RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

Prevenzjoni u ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin

Din id-direttiva l-ġdida timplimenta regoli minimi madwar l-Unjoni Ewropea (UE) relatati mad-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin. Tipprevedi wkoll miżuri sabiex jipprevjenu aħjar dan il-fenomenu kif ukoll sabiex isaħħu l-protezzjoni tal-vittmi.

ATT

Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011).

SOMMARJU

It-traffikar tal-bnedmin huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar reati gravi fil-livell dinji. Jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u huwa forma moderna ta’ skjavitù. Id-direttiva l-ġdida adottata mill-Unjoni Ewropea (UE) tiddefinixxi r-regoli komuni minimi sabiex jiġi stabbilit il-ksur relatat mat-traffikar tal-bnedmin u sabiex tissanzjonah.

Definizzjonijiet

Ir-reklutaġġ, it-trasport, l-akkomodazzjoni jew l-ospitar ta’ persuni, inklużi l-iskambju jew it-trasferiment tal-kontroll eżerċitat fuq dawn il-persuni, għal finijiet ta’ sfruttament huma meqjusa bħala punibbli.

Bħala minimu, l-isfruttament ikopri:

  • l-isfruttament tal-prostituzzjoni jew ta’ forom oħrajn ta’ sfruttament sesswali;
  • ix-xogħol jew is-servizzi sfurzati (inklużi tallaba sfurzati, l-iskjavitù jew il-prattiki analogi għall-iskjavitù, is-servitudni, l-isfruttament ta’ attivitajiet kriminali, jew is-serq ta’ organi).

L-isfruttament jeżisti meta persuna tiġi sfurzata (theddid ta’ vjolenza, ħtif, frodi, tqarriq, eċċ.), indipendentement minn jekk il-vittma tatx il-kunsens tagħha.

Meta l-vittma tkun taħt l-età (persuna ta’ inqas minn 18-il sena), dawn l-atti ta’ sfruttament jaqgħu b’mod awtomatiku taħt il-kategorija ta’ traffikar tal-bnedmin, anki jekk ma jkun intuża l-ebda wieħed mill-mezzi ta’ sfurzar ċitati aktar ’il fuq.

Sanzjonijiet

Is-solleċitar tat-traffikar tal-bnedmin kif ukoll il-parteċipazzjoni, il-kumpliċità u t-tentattiv huma punibbli.

Id-direttiva tistabbilixxi l-piena massima għal dan il-ksur għal minimu ta’ ħames snin priġunerija u għal minimu ta' għaxar snin meta jistgħu jiġu pprovati ċ-ċirkustanzi aggravanti li ġejjin:

  • il-ksur twettaq kontra vittmi partikolarment vulnerabbli (it-tfal dejjem jaqgħu taħt din il-kategorija);
  • il-ksur twettaq fi ħdan organizzazzjoni kriminali;
  • il-ksur, b’mod deliberat jew minħabba negliġenza gravi, ipperikola ħajjet il-vittma;
  • il-ksur twettaq permezz ta’ vjolenzi gravi jew ikkaġuna ħsara partikolarment gravi lill-vittma.

Anki l-persuni ġuridiċi jistgħu jitqiesu responsabbli jekk il-ksur jitwettaq f'isimhom minn persuna li għandha setgħa ta’ tmexxija. L-istess japplika jekk nuqqas fis-sorveljanza jew fil-kontroll min-naħa ta’ din il-persuna jippermetti lil persuna oħra li hija responsabbli minnha sabiex twettaq dan il-ksur.

Is-sanzjonijiet kontra l-persuni ġuridiċi jinkludu multi penali jew mhux penali kif ukoll sanzjonijiet oħrajn bħat-tqegħid taħt kontroll ġudizzjarju jew stralċ.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li la jixlu u lanqas ma jissanzjonaw lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għaliex ħadu sehem f’attivitajiet kriminali li ġew sfurzati jagħmlu.

Fir-rigward tax-xili tal-awturi ta’ ksur, id-direttiva tipprevedi b’mod partikolari l-possibilità li l-Istati Membri jixlu liċ-ċittadini tagħhom għal ksur imwettaq f’pajjiż ieħor tal-UE u sabiex jirrikorru għal mezzi ta’ inkjesta tipiċi tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, bħas-smigħ tal-konverżazzjonijiet telefoniċi.

L-assistenza, l-għajnuna u l-protezzjoni tal-vittmi

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-vittmi jingħataw assistenza u għajnuna qabel, matul u wara l-proċedura penali sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-istatus ta’ vittma fil-kuntest tal-proċeduri penali. B’mod partikolari, din l-għajnuna tista’ tikkonsisti fl-għoti ta’ post ta’ kenn, kura medika, fosthom għajnuna psikoloġika, iżda anki tagħrif u servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni jekk dawn ikunu meħtieġa. Fir-rigward ta’ vittmi partikolarment vulnerabbli, it-tfal iridu jibbenefikaw minn miżuri addizzjonali bħal assistenza fiżika u psikosoċjali, l-aċċess għal sistema edukattiva u, jekk ikun hemm bżonn, il-possibilità li jinħatrilhom tutur jew rappreżentant.

Matul l-inkjesta u l-proċedura penali, il-vittmi jridu jirċievu protezzjoni adattata li tinkludi l-aċċess għal assistenza u rappreżentanza legali, jekk ikun hemm bżonn anki b’xejn, u għal programm ta’ protezzjoni tax-xhieda, jekk ikun hemm bżonn. Trid tiġi evitata kwalunkwe trawma ulterjuri għall-vittma, pereżempju billi jiġi evitat milli jkollha kwalunkwe tip ta’ kuntatt mal-persuna akkużata. It-tfal iridu jibbenefikaw minn miżuri speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-smigħ tagħhom. B’mod partikolari, jiġu interrogati mingħajr dewmien, f’postijiet xierqa u minn professjonisti mħarrġa f’dan ir-rigward.

Il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin irid ikollhom aċċess għal skemi ta’ kumpens tal-vittmi tal-kriminalità vjolenti intenzjonata.

Prevenzjoni

Sabiex jiġi evitat it-traffikar tal-bnedmin, id-direttiva titlob lill-Istati Membri sabiex:

  • jiskoraġġixxu d-domanda permezz tal-edukazzjoni u t-tagħlim;
  • jorganizzaw kampanji ta’ tagħrif u sensibilizzazzjoni;
  • iħarrġu lill-uffiċjali li aktarx li se jkunu f’kuntatt mal-vittmi tat-traffikar;
  • jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi stabbilit il-karattru illegali tal-użu tas-servizzi, sesswali jew oħrajn, ta’ persuna vittma tat-traffikar.

Ġie magħżul koordinatur Ewropew tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin sabiex jiggarantixxi approċċ koerenti fir-rigward tal-ġlieda kontra dan il-fenomenu fl-UE.

Id-Danimarka ma tiħux sehem fid-direttiva.

Kuntest

It-traffikar tal-bnedmin huwa projbit b’mod espliċitu mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-UE qiegħdet il-ġlieda kontra dan il-fenomenu bħala waħda mill-prijoritajiet tal-programm ta’ Stokkolma.

Din id-direttiva l-ġdida tieħu post Id-Deċiżjoni kwadru 2002/629/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Tadotta definizzjoni usa’ ta’ dan il-fenomenu billi tinkorpora forom oħra ta’ sfruttament.

REFERENZI

AttDħul fis-seħħSkadenza għat-traspożizzjoni fi ħdan l-Istati MembriĠurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2011/36/UE

15.4.2011

6.4.2013

ĠU L 101, 15.4.2011

ATTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016 [COM(2012) 286 finali – Għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali].
Il-Komunikazzjoni tippreżenta strateġija mfassla sabiex tiffoka fuq miżuri konkreti li sejrin jappoġġjaw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE, iġibu valur miżjud u jikkumplimentaw il-ħidma mwettqa mill-gvernijiet, organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi mhux fl-UE. L-istrateġija tidentifika l-ħames prijoritajiet li ġejjin bħala dawk li l-UE għandha tiffoka fuqhom:

  • l-identifikazzjoni, il-ħarsien u l-assistenza lill-vittmi tat-traffikar;
  • l-intensifikazzjoni tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin;
  • iż-żieda fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti;
  • koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa fost l-atturi ewlenin u koerenza politika;
  • għarfien akbar dwar tħassib emerġenti relatat ma’ kull għamla ta’ traffikar tal-bnedmin u reazzjoni effettiva għalih.

F’dawn il-prijoritajiet ta’ hawn fuq, il-Komunikazzjoni tiddeskrivi għadd ta’ azzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi li timplimenta matul il-ħames snin li ġejjin, flimkien mal-pajjiżi tal-UE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili tal-pajjiżi mhux fl-UE u s-settur privat.

Id-Deċiżjoni 2007/675/KE tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ottubru 2007 dwar it-twaqqif tal-Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin (ĠU L 277, 20.10.2007).

Pjan tal-UE li jikkonċerna l-aħjar prattiki, normi u proċeduri għall-prevenzjoni u l-ġlieda tat-traffikar tal-bnedmin (mhux disponibbli bil-Malti) (ĠU C 311, 9.12.2005).

L-aħħar aġġornament: 05.03.2013
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna