EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protezzjoni temporanja f’każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2001/55/KE dwar ir-regoli sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u l-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri tal-UE

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi skema biex tindirizza l-wasliet bil-massa fl-Unjoni Ewropea (UE) ta’ ċittadini barranin li ma jistgħux jerġgħu lura lejn pajjiżhom, b’mod partikolari minħabba gwerra, vjolenza jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
  • Hija tistabbilixxi protezzjoni temporanja immedjata għal dawn il-persuni spostati.
  • Tippromwovi bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri tal-UE meta jirċievu l-persuni. Minkejja dan, ma teħtieġx distribuzzjoni obbligatorja ta’ dawk li qed ifittxu l-asil fl-Istati Membri kollha.
  • Id-Danimarka mhux qed tipparteċipa fid-direttiva.

PUNTI EWLENIN

L-implimentazzjoni ta’ protezzjoni temporanja

  • Il-protezzjoni temporanja hija implimentata fl-Istati Membri kollha b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tikkonferma influss bil-massa ta’ persuni spostati fl-UE u tiddikjara l-gruppi ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni.
  • It-tul ta’ żmien huwa ta’ sena imma jista’ jiġi estiż sa sentejn.
  • Il-protezzjoni tista’ tintemm jekk il-Kunsill iqis li huwa sigur għall-persuni li jmorru lura lejn pajjiżhom.
  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni spostati jkunu jixtiequ jiġu f’pajjiżhom.

Esklużjonijiet minn protezzjoni temporanja

Xi persuni jistgħu jkunu esklużi mill-protezzjoni temporanja.

Dan jinkludi nies li huma:

  • suspettati b’:
    • delitti kontra l-paċi*,
    • delitti tal-gwerra,
    • delitti kontra l-umanità,
    • delitti mhux politiċi serji;
  • li qed jaġixxu kontra l-iskopijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti;
  • periklu għas-sigurtà fl-Istat Membru ospitanti.

L-effetti tal-protezzjoni temporanja

  • L-Istati Membri jridu jagħtu lill-persuni li jingħataw protezzjoni temporanja permess ta’ residenza. Dan il-permess huwa validu għat-tul kollu tal-protezzjoni.
  • Il-persuni li jingħataw protezzjoni temporanja għandhom id-dritt li jkollhom:
    • impjieg jew jaħdmu għal rashom;
    • aċċess għall-edukazzjoni tal-adulti, għat-taħriġ vokazzjonali u għall-esperjenza ta’ xogħol;
    • akkomodazzjoni xierqa;
    • assistenza soċjali, appoġġ finanzjarju u kura medika.
  • Tfal taħt it-18 se jkollhom ukoll id-dritt għall-edukazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti.
  • Jekk xi membri tal-istess familja jkunu ngħataw protezzjoni temporanja fi Stati Membri differenti, jew jekk xi membri tal-familja jkunu għadhom mhux fl-UE, irid ikollhom id-dritt li jerġgħu jingħaqdu flimkien fl-istess Stat Membru.
  • Dawn ir-regoli huma b’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kif stabbilit fid-Direttiva 2013/33/UE (ara s-sommarju).

Applikazzjonijiet għall-asil

  • Il-persuni li jingħataw protezzjoni temporanja jridu jkunu jistgħu jressqu applikazzjoni għall-asil. L-Istat Membru li jirċievi l-persuna huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni.
  • Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li xi ħadd li jkun ingħata protezzjoni temporanja ma jistax ikollu l-istatus ta’ persuna li qed tfittex l-asil fl-istess ħin.
  • Dan jgħin lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piż fuq is-sistema tal-asil tagħhom billi joffru protezzjoni temporanja filwaqt li jipposponu l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-asil.
  • Id-Direttiva 2013/32/UE tistabbilixxi regoli komuni tal-UE għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ara s-sommarju).

It-tmiem tal-protezzjoni temporanja

  • Matul il-protezzjoni jew meta tintemm il-protezzjoni temporanja, l-Istati Membri jridu jieħdu passi sabiex jippermettu r-ritorn volontarju tal-persuni protetti.
  • Jekk ikun meħtieġ ir-ritorn infurzat, l-Istati Membri jridu jiżguraw li jkun hemm rispett dovut għad-dinjità tal-bniedem u li ma hemmx raġunijiet umanitarji b’saħħithom li jagħmlu r-ritorn impossibbli.
  • Il-persuni li ma jistgħux jivvjaġġaw għal raġunijiet ta’ saħħa ma jistgħux jiġu sfurzati jirritornaw sakemm titjieb saħħithom.
  • Familji li jkollhom tfal taħt it-18 u li jattendu l-iskola jistgħu jitħallew jibqgħu sat-tmiem tas-sena skolastika.

Il-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna

  • Wara l-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022, il-Kunsill adotta att ta’ implimentazzjoni, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2001/55/KE u li għandha effett li tintroduċi protezzjoni temporanja. Dan huwa l-ewwel darba meta tali deċiżjoni ġiet adottata fil-kuntest tad-Direttiva 2001/55/KE.
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 tapplika għal:
    • Ċittadini Ukreni li kienu qed jgħixu fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022;
    • persuni apolidi u ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE barra dawk mill-Ukrajna, li bbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali jew protezzjoni nazzjonali ekwivalenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta’ Frar 2022; u
    • membri tal-familja msemmija hawn fuq.

Appoġġ amministrattiv

Il-miżuri stabbiliti mid-direttiva jibbenefikaw mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni mwaqqaf taħt ir-Regolament (UE) Nru 516/2014. Jekk in-numru ta’ persuni spostati jaqbeż il-kapaċità ta’ akkoljenza indikata mill-Istati Membri, il-Kunsill ser jieħu miżuri xierqa, b’mod partikolari billi jirrakkomanda appoġġ addizzjonali għall-Istati Membri affettwati.

META BDEW JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2002.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Delitti kontra l-paċi. Taħt il-liġi internazzjonali, dan ifisser l-ippjanar, it-tħejjija, il-bidu u t-tmexxija ta’ gwerer ta’ aggressjoni, jew gwerra bi ksur tat-trattati, tal-ftehimiet jew tal-assigurazzjonijiet internazzjonali, jew il-parteċipazzjoni fi pjan komuni jew konfoffi għat-twettiq ta’ kwalunkwe minn dawn.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, pp. 12–23).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, pp. 1–6).

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 60–95).

Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 96-116).

Ir-Regolament (UE) Nru516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168-194).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 516/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 26.07.2022

Top