RSS
Werrej alfabetiku
Din il-pagna hija disponibbli fi 23-il lingwa
Lingwi godda disponibbli:  BG - CS - ET - GA - LV - LT - HU - MT - PL - RO - SK - SL

Id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri

L-Unjoni adottat Direttiva dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fl-Istati Membri, li tiġbor flimkien il-miżuri frammentarji li jinstabu fil-korp kumpless tal-leġiżlazzjoni li ilu jirregola din il-kwistjoni sal-lum. Il-miżuri l-ġodda huma maħsuba, fost affarijiet oħra, sabiex iħeġġu ċ-ċittadini tal-Unjoni biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fl-Istati Membri, biex inaqqsu l-formalitajiet amministrattivi għal dawk li huma essenzjali bażiċi, biex jipprovdu definizzjoni aħjar tal-istatus tal-membri tal-familja, biex jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni fuq ir-rifjut ta’ dħul jew fuq it-terminazzjoni tad-dritt ta’ residenza u biex jintroduċu dritt ġdid ta’ residenza permanenti.

ATT

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.

SOMMARJU

Id-Direttiva tgħaqqad fi strument wieħed il-leġiżlazzjoni kollha dwar id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni, li tikkonsisti minn żewġ regolamenti u disa’ direttivi (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV). Din is-simplifikazzjoni għandha l-għan li tagħmilha aktar faċli mhux biss għall-pubbliku ġenerali iżda wkoll għall-awtoritajiet pubbliċi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Id-Direttiva tfittex ukoll li tnaqqas għall-minimu indispensabbli l-formalitajiet li ċittadini tal-Unjoni u l-familji tagħhom ghandhom jimlew sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom.

Dispożizzjonijiet ġenerali

Din il-proposta hija maħsuba sabiex tirregola:

  • il-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċittadini tal-Unjoni * u l-familji tagħhom * jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fl-Istati Membri;
  • id-dritt ta’ residenza permanenti;
  • restrizzjonijiet fuq id-drittijiet imsemmija qabel għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

Dritt ta’ moviment u dritt ta’ residenza sa tliet xhur

Iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom id-dritt li jidħlu fi Stat Membru bis-saħħa ta’ karta ta’ identità jew passaport validu. Fl-ebda każ ma tista’ tintalab viża ta’ dħul jew ta’ ħruġ. Meta ċ-ċittadini kkonċernati ma jkollhomx dokumenti tal-ivvjaġġar, l-Istat Membru ospitanti għandu joffrilhom kull mezz raġonevoli sabiex jiksbu d-dokumenti meħtieġa jew biex jintbagħtulhom dawn id-dokumenti.

Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru jgawdu l-istess drittijiet taċ-ċittadin li jkunu akkumpanjaw. Dawn jistgħu jkunu suġġetti għal rekwiżiti ta' viża għal żjara qasira (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV) skont ir-Regolament (KE) Nru 539/2001. Il-permessi ta’ residenza għandhom jitqiesu ekwivalenti għall-viżi ta’ żjara qasira.

Għal żjarat ta’ inqas minn tliet xhur, iċ-ċittadini tal-Unjoni jeħtieġ biss li jkunu fil-pussess ta’ dokument tal-identità jew passaport validu. L-Istat Membru ospitanti jista' jitlob lill-persuni kkonċernati jirreġistraw il-preżenza tagħhom fil-pajjiż sa perjodu ta’ żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju.

Dritt ta’ residenza għal aktar minn tliet xhur

Id-dritt ta’ residenza għal aktar minn tliet xhur jibqa’ suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. L-applikanti għandhom:

  • ikunu involuti f’attività ekonomika (bħala impjegati jew jaħdmu għal rashom);
  • jew ikollhom riżorsi suffiċjenti (DA) (DE) (EL) (EN) (ES) (FR) (IT) (NL) (PT) (FI) (SV) u assigurazzjoni kontra l-mard sabiex jiġi żgurat li matul iż-żjara tagħhom ma jsirux piż fuq is-servizzi soċjali tal-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri ma jistgħux jispeċifikaw l-ammont minimu li huma jikkunsidraw bħala suffiċjenti, iżda dawn għandhom jieħdu kont taċ-ċirkostanzi personali;
  • jew ikunu qed isegwu taħriġ vokazzjonali bħala studenti u jkollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni kontra l-mard sabiex jiġi żgurat li matul iż-żjara tagħhom ma jsirux piż fuq is-servizzi soċjali tal-Istat Membru ospitanti;
  • jew ikunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija hawn fuq.

Il-permessi ta’ residenza huma mneħħija għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jitolbuhom jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti sa perjodu ta’ mhux inqas minn tliet xhur mid-data tal-wasla. Il-prova ta’ reġistrazzjoni se tinħareġ immedjatament mal-preżentazzjoni ta’:

  • karta tal-identità u passaport validu;
  • prova li l-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ġew osservati (ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-prova meħtieġa għal kull kategorija ta’ ċittadin). Iċ-ċittadini tal-Unjoni involuti fit-taħriġ għandhom juru, permezz ta’ dikjarazzjoni jew kwalunkwe mezz ieħor, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom infushom u għall-membri tal-familja tagħhom sabiex jiġi żgurat li ma jsirux piż fuq is-servizzi soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Dan se jkun biżżejjed biex jipprova li dawn jikkonformaw mal-kundizzjoni tar-riżorsi.

Il-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru jridu japplikaw għal permess ta’ residenza bħala membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni. Dawn il-permessi huma validi għal ħames snin mid-data tal-ħruġ tagħhom.

Taħt ċerti kundizzjonijiet il-mewt ta’ ċittadin tal-Unjoni, it-tluq tiegħu jew tagħha mill-Istat Membru ospitanti, id-divorzju, l-annullament ta’ żwieġ jew it-tmiem ta’ sħubija ma jaffettwawx id-dritt tal-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru milli jibqgħu jgħixu fl-Istat Membru in kwistjoni.

Id-dritt ta’ residenza permanenti

Iċ-ċittadini tal-Unjoni jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti wara perjodu ta’ ħames snin ta’ residenza legali mhux interrotta, bil-kundizzjoni li ma tkunx inħarġet deċiżjoni ta’ espulsjoni kontrihom. Dan id-dritt ta’ residenza permanenti ma għadux soġġett għal xi kundizzjoni. L-istess regoli japplikaw għal membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għexu flimkien ma’ ċittadin tal-Unjoni għal ħames snin. Id-dritt ta’ residenza permanenti jintilef biss f’każ ta’ assenza ta’ aktar minn sentejn wara xulxin mill-Istat Membru ospitanti.

Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jitolbu dan jirċievu dokument li jiċċertifika d-dritt tagħhom għal residenza permanenti. L-Istati Membri joħorġu permessi ta’ residenza permanenti lill-membri tal-familji minn pajjiżi terzi li huma validi b’mod indefinit u li jistgħu jiġġeddu awtomatikament kull għaxar snin sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li ssir l-applikazzjoni. Iċ-ċittadini jistgħu jużaw kull forma ta’ prova li hija ġeneralment aċċettata fl-Istat Membru ospitanti sabiex jipprovaw li ilhom jgħixu kontinwament hemmhekk.

Dispożizzjonijiet komuni dwar id-dritt ta’ residenza u d-dritt ta’ residenza permanenti

Dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni li jikkwalifikaw għad-dritt ta’ residenza jew id-dritt ta’ residenza permanenti u l-membri tal-familja tagħhom jibbenefikaw ukoll minn trattament indaqs maċ-ċittadini tal-pajjiżi ospitanti fl-ispazji koperti mit-Trattat. Madankollu, l-Istat Membru ospitanti mhuwiex obbligat li jagħti d-dritt għas-sigurtà soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza għal persuni li mhumiex ħaddiema impjegati jew jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom. Bl-istess mod, l-Istati Membri ospitanti mhumiex meħtieġa, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jagħtu għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż għat-taħriġ vokazzjonali, fil-forma ta’ għotjiet jew ta’ self lil dawn l-istess persuni. Il-membri tal-familji, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, se jkunu intitolati jidħlu fl-attività ekonomika bħala impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom.

Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u d-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika

Iċ-ċittadini tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom jistgħu jitkeċċew mill-Istat Membru ospitanti minħabba raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Fl-ebda każ ma tista’ tittieħed deċiżjoni ta’ espulsjoni minħabba raġunijiet ekonomiċi. Miżuri li jaffettwaw il-libertà ta’ moviment u residenza għandhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat. Din il-kondotta għandha tirrappreżenta theddida preżenti u suffiċjentement gravi li tista’ taffettwa ħażin l-interessi fundamentali tal-istat.

Il-kundanni kriminali preċedenti ma jiġġustifikawx awtomatikament espulsjoni. Is-sempliċi fatt li d-dokumenti ta’ dħul użati mill-individwu kkonċernat ikunu skadew ma jikkostitwix raġuni għal miżura bħal din.

Fi kwalunkwe każ, qabel ma jieħu deċiżjoni ta’ espulsjoni, l-Istat Membru għandu jevalwa numru ta’ fatturi bħall-perjodu li fih l-individwu kkonċernat ikun ilu residenti, l-età, il-grad ta’ integrazzjoni u s-sitwazzjoni tal-familja tiegħu jew tagħha fl-Istat Membru ospitanti u r-rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini. F’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi dwar is-sigurtà pubblika, jistgħu jiġu nnotifikati ordnijiet ta’ espulsjoni lil ċittadin tal-Unjoni jekk dan ikun għex fil-pajjiż ospitanti għal għaxar snin jew jekk ikun minuri.

Il-persuna kkonċernata minn deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni biex titħalla tidħol jew tgħix fi Stat Membru għandha tiġi notifikata bid-deċiżjoni bil-kundizzjoni li din tkun tista' tifhem il-kontenut u l-effetti tagħha. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet tad-deċiżjoni u l-persuna kkonċernata għandha tkun informata bil-proċeduri ta’ appell li għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Ħlief f’emerġenzi, is-suġġett ta’ deċiżjonijiet bħal dawn għandu jingħata mill-inqas xahar biex iħalli l-Istat Membru.

Ordnijiet ta’ esklużjoni tul il-ħajja ma jistgħux jinħarġu taħt ebda ċirkostanza. Il-persuni kkonċernati mill-ordnijiet ta’ esklużjoni, wara tliet snin, jistgħu japplikaw biex is-sitwazzjoni tiġi riveduta. Id-Direttiva tipprovdi wkoll għal serje ta’ garanziji proċedurali. B’mod partikolari l-individwi kkonċernati għandhom aċċess għal reviżjoni ġudizzjarja u, fejn xieraq, għal reviżjoni amministrattiva fl-Istat Membru ospitanti.

Dispożizzjonijiet finali

L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirtiraw kull dritt mogħti minn din id-Direttiva fil-każ ta’ ksur ta’ drittijiet jew frodi, bħal żwiġijiet ta’ konvenjenza.

Din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew l-arranġamenti amministrattivi li jipprovdu għal trattament aktar favorevoli.

B’effett mit-30 t’April 2006, l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, id-Direttiva 64/221/KE, id-Direttiva 68/360/KE, id-Direttiva 72/194/KEE, id-Direttiva 73/148/KEE, id-Direttiva 75/34/KEE, id-Direttiva 75/35/KEE, id-Direttiva 90/364/KEE, id-Direttiva 90/365/KEE u d-Direttiva 93/96/KEE ġew irtirati. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 635/2006 tal-25 ta’ April 2006 iħassar ukoll Regolament Nru 1251/70 (DE) (EN) (ES) (FR) skont is-sostituzzjoni tal-kontenut ta’ dan tal-aħħar bid-dispożizzjonijiet il-ġodda ta’ din id-Direttiva.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1251/70 ġie mħassar ukoll u sostitwit b’din id-Direttiva.

Fl-10 ta’ Diċembru 2008 l-Kummissjoni ppreżentat Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

Kliem ewlieni
  • Ċittadin tal-Unjoni: kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
  • Membru tal-familja: il-konjuġi; is-sieħeb ta’ unjoni rreġistrat, jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti tikkunsidra s-sħubijiet bħala ugwali għal żwieġ; id-dixxendenti diretti li huma taħt l-età ta’ 21 jew huma dipendenti u dawk tal-konjuġi jew tas-sieħeb kif definit hawn fuq; il-qraba diretti dipendenti fil-linja tal-axxendenti u dawk tal-konjuġi jew is-sieħeb.

REFERENZI

Att Dħul fis-seħħ Skadenza għat-transpożizzjoni fl-Istati Membri Ġurnal Uffiċjali
Id-Direttiva 2004/38/KE

30.4.2004

29.4.2006

ĠU L 158, 30.4.2004

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-2 ta’ Lulju 2009 dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2009) 313 finali — Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
Din il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri għall-applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE.

Din il-gwida tiċċara d-drittijiet taċ-ċittadini u l-membri tal-familja tagħhom u ddawwal l-Istati Membri dwar il-miżuri li jistgħu jieħdu, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-abbużi tad-drittijiet u ż-żwiġijiet ta’ konvenjenza.

Sabiex tiġi garantita l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 2004/38/KE, il-Kummissjoni tintrabat li timplimenta l-inizjattivi li ġejjin:

  • l-aġġornament ta’ gwida għaċ-ċittadini biex dawn isiru aktar familjari mad-drittijiet tagħhom;
  • l-organizzazzjoni ta’ laqgħat bilaterali mal-Istati Membri.
L-aħħar aġġornament: 28.11.2009
Avviż legali | Dwar dan is-sit | Fittex | Kuntatt | It-tarf ta’ fuq tal-paġna