EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra: investigazzjoni u prosekuzzjoni

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni 2003/335/JHA – investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

Din tistabbilixxi qafas biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ awturi reali jew suspettati ta’ ġenoċidju*, delitti kontra l-umanità* u delitti tal-gwerra*.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi meta jkun hemm suspett li applikant għal permess ta’ residenza jkun wettaq kwalunkwe wieħed mid-delitti elenkati hawn fuq. L-awtoritajiet imbagħad jistgħu jibdew proċeduri kriminali f’pajjiż tal-UE jew fil-qrati kriminali internazzjonali.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jgħinu lil xulxin fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tad-delitti. Sabiex jgħinu b’dak il-proċess, huma jistgħu jistabbilixxu unitajiet speċjalisti fi ħdan l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħhom.
  • Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jikkoordinaw l-isforzi li jkunu għaddejjin sabiex jinvestigaw u jħarrku lill-persuni ssuspettati li jkunu wettqu jew ipparteċipaw fid-delitti msemmija hawn fuq. Il-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ewropew għall-Ġenoċidji għandhom jiltaqgħu f’intervalli regolari sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar l-esperjenzi, il-prattiki u l-metodi. Dawn il-laqgħat jistgħu jsiru fl-istess ħin mal-laqgħat fi ħdan in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.
  • Din id-deċiżjoni tgħin fl-implimentazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, li għandu l-għan li jiżgura li l-ebda wieħed mid-delitti elenkati hawn fuq ma għandu jitħalla mingħajr kastig.
  • In-netwerk Eurojust jgħin fil-proċess ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mill-14 ta’ Mejju 2003.

SFOND

Wara l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra li saru fir-Rwanda u f’dik li qabel kienet il-Jugoslavja, it-Tribunali Kriminali Internazzjonali qed jinvestigaw, iħarrku u jressqu lill-atturi quddiem il-ġustizzja. Madankollu, biex l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ tali delitti jkunu ta’ suċċess, hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib fil-livelli internazzjonali.

TERMINI EWLENIN

* Ġenoċidju: atti mwettqa bil-ħsieb li jinqered, kompletament jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż.

* Delitti kontra l-umanità : atti mwettqa bħala parti minn attakk mifrux u sistematiku dirett kontra popolazzjonijiet ċivili.

* Delitti tal-gwerra: atti mwettqa bi ksur tal-liġi tal-gwerra (eż. l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra). Eżempji jinkludu t-trattament ħażin ta’ priġunieri tal-gwerra, il-qtil ta’ ostaġġi, jew il-qerda intenzjonata ta’ bliet, irħula jew villaġġi.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/JHA tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra (ĠU L 118, 14.5.2003, pp. 12–14)

l-aħħar aġġornament 28.06.2016

Top