EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Identifikatur Ewropew tal-Każistika

 

SOMMARJU TA’:

Pjan ta’ Azzjoni Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika 2019-2023

Konklużjonijiet tal-Kunsill li jistiednu l-introduzzjoni tal-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI) u sett minimu ta’ metadata uniformi għall-każistika

L-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-PJAN TA’ AZZJONI, IL-KONKLUŻJONIJIET U TAL-ARTIKOLU TAT-TRATTAT?

Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika 2019-2023 jibni fuq il-pjan ta’ azzjoni tal-UE tal-Ġustizzja elettronika 2014-2018 li issa ntemm. It-tnejn jirriflettu l-importanza ta’ aċċess transkonfinali għall-każistika* nazzjonali, il-ħtieġa għal standardizzazzjoni u teknoloġija deċentralizzata.

Din il-konklużjoni sejħet għall-introduzzjoni ta’ Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI) u għal sett minimu ta’ metadata* uniformi għall-każistika.

Il-konklużjonijiet huma bbażati fuq l-Artikolu 67(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-artikolu jistabbilixxi illi l-UE għandha tikkonsisti fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

L-aċċess għall-każistika huwa ta’ importanza vitali għall-istat tad-dritt — wieħed mill-valuri ewlenin tal-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan l-aċċess:

  • jiżgura l-iskrutinju tal-ġudikatura mill-pubbliku;
  • jgħin biex il-ġudikatura ssir aktar trasparenti; u
  • iżomm lill-pubbliku infurmat dwar l-iżviluppi fil-liġi.

Il-każistika tal-qrati nazzjonali hija sors sinifikanti ta’ informazzjoni dwar is-sistemi legali tal-pajjiżi tal-UE iżda wkoll dwar id-dritt tal-Unjoni. Minbarra l-problemi relatati mal-lingwa, in-nuqqas ta’ identifikaturi ta’ każistika uniformi kien ostaklu għar-riċerka transkonfinali dwar kwistjonijiet legali. Iċ-ċittadini, il-professjonisti legali u l-awtoritajiet nazzjonali għalhekk kellhom bżonn għodda li tippermetti li l-każistika nazzjonali u tal-UE tkun imfittxija faċilment u ċċitata b’mod ċar.

L-għan ta’ dan ma kienx li tinħoloq database Ewropea ċentralizzata dwar il-każistika nazzjonali. Minflok, ġiet stabbilita sistema komuni għall-identifikazzjoni u għall-metadata tal-każistika.

Il-konklużjonijiet għalhekk stiednu lill-pajjiżi tal-UE biex jistabbilixxu fuq bażi volontarja:

  • sett minimu ta’ metadata uniformi: il-Kunsill tal-UE fassal lista ta’ metadata, bħall-isem sħiħ tal-qorti, il-pajjiż fejn il-qorti jew it-tribunal għandu s-sede u d-data tad-deċiżjoni, li għandhom jakkumpanjaw kull dokument li huwa istanza ta’ sentenza;
  • l-ECLI: dan l-identifikatur standard li jippermetti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jiġu identifikati aktar faċilment jinkludi 5 elementi obbligatorji
    • “ECLI”: biex jidentifika l-identifikatur bħala Identifikatur Ewropew tal-Każistika;
    • il-kodiċi tal-pajjiż;
    • il-kodiċi tal-qorti li tat is-sentenza;
    • is-sena li ngħatat is-sentenza;
    • numru, sa 25 karattru alfanumeriku, f’format li jiġi deċiż minn kull pajjiż tal-UE;
    • colons (:) huma użati biex jisseparaw dawn l-elementi. L-ebda marka ta’ punteġġjatura oħra mhi permessa.

Kull pajjiż parteċipanti tal-UE għandu jaħtar organizzazzjoni governattiva jew ġudizzjarja bħala l-Koordinatur tal-ECLI nazzjonali tiegħu. Il-qrati u t-tribunali f’pajjiż wieħed jistgħu jissieħbu fis-sistema fi kwalunkwe ħin. L-ECLI ġie implimentat ukoll mill-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (li taġixxi wkoll bħala koordinatur tal-ECLI għall-UE). Identifikatur Ewropew huwa assenjat għas-sentenzi kollha mogħtija, mhux biss għal dawk ippubblikati fuq l-internet.

Il-benefiċċji tal-ECLI jinkludu:

  • ċitazzjoni aktar faċli tal-każistika u inqas ħin moħli minn professjonisti legali u akkademiċi biex jirriċerkawha;
  • magna tat-tiftix ECLI multilingwi li tippermetti lill-utenti jsibu deċiżjonijiet ġudizzjarji mid-databases ta’ dawk il-pubblikaturi tal-każistika li implimentaw l-istandard ECLI u pprovdew aċċess għad-data tagħhom;
  • applikazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE mill-imħallfin nazzjonali minħabba li jistgħu jsibu l-każistika rilevanti aktar faċilment;
  • fehim reċiproku msaħħaħ fost il-komunitajiet legali fil-pajjiżi tal-UE.

F’Diċembru 2018, il-Kunsill adotta l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp tal-ġustizzja elettronika li se jdum għall-perjodu 2019-2023. Ix-xogħol relatat mal-ġustizzja elettronika se jiffoka fuq 3 għanijiet:

  • itejjeb l-aċċess għall-informazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja;
  • ikompli d-diġitalizzazzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji u extraġudizzjarji biex joffri aċċess aktar faċli u veloċi għal deċiżjonijiet tal-qorti; u
  • jiżgura tal-implimentazzjoni teknika u l-ġestjoni tas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja elettronika li jippermettu l-interkonnessjoni u l-interoperabilità bejn is-sistemi tal-pajjiżi tal-UE.

SFOND

Informazzjoni dwar ECLI tista’ tinstab fuq il-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Il-portal jipprovdi informazzjoni dwar il-format u l-użu tal-identifikatur, kif ukoll dwar il-metadata u l-koordinaturi nazzjonali. Dan jippermetti wkoll aċċess għall-interfaċċja tat-tiftix tal-ECLI. Din l-interfaċċja mhix maħsuba biex tkun bażi ta’ data fuq livell Ewropew iżda sempliċement tippermetti li ssir tfittxija, bl-użu tal-ECLI u ċerti metadata, tal-bażi ta’ data u siti web nazzjonali konnessi bejniethom.

TERMINI EWLENIN

Każistika: id-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha relatati ma’ mistoqsija ġudizzjarja partikolari.
Metadata: fit-teknoloġija tal-informazzjoni, din tirrelata għal data li tiddeskrivi data oħra, pereżempju billi tipprovdi informazzjoni dwar id-data ta’ pubblikazzjoni jew dwar l-awtur tad-data. Għalhekk il-metadata tagħmilha aktar faċli biex tikkonsulta l-informazzjoni. Huma jtejbu wkoll ir-rilevanza tar-riżultati murija mill-magni tat-tiftix.

DOKUMENTI EWLIENI

Pjan ta’ Azzjoni 2019-2023 Ġustizzja Elettronika Ewropea (ĠU C 96, 13.3.2019, p. 9-32)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu V — L-Ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kapitolu 1 — Dispożizzjonijiet Ġenerali — Artikolu 67 (ex Artikolu 61 TKE u ex Artikolu 29 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 73)

Konklużjonijiet tal-Kunsill li jistiednu għall-introduzzjoni tal-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI) u sett minimu ta’ metadata uniformi għall-każistika (ĠU C 127, 29.4.2011, p 1-7)

DOKUMENTI RELATATI

Strateġija 2019-2023 fuq il-Ġustizzja Elettronika (ĠU C 96, 13.3.2019, p. 3-8)

Pjan ta’ Azzjoni Ewropew Pluriennali dwar il-Ġustizzja Elettronika 2014-2018 (ĠU C 182, 14.6.2014, p. 2-13)

l-aħħar aġġornament 29.04.2019

Top