Ewropa għaċ-Ċittadini (2007-2013)
Din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-programm “Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perjodu 2007–2013. Dan il-programm huwa maħsub li jkompli, b’ċerti innovazzjonijiet proposti, l-attivitajiet li bdew taħt il-programm 2004 – 2006. Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu involuti b’mod attiv fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, il-programm jipproponi li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex in-nies tal-Ewropa jitlaqqgħu flimkien u biex jiżdied is-sens ta’ identità Ewropea.
ATT
Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Ewropa għaċ-Ċittadini għall-perjodu 2007–2013 li jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva (ara l-att(i) emendatorju(i)).
SOMMARJU
Bil-ħsieb li jinvolvi attivament lill-pubbliku fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, dan il-programm huwa maħsub sabiex iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet taċ-ċittadini f’diversi pajjiżi. Għaldaqstant iċ-ċittadini jistgħu jingħaqdu flimkien u jieħdu azzjoni f’ambjent Ewropew li jirrispetta d-diversità tagħhom.
Qabel ma ppubblikat din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika estensiva minn Diċembru 2004 sa Frar 2005 u wara organizzat forum konsultattiv fit-3 u l-4 ta’ Frar 2005. Il-konsultazzjoni fuq l-Internet wasslet għal aktar minn elf reazzjoni, li 700 minnhom kienu minn organizzazzjonijiet u madwar 300 minn individwi. Dan il-programm għall-perjodu 2007–2013 huwa t-tkomplija tal-programm ta’ azzjoni Komunitarju li jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva (2004–2006).
Għanijiet
L-għanijiet ġenerali tal-programm huma dawn li ġejjin:
- li jagħti l-opportunità liċ-ċittadini li jinteraġixxu u jieħdu sehem fil-bini ta’ Ewropa dejjem eqreb tagħhom, li hija miftuħa għad-dinja, magħquda fid-diversità kulturali tagħha u arrikkita minnha;
- li jiġi żviluppat sens ta’ identità Ewropea fost iċ-ċittadini Ewropej, imsejjes fuq il-valuri, l-istorja u l-kultura komuni rikonoxxuti;
- li jitrawwem sens ta’ appartenenza mal-Unjoni Ewropea (UE) fost iċ-ċittadini tagħha;
- li jissaħħu t-tolleranza u l-fehim reċiproku bejn iċ-ċittadini Ewropej b’rispett għad-diversità kulturali u lingwistika u l-promozzjoni tagħha, filwaqt li jkun hemm kontribut għal djalogu interkulturali.
L-għanijiet speċifiċi tiegħu huma li:
- ilaqqa’ nies minn komunitajiet lokali minn madwar l-Ewropa sabiex jikkondividu u jiskambjaw esperjenzi, opinjonijiet u valuri, sabiex jitgħallmu mill-istorja u jibnu għall-ġejjieni;
- irawwem azzjoni, dibattitu u riflessjoni relatati maċ-ċittadinanza Ewropea u d-demokrazija, permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew;
- iwassal l-idea ta’ Ewropa aktar tanġibbli għaċ-ċittadini tagħha billi jippromwovi u jiċċelebra l-valuri u l-kisbiet tal-Ewropa, filwaqt li jżomm il-memorja tal-imgħoddi tagħha;
- iħeġġeġ l-integrazzjoni bbilanċjata bejn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi parteċipanti kollha, filwaqt li jikkontribwixxi għad-djalogu interkulturali u jagħti prominenza kemm lid-diversità tal-Ewropa kif ukoll lill-unità tagħha, b’attenzjoni partikolari għall-attivitajiet mal-Istati Membri li li għadhom kif daħlu fl-UE.
L-għanijiet tal-programm għandhom jiġu riflessi f’erba’ tipi ta’ azzjonijiet:
Azzjoni 1: “Ċittadini attivi għall-Ewropa”
Din l-azzjoni tinvolvi liċ-ċittadini direttament permezz ta’ attivitajiet ta’ ġemellaġġi bejn l-ibliet u proġetti taċ-ċittadini sabiex jiddiskutu dwar kwistjonijiet Ewropej u jiżviluppaw fehim reċiproku permezz ta’ parteċipazzjoni diretta. Sabiex il-ġemellaġġi bejn l-ibliet u l-proġetti taċ-ċittadini jitjiebu, jeħtieġ ukoll li jiġu żviluppati miżuri ta’ appoġġ biex jiġu skambjati metodi tal-aħjar prattika, biex jinġabru flimkien l-esperjenzi bejn dawk li għandhom interess fil-livelli lokali u reġjonali u biex jiġu żviluppati ħiliet ġodda, pereżempju, permezz ta’ taħriġ. Bħala indikazzjoni, mill-inqas 45 % tal-baġit totali allokat għall-programm se jkun iddedikat għal din l-azzjoni.
Azzjoni 2: “Soċjetà ċivili attiva fl-Ewropa”
Madwar 31 % tal-baġit totali allokat għall-programm se jkun iddedikat għal din l-azzjoni, li tinkludi:
- appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka fil-politika pubblika Ewropea (gruppi ta’ riflessjoni);
- appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq livell Ewropew;
- appoġġ għal proġetti li jinbdew minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali.
Azzjoni 3: “Flimkien għall-Ewropa”
Madwar 10 % tal-baġit totali allokat għall-programm se jkun iddedikat għal din l-azzjoni, li tappoġġja:
- avvenimenti ta’ profil għoli, bħal kommemorazzjonijiet ta’ avvenimenti storiċi, avvenimenti artistiċi, premjazzjonijiet biex jiġu enfasizzati suċċessi prinċipali u konferenzi madwar l-Ewropa;
- studji, sondaġġi u stħarriġ tal-opinjoni pubblika;
- għodod ta’ informazzjoni u ta’ tixrid.
Azzjoni 4: “Tifkira Ewropea Attiva”
Madwar 4 % tal-baġit totali allokat għall-programm se jkun iddedikat għal din l-azzjoni, li tinkludi proġetti li jippreservaw tifkira Ewropea attiva. Dawn huma prinċipalment proġetti maħsuba biex jippreservaw is-siti ewlenin u l-arkivji assoċjati mad-deportazzjonijiet tal-massa u ma’ dawk li kienu kampijiet ta’ konċentrament u biex jikkommemoraw il-vittmi tal-isterminazzjonijiet tal-massa u d-deportazzjonijiet tal-massa li seħħew matul ir-reġim Nażist u Stalinist.
Parteċipazzjoni
Il-pajjiżi li ġejjin jistgħu jieħdu sehem fil-programm, skont il-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji:
- l-Istati Membri;
- l-Istati tal-EFTA li huma parti mill-Ftehim taż-ŻEE;
- il-pajjiżi kandidati li qegħdin jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni;
- pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.
Il-programm japplika għal dawn li ġejjin:
- awtoritajiet u organizzazzjonijiet lokali;
- organizzazzjonijiet ta’ riċerka fil-politika pubblika Ewropea (gruppi ta’ riflessjoni);
- gruppi taċ-ċittadini u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, pjattaformi, netwerks, assoċjazzjonijiet, federazzjonijiet, trejdjunjins, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet edukattivi attivi fil-qasam tax-xogħol volontarju jew sport amatorjali.
Ġestjoni, baġit u evalwazzjoni
Il-Kummissjoni hija megħjuna minn kumitat u għandha tadotta ħafna mill-miżuri ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ ġestjoni. Dan jinkludi deċiżjonijiet ta’ għażla relatati ma’ għotjiet operattivi, ftehimiet ta’ ġemellaġġ multi-annwali u avvenimenti ta’ profil għoli. Fir-rigward ta deċiżjonijiet oħra ta’ għażla, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tinforma lill-kumitat u lill-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet adottati. Il-baġit propost għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm huwa ta’ EUR 215 miljun. Madwar 10 % tal-baġit totali allokat ikopri n-nefqa amministrattiva.
Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-programm sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010. Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-programm għandha tiġi ppreżentata sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ex-post għandu jiġi sottomess sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015.
REFERENZI
| Att | Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza | Skadenza għat-transpożizzjoni fl-Istati Membri | Ġurnal Uffiċjali |
|---|---|---|---|
| Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE |
1.1.2007 – 31.12.2013 |
— |
ĠU L 378, 27.12.2006 |
| Att(i) emendatorju(i) | Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza | Skadenza għat-transpożizzjoni fl-Istati Membri | Ġurnal Uffiċjali |
|---|---|---|---|
| Deċiżjoni Nru 1358/2008/KE |
31.12.2008 – 31.12.2013 |
— |
ĠU L 350, 30.12.2008 |
ATTI RELATATI
Communication from the Commission — Making citizenship Work: fostering European culture and diversity through programmes for Youth, Culture, Audiovisual and Civic Participation [COM(2004) 154 final — Official Journal C 122 of 30.4.2004] (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2004 — Iċ-Ċittadinanza Attiva: naħdmu favur il-kultura u d-diversità Ewropea permezz tal-programmi fil-qasam taż-Żgħażagħ, il-Kultura, l-Awdjoviżwali u s-Sehem Ċiviku).



