EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Mandati tal-qorti li jiffriżaw l-assi kriminali jew evidenza — rikonoxximent barra mill-pajjiż

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Deċiżjoni Kwadru 2003/577/JHA — dwar it-twettiq tal-mandati tal-iffrizar barra mill-pajjiż

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI KWADRU?

  • Hija tistabbilixxi regoli għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni minn pajjiż tal-UE ta’ mandat għall-iffrizar maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ pajjiż ieħor tal-UE fi proċeduri kriminali. Hija tkopri wkoll l-iffrizar tal-evidenza.
  • Hija taħdem flimkien mad-Deċiżjoni Kwadru 2006/783/JHA dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ mandati ta’ konfiska li ċċaħħad lill-kriminali mill-assi tagħhom, anke meta jkunu miżmumin f’pajjiż ieħor tal-UE.
  • Minn Mejju 2017, ir-regoli ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru li jittrattaw l-iffriżar tal-evidenza sejrin jiġu sostitwiti bid-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali.

PUNTI EWLENIN

X’inhu mandat ta' ffriżar?

Huwa mandat temporanju minn awtorità ġudizzjarja biex jipprevjeni milli kriminali jaħbu, jbiegħu jew jużaw proprjetà, dokument jew dejta fl-attività kriminali.

Din id-deċiżjoni tapplika għall-iffrizar ta’ mandati maħruġa għall-finijiet ta’:

  • elementi li jiżguraw li jistgħu jintużaw bħala evidenza fi proċedura kriminali, jew
  • mandati ta’ konfiska sussegwenti biex id-delinkwenti jitwaqqfu b'mod permanenti milli jibbenefikaw mill-aġir kriminali tagħhom u jipprevjenu milli proprjetà kriminali tintuża għal skopijiet ta' ħasil ta' flus jew tiġi investita mill-ġdid, li potenzjalment tinstiga aktar kriminalità.

Reati

Numru ta’ reati serji ma jeħtiġux kontroll għal kriminalità doppja - jiġifieri li r-reat ikun delitt kemm fil-pajjiż tal-UE li joħroġ il-mandat (pajjiż tal-ħruġ) kif ukoll f'dak li jkun qed jimplimentah (pajjiż eżekutur). Ir-reat madankollu, għandu jkun punibbli fil-pajjiż emittenti b’sentenza ħabs ta’ perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin. Ir-reati jinkludu:

  • parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali,
  • terroriżmu,
  • korruzzjoni u frodi,
  • traffikar tal-bnedmin,
  • razziżmu,
  • stupru.

Rikonoxximent u implimentazzjoni

L-awtorità ġudizzjarja tal-pajjiż tal-ħruġ tibgħat ċertifikat lill-awtorità ġudizzjarja tal-pajjiż eżekutur li jitlob l-eżekuzzjoni tal-mandat. Il-pajjiż li jeżegwixxi għandu:

  • jirrikonoxxi l-mandat mingħajr aktar formalità u jieħu l-miżuri neċessarji għat-twettiq immedjat tiegħu;
  • josserva l-formalitajiet u l-proċeduri stabbiliti mill-Istat emittenti fit-twettiq tal-mandat għall-iffriżar, sakemm ma jkunux kuntrarji għall-prinċipji fundamentali tal-liġi fl-Istat tal-implimentazzjoni.

Non rikonoxximent jew non twettiq

l-istat eżekutur jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi jew iwettaq mandat jekk:

  • iċ-ċertifikat ma jiġix preżentat, mhuwiex komplut jew manifestament ma jkunx jikkorispondi mal-mandat għall-iffriżar;
  • hemm immunità jew privileġġ taħt il-liġi tal-istat eżekutur li jagħmilha impossibbli li jiġi eżegwit mandat ta’ ffriżar;
  • ikun ċar mill-ewwel mit-tagħrif ipprovdut fiċ-ċertifikat li kwalunkwe assistenza ta’ għajnuna ġudizzjarja tikser il-prinċipju legali li proċeduri l-ġodda ma jistgħux jitressqu jekk sentenza finali tkun diġà ngħatat għall-istess fatti;
  • l-att li fuqu l-mandat tal-iffriżar huwa bbażat mhuwiex reat taħt il-liġi tal-istat eżekutur sakemm:
    • huwa elenkat fost l-offiżi serji li għalihom it-twettiq huwa awtomatiku,
    • għandu x'jaqsam ma’ taxxi jew dazji, dwana u kambju.

Posponiment tal-eżekuzzjoni

L-eżekuzzjoni tal-mandat jista’ jiġi pospost fejn:

  • jista' jagħmel ħsara lill-investigazzjoni kriminali li tkun għadha għaddejja;
  • il-proprjetà jew l-evidenza kkonċernati jkunu diġà ġew soġġetti għall-mandati ta’ ffriżar fi proċeduri kriminali;
  • il-proprjetà tkun diġà soġġetta għal mandat fi proċedura oħra fl-istat eżekutur. Madankollu, it-tali mandat għandu jkollu prijorità fuq xi mandati tal-iffriżar nazzjonali futuri fi proċedimenti kriminali taħt il-liġi nazzjonali.

Il-partijiet interesati

Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li kwalunkwe parti interessata affettwata mill-mandat tal-iffriżar, inklużi partijiet terzi leġittimi, ikollha aċċess għal rimedji legali biex jipproteġu l-interessi leġittimi tagħhom, mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-mandat jiġi sospiż.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Daħal fis-seħħ fit-2 ta' Awwissu 2003. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawh fil-liġi nazzjonali sat-2 ta' Awwissu 2005.

SFOND

Konfiska u l-iffriżar tal-assi

ATT

Id-Deċiżjoni Kwadra tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45–55)

Rettifika għad-Deċiżjoni Kwadra tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU L 196, 2.8.2003) (ĠU L 374, 27.12.2006, p. 20)

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni Kwadra tal-Kunsill 2006/783/JHA tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għall-mandati ta’ konfiska (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59-78)

Rapport mill-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw proprjetà jew evidenza (COM(2008) 885 final tat-22.12.2008)

Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, pp. 1-36)

l-aħħar aġġornament 25.01.2016

Top