. Il-ftehim dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Leġiżlazzjoni doganali: fl-UE, din tinkludi r-regoli kollha li jirregolaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-tranżitu ta’ oġġetti u t-tqegħid tagħhom taħt kwalunkwe proċedura doganali, inklużi miżuri ta’ projbizzjoni, restrizzjoni u kontroll. Fil-Kanada, id-definizzjoni hija usa’. Din tinkludi r-regoli statutorji u regolatorji f’din iż-żona, li l-amministrazzjoni u l-infurzar tagħhom hija responsabbli għalihom l-awtorità doganali, fi kliem ieħor it-taqsimiet kompetenti tad-Dipartimenti tad-Dħul Nazzjonali, kif ukoll kwalunkwe regolament adottat mill-awtorità doganali skont is-setgħat statutorji tagħha.
L-awtorità li ssirilha t-talba: l-awtorità doganali kompetenti li tirċievi talba għall-assistenza.
L-awtorità applikanti: l-awtorità doganali kompetenti li tagħmel talba għall-assistenza.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/18/EC tas-27 ta’ Novembru 1997 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada dwar koperazzjoni u assistenza doganali reċiproka fuq affarijiet doganali (ĠU L 7, 13.1.1998, p. 37)

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali u l-għajnuna reċiproka dwar materji doganali (ĠU L 7, 13.1.1998, pp. 38-45)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/941/UE tas-27 ta’ Ġunju 2013 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali fir-rigward ta’ materji relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista (ĠU L 367, 23.12.2014, pp. 8-9)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali fir-rigward ta’ materji relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista (ĠU L 367, 23.12.2014, pp. 10-13)

l-aħħar aġġornament 07.11.2017

Top