EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sikurezza ferrovjarja

 

SOMMARJU TA’:

id-Direttiva 2004/49/KE — is-sikurezza ferrovjarja tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li tistabbilixxi sistema ferrovjarja aktar kompetittiva u sikura li tkopri ż-żona ta’ kummerċ kollha tal-UE minflok ma’ tillimita ruħha l-aktar għas-swieq nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Id-Direttiva tapplika għas-sistema ferrovjarja tal-pajjiżi tal-UE u tkopri r-rekwiżiti tas-sikurezza għas-sistema b’mod ġenerali, inkluż il-ġestjoni tal-infrastruttura u t-traffiku, u l-interazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji* u maniġers tal-infrastruttura*.
  • B’rabta ma’ dan, id-Direttiva tiffoka fuq 4 aspetti ewlenin:
    • l-istabbilment, f’kull pajjiż tal-UE, ta’ awtorità responsabbli għas-superviżjoni tas-sikurezza;
    • ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati tas-sikurezza mogħtija fil-pajjiżi tal-UE;
    • l-istabbiliment ta’ indikaturi tas-sikurezza komuni (CSIs) sabiex jiġi vvalutat jekk is-sistema tikkonformax mal-miri tas-sikurezza komuni (CSTs) u tiffaċilita l-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-sikurezza ferrovjarja;
    • id-definizzjoni ta’ regoli komuni għall-investigazzjonijiet tas-sikurezza.

Żvilupp u ġestjoni tas-sikurezza

  • Ir-regoli u l-istandards tas-sikurezza, bħar-regoli operatorji, ir-regoli ta’ sinjalar, u r-rekwiżiti dwar il-persunal u r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-vetturi ferrovjarji ġew ippjanati l-aktar fuq livell nazzjonali.
  • Dawn ir-regoli ta’ sikurezza nazzjonali, jenħtieġ li jiġu sostitwiti b’mod gradwali b’regoli bbażati fuq l-istandards komuni, stabbiliti minn speċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabbiltà (TSIs) — il-kapaċità li tagħmir jew gruppi joperaw ma’ xulxin. Il-Kummissjoni Ewropea għandha s-setgħa li tissospendi l-implimentazzjoni tar-regoli tas-sikurezza nazzjonali għal massimu ta’ 6 xhur.
  • B’rabta ma’ dan, il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li:
    • b’mod ġenerali, is-sikurezza ferrovjarja tinżamm u tiġi mtejba b’mod kontinwu, filwaqt li jitqies l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-UE;
    • ir-regoli tas-sikurezza jiġu stabbiliti, applikati u infurzati b’mod miftuħ u mhux diskriminatorju;
    • il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji jeħtiġilhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-operat sikur tas-sistema ferrovjarja u l-kontroll tar-riskji assoċjat magħha;
    • tinġabar informazzjoni dwar l-indikaturi tas-sikurezza permezz ta’ rapporti annwali sabiex jiġi vvalutat l-eżitu tas-CSTs u jiġi mmonitorjat l-iżvilupp ġenerali tas-sikurezza ferrovjarja.

Ċertifikazzjoni tas-sikurezza

  • Sabiex tingħata aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, impriża ferrovjarja jeħtieġ li jkollha ċertifikat tas-sikurezza. Dan iċ-ċertifikat tas-sikurezza jista’ jkopri n-netwerk ferrovjarju kollu ta’ pajjiż tal-UE jew parti definita minnu biss.
  • Għas-servizzi tat-trasport internazzjonali, jenħtieġ li jkun biżżejjed li s-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza tiġi approvata f’pajjiż tal-UE wieħed biex l-approvazzjoni tingħata validità mal-UE kollha.
  • L-aderenza għal-liġijiet nazzjonali min-naħa l-oħra jenħtieġ li tkun soġġetta għal ċertifikazzjoni addizzjonali f’kull pajjiż tal-UE.
  • Iċ-ċertifikat tas-sikurezza jeħtieġlu jiġi mġedded mal-applikazzjoni mill-impriża ferrovjarja f’intervalli li ma jaqbżux il-5 snin. Parti minn dan iċ-ċertifikat jew iċ-ċertifikat kollu jridu jiġu aġġornati kull meta t-tip jew il-firxa tal-operazzjoni titbiddel b’mod sostanzjali.
  • Minbarra r-rekwiżiti tas-sikurezza stabbiliti fiċ-ċertifikat, l-impriżi ferrovjarji liċenzjati jeħtiġilhom jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali, mal-liġi applikabbli tal-UE u jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju, fir-rigward ta’ kundizzjonijiet tas-saħħa, tas-sikurezza u soċjali, inklużi regoli fir-rigward tal-ħin tas-sewqan, u tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi.
  • Aspett essenzjali tas-sikurezza huwa t-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-persunal, b’mod partikolari tas-sewwieqa tal-ferroviji. It-taħriġ ikopri r-regoli operattivi, is-sistema ta’ sinjalar, l-għarfien tar-rotot u l-proċeduri ta’ emerġenza.

Manutenzjoni tal-vetturi

Qabel titqiegħed fis-servizz jew tintuża fin-netwerk, kull vettura tiġi assenjata entità ta’ manutenzjoni (li tista’ tkun, b’mod partikolari, impriża ferrovjarja jew amministratur tal-infrastruttura). L-entità tiżgura l-kundizzjoni ta’ ħidma tal-vetturi billi tintroduċi sistema ta’ manutenzjoni skont il-ktieb tal-manutenzjoni tal-vettura u r-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli.

Awtorità ta’ sikurezza nazzjonali

  • Kull pajjiż tal-UE għandu jistabbilixxi awtorità ta’ sikurezza li tkun indipendenti mill-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura, l-applikanti għaċ-ċertifikati u l-entitajiet tal-akkwist. Din ser:
    • tirrispondi minnufih għat-talbiet u l-applikazzjonijiet;
    • tikkomunika t-talbiet tagħha għal informazzjoni mingħajr dewmien; u
    • tadotta d-deċiżjonijiet kollha tagħha fi żmien 4 xhur wara li tkun ingħatat l-informazzjoni kollha mitluba.
  • L-awtorità tas-sikurezza ser twettaq l-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha u tingħata aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha u għall-bini, l-installazzjonijiet u t-tagħmir tal-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji.

Investigazzjonijiet ta’ aċċidenti u inċidenti

  • Inċidenti ferrovjarji serji, bħal deraljamenti u kolliżjonijiet b’konsegwenzi fatali, iseħħu rarament iżda, meta jseħħu, dawn jiġbdu l-interess pubbliku u l-interess tal-professjonisti tas-sikurezza madwar l-UE.
  • Il-kriterji li jirregolaw l-indipendenza tal-korp investigattiv huma strettament definiti sabiex dan il-korp ma jkollu l-ebda rabta mad-diversi atturi tas-settur. Dan il-korp jiddeċiedi jekk għandhiex issir investigazzjoni ta’ aċċident jew inċident bħal dan jew le, u jiddetermina l-estent tal-investigazzjonijiet u l-proċedura li għandha tiġi segwita.
  • Kull pajjiż tal-UE għandu jiżgura li l-investigazzjonijiet tal-aċċidenti u l-inċidenti jitmexxew minn korp permanenti, li jinkludi mill-inqas investigatur wieħed kapaċi li jwettaq il-funzjoni ta’ investigatur responsabbli f’każ ta’ aċċident jew inċident.

Revoka tad-Direttiva 2004/49/KE posposta

  • Id-Direttiva (UE) 2016/798 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ara s-sommarju) se tirrevoka u tibdel id-Direttiva 2004/49/KE. Id-Direttiva l-ġdida timmira li ttejjeb is-sikurezza ferrovjarja mal-UE kollha billi tirrevedi l-irwol tal-awtoritajiet tas-sikurezza nazzjonali (NSAs) u talloka mill-ġdid ir-responsabbiltajiet bejniethom u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji. L-Anness V tad-Direttiva 2004/49/KE jrid japplika sad-data ta’ applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 (strutturi ta’ rappurtar għal rapporti ta’ investigazzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti).
  • Id-Direttiva (UE) 2016/798 hija waħda mit-3 atti leġiżlattivi li jkopru l-aspetti tekniċi tar-raba’ pakkett ferrovjarju li jimmira li jagħti nifs ġdid lis-settur ferrovjarju u jagħti kwalità ta’ servizz aħjar u għażla akbar lill-passiġġieri. Hija taħdem flimkien mar-regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ara s-sommarju) u d-Direttiva dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja (ara s-sommarju).
  • Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, ir-Regolament (UE) 2020/698 ġie adottat u introduċa miżuri speċifiċi u temporanji rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport. Ir-regolament jestendi t-termini stabbiliti fid-Direttiva 2004/49/KE b’6 xhur.
  • Id-Direttiva (UE) 2016/798 kellha tidħol fis-seħħ mis-16 ta’ Ġunju 2020. Madankollu, minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, id-Direttiva (UE) 2020/700 ġiet adottata biex testendi l-perjodi ta’ traspożizzjoni u ta’ revoka tagħha.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-30 ta’ April 2004 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ April 2006.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Impriżi ferrovjarji: kumpaniji pubbliċi jew privati involuti fil-provvista ta’ oġġetti u/jew servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija.
Maniġers tal-infrastruttura: korpi jew kumpaniji responsabbli, b’mod partikolari għall-istabbiliment, il-bini u ż-żamma ta’ infrastruttura jew parti minnha, u s-sikurezza. F’ċerti pajjiżi tal-UE, is-sikurezza tista’ tiġi delegata lill-impriżi ferrovjarji.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-ferroviji tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-ferroviji u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferroviji u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferroviji u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva dwar is-Sikurezza Ferrovjarja) (ĠU L 164, 30.4.2004, pp. 44-113)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/49/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għanda valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport (ĠU L 165, 27.5.2020, pp. 10-24)

Id-Direttiva (UE) 2020/700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Direttivi 2016/797/KE u (UE) 2016/798 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi tat-traspożizzjoni tagħhom (ĠU L 165, 27.5.2020, pp. 27-30)

Ir-Regolament (UE) Nru 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, pp. 1-43)

Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, pp. 44-101)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva (EU) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, pp. 102-149)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, pp. 13-59)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (ĠU L 191, 18.7.2008, pp. 1-45)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, pp. 14-41)

Id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU L 315, 3.12.2007, pp. 51-78)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 653/2007 tat-13 ta’ Ġunju 2007 dwar l-użu ta’ format komuni Ewropew għaċ-ċertifikati tas-sigurtà u d-dokumenti tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u dwar il-validità taċ-ċertifikati tas-sigurtà li nħarġu skond id-Direttiva 2001/14/KE (ĠU L 153, 14.6.2007, pp. 9-24)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, pp. 9-19)

l-aħħar aġġornament 03.07.2020

Top