EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 98/29/KE — l-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni għal transazzjonijiet b’kopertura għall-perjodu ta’ żmien medju jew twil

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija tarmonizza s-sistemi uffiċjali nazzjonali differenti tal-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni* biex tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tal-UE.
  • Hija tistabbilixxi prinċipji komuni għall-kopertura tal-assigurazzjoni, il-premiums, il-polzi tal-kopertura tal-pajjiżi u l-proċeduri ta’ notifika.

PUNTI EWLENIN

  • Il-leġiżlazzjoni tapplika għall-kopertura tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi. L-istituzzjonijiet kollha li jipprovdu kopertura, direttament jew indirettament, għandhom jikkonformaw mat-termini tagħha.
  • Ir-riskji koperti jistgħu jkunu kummerċjali, politiċi, relatati mal-manifattura jew il-kreditu.
  • L-assiguraturi huma responsabbli jekk it-telf ikun direttament jew indirettament dovut għall-falliment tad-debitur jew għal żviluppi politiċi jew ekonomiċi.
  • L-assiguraturi mhumiex responsabbli għal telf minħabba fatturi bħal:
    • imġiba jew ommissjonijiet min-naħa tad-detentur tal-polza; jew
    • in-nuqqas tas-subkuntratturi li jissodisfaw l-obbligi tagħhom.
  • It-talbiet għandhom jitħallsu mingħajr dewmien, jew, mill-inqas, fi żmien xahar mill-perjodu ta’ stennija*.
  • Il-premiums għandhom:
    • jikkorrispondu għar-riskju tal-pajjiż, sovran, pubbliku u/jew privat kopert;
    • jirriflettu adegwatament il-portata u l-kwalità tal-kopertura mogħtija;
    • ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż operattivi u t-telf fit-tul.
  • Polza tal-kopertura ta' pajjiż għandu tirrifletti valutazzjoni tar-riskji involuti, notevolment l-espożizzjoni totali illi tkun għadha ma ġietx konkluża ta’ pajjiż u/jew il-valur tal-kuntratti l-ġodda li għandhom jiġu koperti.
  • Il-proċeduri ta’ Notifika ddisinjati biex jiżguraw it-trasparenza fis-sistema japplikaw għal:
    • notifika annwali għall-informazzjoni;
    • notifika għal deċiżjoni;
    • notifika għall-informazzjoni ex-ante u ex-post.
  • Din il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għall-kopertura tal-assigurazzjoni għal:
    • offerti;
    • ħlasijiet bil-quddiem;
    • bonds ta’ prestazzjoni jew ritenzjoni*;
    • tagħmir u materjal tal-kostruzzjoni użat lokalment.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mit-8 ta’ Ġunju 1998. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ April 1999.

* TERMINI EWLENIN

Assigurazzjoni tal-krediti għall-esportazzjoni: dawn jipproteġu esportatur ta’ prodotti u servizzi kontra r-riskju tan-nuqqas ta’ ħlas minn klijent barrani. Meta jagħtu assigurazzjoni kundizzjonali lill-esporatatur li l-pagament isir jekk xerrej barrani ma jkunx jista’ jħallas, huma jnaqqsu r-riskji tal-pagamenti assoċjati man-negozju barra mill-pajjiż.

Perjodu ta’ stennija: it-tul ta’ żmien stabbilit biex jimmaterjalizza r-riskju kopert.

Bonds ta’ prestazzjoni jew ritenzjoni*: bonds li jipproteġu klijent ladarba biċċa xogħol jew proġett ikun lest. Huma jiggarantixxu li l-kuntrattur jagħmel kwalunkwe xogħol meħtieġ biex jirrimedja difetti skoperti immedjatament wara t-tlestija tal-kuntratt, anke jekk il-kuntrattur ikun tħallas kompletament.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/29/KE tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-armonizzazzjoni tad-disposizzjonijiet prinċipali fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni għal transazzjonijiet b’ kopertura għall-perjodu ta’ żmien medju jew twil (ĠU L 148, 19.5.1998, pp. 22-32)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 98/29/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/789/KE tat-13 ta’ Novembru 2006 dwar proċeduri ta’ konsultazzjoni u informazzjoni f’materji ta’ assigurazzjoni ta’ kreditu, garanziji ta’ kreditu u krediti finanzjarji (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 319, 18.11.2006, pp. 37-45)

l-aħħar aġġornament 30.01.2017

Top