Identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (ELI)
Minħabba d-diversità tad-dejta legali tal-Istati Membri, kemm fil-livell reġjonali u f'dak nazzjonali, kif ukoll fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE), jeħtieġ li jiġi żgurart li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b'aċċess faċli u effiċjenti għall-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll dwar dik Ewropea. L-identifikatur Ewropew tal-leġiżlazzjoni (ELI) jipprovdi aċċess faċli u rapidu għal din l-informazzjoni, bil-għan li jikkontribwixxi għat-twettiq taż-żona komuni tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja.
ATT
Konklużjonijiet tal-Kunsill li jitolbu li jiġi introdott ta' identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (ELI) (Ġurnal Uffiċjali C 325, 26.10.2012).
SOMMARJU
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jinkludu l-istabbiliment ta' identifikatur Ewropew tal-leġiżlazzjoni (ELI), imfassal sabiex jipprovdi aċċess faċli għall-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) u tal-Istati Membri.
Liema huwa r-rwol tal-identifikatur Ewropew tal-leġiżlazzjoni (ELI)?
Fuq livell Ewropew, l-iskambju tad-dejta dwar il-leġiżlazzjoni żviluppa b'mod konsiderevoli. Din id-dejta tirriżulta l-aktar minn sorsi reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Madankollu, l-iskambju ta' din id-dejta huwa impedut minn disparitajiet bejn is-sistemi legali fil-livell tal-Istati Membri u dak tal-Unjoni Ewropea.
Il-ħolqien ta' ELI jippermetti li ssir referenza għal testi leġiżlattivi Ewropej u nazzjonali b'mod armonizzat u stabbli, u li b'hekk tinkiseb sistema ta' riċerka u ta' skambju ta' dejta aktar rapida u effikaċi, aċċessibbli għaċ-ċittadini, jew għal utenti speċifiċi bħalma huma l-leġiżlaturi, il-maġistrati jew l-avukati.
Kif jaħdem l-ELI?
L-ELI huwa l-ewwelnett ibbażat fuq l-użu ta' identifikaturi uniċi, li jisimhom URI (Uniform Resource Identifier, identifikaturi uniformi tar-riżorsi) u t-tieninett fuq serje ta' metadata strutturata sabiex issir referenza għal testi leġiżlattivi Ewropej u nazzjonali. Finalment, sabiex jinkiseb il-benefiċċju sħiħ mill-web semantiku, ELI huwa bbażat fuq l-istabbiliment ta' lingwa speċifika għall-iskambju ta' din l-informazzjoni.
Madankollu, l-Istati Membri għandhom il-possibilità li jkomplu jiġġestixxu l-informazzjoni ta' natura leġiżlattiva skont kif iridu huma.
Xi jridu jagħmlu l-Istati Membri biex jimplimentaw l-ELI?
L-implimentazzjoni tal-ELI hija fakultattiva. L-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jistgħu jiddeċiedu li jimplimentaw dan l-identifikatur b'mod volontarju u progressiv, b'tal-ewwel diġà qed isir f'ċerti Stati Membru u fuq livell Ewropew. Sabiex jagħmlu dan, huma jridu:
- japplikaw ELI għat-testi leġiżlattivi Ewropej u nazzjonali ppubblikati fil-ġurnali uffiċjali, jew fil-bażijiet ta' dejta tagħhom u fis-sistemi ta' informazzjoni legali li huma jużaw;
- jipprovdu t-testi leġiżlattivi b'identifikatur uniku u xi metadata li tista' tinkludi, fost oħrajn, it-tip ta' leġiżlazzjoni, is-suġġett, l-applikazzjoni territorjali u d-data tad-dokument;
- jaħtru koordinatur għal ELI;
- jikkondividu u jqassmu informazzjoni dwar ELI;
- jirrevedu ta' kul sena l-progress fl-implimentazzjoni ta' ELI u tal-metadata dwar il-leġiżlazzjonijiet Ewropej u nazzjonali.



