EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Deċiżjonijiet ta’ espulsjoni — rikonoxximent reċiproku mill-pajjiżi tal-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tiżgura li deċiżjoni minn pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE) li jitkeċċa ċittadin mhux tal-UE preżenti f’pajjiż ieħor tal-UE tiġi rispettata u osservata.

PUNTI EWLENIN

  • L-ordnijiet ta’ espulsjoni japplikaw għal ċittadini mhux tal-UE li:
    • jikkostitwixxu theddida serja u preżenti għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà u s-sikurezza nazzjonali;
    • instabu ħatja ta’ reat li jġib miegħu minimu ta’ sena priġunerija;
    • huma suspettati, fuq il-bażi ta’ raġunijiet serji u xhieda qawwija, li wettqu, jew beħsiebhom iwettqu tali reati;
    • jonqsu milli jikkonformaw mar-regoli nazzjonali dwar id-dħul jew ir-residenza.
  • Jekk l-individwu kkonċernat ikollu permess ta’ residenza validu, il-pajjiż li jimponi t-tkeċċija jrid jikkonsulta lill-pajjiż li ħareġ il-permess.
  • Il-pajjiżi tal-UE li japplikaw il-leġiżlazzjoni jridu:
    • jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
    • jiżguraw li l-individwu kkonċernat ikun jista’ jappella kontra l-ordni ta’ tkeċċija;
    • jipproteġu d-dejta personali u s-sigurtà tad-dejta;
    • jużaw il-forom ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni kollha xierqa biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni;
    • jikkumpensaw lil xulxin għall-ispejjeż finanzjarji involuti. L-arranġamenti huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE
  • Il-pajjiż li joħroġ l-ordni ta’ espulsjoni jrid jipprovdi lill-pajjiż li jinfurzaha bid-dokumenti neċessarji kollha malajr kemm jista’ jkun.
  • Il-pajjiż tal-infurzar tad-deċiżjoni jrid jiżgura li din ma tiksirx ir-regoli internazzjonali u nazzjonali rilevanti.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal membri tal-familja taċ-ċittadini tal-UE.
  • Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/110/KE tistabbilixxi l-arranġamenti ta’ transitu għal residenti mhux tal-UE illegali li jitkeċċew bl-ajru jew permezz ta’ pajjiż tal-UE ieħor.
  • Id-Direttiva 2008/115/KE tistabbilixxi standards u proċeduri komuni sabiex jiġu rritornati ċittadini mhux tal-UE li jirrisjedu illegalment.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (Regolament Dublin III) jistabbilixxi l-kriterji u l-proċeduri biex jiġi ddeterminat liema pajjiż tal-UE huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil.
  • F’Settembru 2005, il-Kunsill tal-Ewropa ħareġ 20 linja gwida dwar ritorni furzati.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mit-2 ta’ Ġunju 2001. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-2 ta’ Diċembru 2002.

SFOND

Ir-Renju Unit (1) u l-Irlanda, għalkemm ma humiex fiż-żona mingħajr passaport ta’ Schengen, japplikaw il-leġiżlazzjoni u jipparteċipaw fl-arranġamenti tagħha, kif jagħmlu wkoll l-Iżlanda u n-Norveġja, filwaqt li d-Danimarka le.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 149, 2.6.2001, pp. 34-36)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/110/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 fuq l-għajnuna f’każijiet ta’ transitu għal raġunijiet ta’ tneħħija bl-ajru (ĠU L 321, 6.12.2003, pp. 26-31)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE tat-23 ta’ Frar 2004 li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens tal-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar it-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 60, 27.2.2004, pp. 55–57)

Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, pp. 98–107)

Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 31–59)

l-aħħar aġġornament 09.01.2017



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top